Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0409

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/409 tal- 11 ta' Marzu 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

ĠU L 67, 12.3.2015, pp. 23–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/11/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/409/oj

12.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/23


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/409

tal-11 ta' Marzu 2015

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Il-miżuri fis-seħħ

(1)

Fil-15 ta' Settembru 2011, il-Kunsill impona dazji antidumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 (2) (“ir-Regolament oriġinali”).

(2)

Rata tad-dazju unika ta' 26,3 % ġiet imposta fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat mill-grupp ta' produtturi esportaturi li ġejjin:

—

Dongguan City Wonderful Ceramics Industrial Park Co., Ltd u Guangdong Jiamei Ceramics Co. Ltd (flimkien imsejħa Wonderful Group) u

—

Qingyuan Gani Ceramics Co. Ltd u Foshan Gani Ceramics Co. Ltd (flimkien imsejħa Gani Group).

(3)

Kif stipulat fil-premessi (96) sa (98) tar-Regolament oriġinali, wara d-divulgazzjoni tar-riżultati provviżorji, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ġiet innotifikata li r-relazzjoni bejn il-kumpaniji kienu nqatgħu u abbażi ta' dan kellhom jiġu applikati dazji individwali għal Gani Group u Wonderful Group. Din it-talba ma setgħetx tiġi aċċettata f'dan l-istadju minħabba li kien jeħtieġ li jiġu eżaminati sewwa l-merti tagħha.

1.2.   Talba għal rieżami interim parzjali

(4)

Fit-2 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami interim parzjali mill-Gani Group.

(5)

Gani Group sostna li ma għadhomx relatati maż-żewġ kumpaniji l-oħra, (Wonderful Group) minħabba li r-relazzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja bejniethom kienet waqfet f'Marzu 2011. Gani Group għalhekk talab rieżami interim tal-miżuri fis-seħħ, minħabba li r-rata tad-dazju unika fis-seħħ ma kinitx għadha xierqa.

1.3.   Il-bidu ta' rieżami interim parzjali

(6)

Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni sostniet li għalhekk għandu jingħata bidu għal rieżami bħal dan.

(7)

Fil-31 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni bdiet rieżami interim parzjali tal-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni ppubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

(8)

Ir-rieżami kienet limitata fl-ambitu għall-eżami tal-istruttura tas-sjieda ta' Gani Group u, jekk ikun iġġustifikat, ex officio tal-marġini tad-dumping sa fejn huwa kkonċernat Gani Group.

(9)

Ir-rieżami kopriet ukoll ex officio l-istess kwistjonijiet f'dak li jikkonċerna lil Wonderful Group.

1.4.   Il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami

(10)

L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2013 (“il-perjodu ta' investigazzjoni”).

1.5.   Il-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(11)

Il-Kummissjoni ħeġġet kemm lil Gani Group u Wonderful Group biex jikkooperaw mal-investigazzjoni u jwieġbu għall-kwestjonarji tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprovdiet opportunità għall-kumpaniji biex jitolbu trattament tal-ekonomija tas-suq skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

(12)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni kienet għażlet lill-Istati Uniti tal-Amerika bħala pajjiż terz b'ekonomija tas-suq (“pajjiż analogu”) fit-tifsira tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u ħeġġet lill-partijiet biex jikkumentaw dwar din l-għażla.

(13)

Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkumentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.6.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju u ż-żjarat ta' verifika

(14)

Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand iż-żewġ gruppi kif ukoll minn żewġ produtturi fil-pajjiż analogu.

(15)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja għar-rieżami tagħha. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

—

Il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat

—

Dongguan City Wonderful Ceramics Industrial Park Co., Ltd;

—

Guangdong Jiamei Ceramics Co. Ltd.;

—

Qingyuan Gani Ceramics Co. Ltd u

—

Foshan Gani Ceramics Co. Ltd

—

Produtturi fil-pajjiż analogu li talbu it-trattament kunfidenzjali abbażi tar-riskju ta' ritaljazzjoni.

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

(16)

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa l-istess bħal dak definit fir-Regolament oriġinali, jiġifieri ċangaturi u pavimentar taċ-ċeramika gglejżjat u mhux igglejżjat u madum tal-fuklar jew tal-ħitan; kubi tal-mużajk taċ-ċeramika gglejżjati u mhux igglejżjati u dawk simili, kemm fuq sfond kif ukoll jekk le (“il-prodott ikkonċernat”), u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM 6907 10 00 , 6907 90 20 , 6907 90 80 , 6908 10 00 , 6908 90 11 , 6908 90 20 , 6908 90 31 , 6908 90 51 , 6908 90 91 , 6908 90 93 u 6908 90 99 .

3.   ID-DUMPING

3.1.   Trattament tal-Ekonomija tas-Suq

(17)

L-ebda wieħed mill-gruppi ma talbu trattament tal-ekonomija tas-suq skont l-Artikolu 2(7) (c) tar-Regolament bażiku.

3.2.   Pajjiż Analogu

(18)

Kif stabbilit hawn fuq, il-Kummissjoni pproponiet l-Istati Uniti tal-Amerika bħala pajjiż analogu, kif kien il-każ fl-investigazzjoni preċedenti. Il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll kumpaniji f'numru ta' pajjiżi analogi oħra possibbli, iżda ma rċeviet l-ebda tweġibiet jew kooperazzjoni minn kumpaniji oħra. L-għażla tal-Istati Uniti tal-Amerika kienet għalhekk ikkonfermata kif xieraq.

3.3.   L-investigazzjoni

(19)

L-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ stabbiliet li Gani Group u Wonderful Group kienu relatati, minħabba li wieħed mill-azzjonisti ta' Wonderful Group kellu aktar minn 5 % tal-ishma f'kumpanija f'Gani Group. Il-marġini ta' dumping ġie kkalkulat b'mod separat għal kull grupp. Il-marġini tal-ħsara għaż-żewġ gruppi kienu ogħla mill-marġini ta' dumping.

(20)

Biex jitqies ir-riskju li, minħabba r-rabtiet korporattivi tagħhom, il-kumpaniji bl-ogħla marġini ta' dumping individwali jistgħu jgħaddu l-esportazzjonijiet tagħhom permezz ta' kumpaniji b'marġini ta' dumping aktar baxx, il-marġini tad-dumping medju peżat uniku ġie mbagħad ikkalkulat għaż-żewġ gruppi u ġiet imposta rata tad-dazju unika.

(21)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk l-allegata bidla fir-relazzjoni twassalx biex ir-rata tad-dazju unika ma tkunx għadha ġġustifikata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni eżaminat il-ħtieġa għar-rieżami tal-marġini ta' dumping individwali.

(22)

L-investigazzjoni tar-rieżami żvelat li l-ishma msemmija fil-premessa (19) kienu mibjugħa lis-sid ta' Gani Group u Wonderful Group m'għadx għandha sehem f'Gani Group. Ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li ż-żewġ gruppi għandhom xi konnessjonijiet strutturali jew korporattivi oħra. Għaldaqstant, il-bidla tar-relazzjoni bejn iż-żewġ gruppi ġiet aċċettata kif mitlub u Gani Group u Wonderful Group ġew ikkunsidrati li m'għadhomx relatati għall-finijiet ta' speċifikar tad-dazju.

(23)

Minn dan isegwi li ma għadx hemm raġunijiet għall-impożizzjoni tar-rata tad-dazju unika. Minflok, ir-rati tad-dazju individwali separati għandhom jiġu assenjati lil Gani Group u Wonderful Group.

(24)

Dwar il-ħtieġa għal rieżami tal-marġini ta' dumping individwali kif ikkalkulat għal kull wieħed mill-gruppi fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ, il-Kummissjoni evalwat jekk iċ-ċirkostanzi rigward iż-żewġ gruppi kkonċernati kinux inbidlu b'mod sinifikanti b'tali mod li tkun teħtieġ ir-rieżami ta' dawn l-marġini ta' dumping individwali.

(25)

L-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ stabbiliet dan li ġej:

(1)

Ma kellhomx faċilitajiet ta' produzzjoni komuni;

(2)

Ma kellhomx kumpaniji tal-bejgħ tal-ishma komuni u

(3)

Ma ssottokuntrattawx għal xulxin.

(26)

L-investigazzjoni tar-rieżami kkonfermat li din is-sitwazzjoni ma nbidlitx minkejja l-bidla fir-relazzjoni.

(27)

F'dawn iċ-ċirkostanzi speċifiċi, il-Kummissjoni tqis li t-tmiem tar-relazzjoni ma bidilx il-funzjonament taż-żewġ gruppi b'ebda mod li jkollu effett fuq il-kalkolu tal-marġini tad-dumping tagħhom. Għalhekk, l-emenda ta' dawn il-marġini ta' dumping abbażi ta' kalkoli ġodda mhijiex ġustifikabbli skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

(28)

B'kunsiderazzjoni għal dan ta' hawn fuq, il-marġini ta' dumping separati ikkalkulati fl-investigazzjoni oriġinali għandhom jiġu imposti bħala dazji individwali. Dawn il-marġini ta' dumping huma 13,9 % għal Gani Group u 32,0 % għal Wonderful Group.

(29)

Il-partijiet interessati ngħataw dawn ir-riżultati kif ukoll żmien biex jikkummentaw.

(30)

Wonderful Group l-ewwel sostna li huma kienu għarrfu lill-Kummissjoni matul iż-żjara ta' verifika fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li xi evidenza mressqa minn Gani Group fit-talba għal rieżami kienet falza jew qarrieqa. Huma indikaw li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku għal din it-tip ta' sitwazzjoni. Huma urew dubji wkoll dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku kienux ġew osservati f'dan ir-rigward.

(31)

Il-Kummissjoni vverifikat l-evidenza kollha relevanti ddokumentata kif suppost miġbura matul l-investigazzjoni, li wriet li ż-żewġ gruppi ma kinux iktar relatati ma' xulxin, kif ukoll l-evidenza dwar il-funzjonament ta' kull wieħed miż-żewġ gruppi, kemm qabel kif ukoll wara l-waqfien tar-relazzjoni. Din l-evidenza tikkonferma li l-grupp inqasam f'żewġ partijiet b'mod irrevokabbli, fatt li mhuwiex ikkontestat minn Wonderful Group.

(32)

Abbażi ta' dawn il-fatti, il-Kummissjoni m'għandhiex raġuni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, dawn il-fatti jikkonfermaw li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku kien ġie osservat.

(33)

It-tieni nett Wonderful Group staqsa jekk id-dispożizzjoni li “l-ammont tad-dazju antidumping ma jaqbiżx il-marġini ta' dumping stabbilit” fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku ġietx osservata, abbażi tal-fatt li l-prezzijiet tal-esportazzjoni ġodda u l-valuri normali tal-pajjiż analogu ġew ivverifikati matul din l-investigazzjoni.

(34)

Kif stipulat fil-premessi (24) sa (27) hawn fuq, l-investigazzjoni wriet li l-funzjonament ta' kull wieħed miż-żewġ gruppi ma nbidilx bħala riżultat tal-waqfien tar-relazzjoni. Kif spjegat fin-Notifika ta' Bidu, f'dan il-każ, l-ebda marġini ta' dumping ġdid ma kien meħtieġ. L-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku ġie osservat, għax l-ammont tad-dazju antidumping ma jaqbiżx il-marġini ta' dumping, kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. Il-fatt li l-prezzijiet tal-esportazzjoni l-ġodda u l-valuri normali tal-pajjiż analogu ġew ivverifikati wkoll matul din l-investigazzjoni ma jbiddilx din il-konklużjoni.

(35)

Fl-aħħar nett Wonderful Group issuġġerixxa li “jingħata marġini individwali lil kumpaniji li darba kienu relatati iżda fejn din ir-relazzjoni tkun intemmet” huwa preċedent perikoluż li jiġi stabbilit u jippermetti lil grupp ta' kumpaniji biex jimmanipula l-miżuri tad-difiża kummerċjali.

(36)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma' dan is-suġġeriment. Kull rieżami jitwettaq abbażi tal-merti tagħha kif stabbilit bl-investigazzjoni u mhux fuq spekulazzjoni, u fejn il-kumpaniji mhumiex relatati ma' xulxin huma intitolati għad-dazju individwali tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

(37)

L-assoċjazzjoni tal-industrija tal-Unjoni Cerame-Unie (CET) sostniet li t-tmiem tar-relazzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja ma jfissirx li tista' tiġi eliminata l-possibbiltà ta' ċirkomvenzjoni permezz tal-grupp bl-anqas dazju. Biex jintwera dan, CET semmiet li ż-żmien meta ż-żewġ gruppi nqasmu ħabat mal-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji fil-każ oriġinali, u li ż-żewġ gruppi ma ddiskutewx dwar il-qsim qabel il-bidu tal-każ oriġinali. Matul l-investigazzjoni oriġinali l-gruppi kienu relatati u għalhekk CET sostniet li Gani Group u Wonderful Group kellhom aċċess għad-dejta ta' xulxin

(38)

Madankollu CET ma pprovdiet l-ebda evidenza biex issostni dawn is-suppożizzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni issa għandha l-obbligu li timponi dazji individwali fuq kull wieħed miż-żewġ gruppi minħabba li ġie stabbilit li dawn ma humiex aktar relatati ma' xulxin. Il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra żewġ gruppi ta' kumpaniji li huma legalment separati bħala relatati għal finijiet ta' impożizzjoni ta' rata tad-dazju unika sempliċement minħabba il-possibbiltà biss li ż-żewġ gruppi jistgħu jikkollaboraw flimkien.

(39)

CET argumentat li jekk l-operazzjonijiet kummerċjali taż-żewġ gruppi baqgħu l-istess, kif ġie żvelat, għaldaqstant lanqas ir-riskju ta' ċirkomvenzjoni bejn iż-żewġ gruppi ma kellu jinbidel.

(40)

Il-Kummissjoni ċaħdet dan l-argument. L-unika raġuni għaliex iż-żewġ gruppi kienu ttrattati bħala grupp wieħed fl-investigazzjoni oriġinali kienet minħabba r-rabta tas-sjieda, u dan il-fatt illum ma għadux jeżisti.

(41)

CET semmiet ukoll li l-postijiet tal-faċilitajiet tal-produzzjoni taż-żewġ kumpaniji huma relattivament qrib xulxin, li tagħmel iċ-ċirkomvenzjoni fiżika tal-miżuri relattivament sempliċi.

(42)

Il-Kummissjoni ċaħdet dan l-argument ukoll. Fil-fatt, ma hemm l-ebda bażi legali biex kumpaniji mhux relatati jingħataw l-istess dazju, sempliċiment minħabba l-fatt li l-kumpaniji huma relattivament qrib xulxin u għalhekk iċ-ċirkomvenzjoni tkun aktar sempliċi. Huwa komuni fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li jkun hemm ħafna produtturi ta' prodott partikolari f'belt jew żona waħda.

(43)

B'kunsiderazzjoni għal dak li ntqal hawn fuq, il-kummenti li waslu wara d-divulgazzjoni ma biddlux il-konklużjoni kif stabbilita fil-premessa (28) ta' hawn fuq. Għaldaqstant, il-marġini ta' dumping separati ikkalkulati fl-investigazzjoni oriġinali għandhom jiġu imposti bħala dazji individwali. Dawn il-marġini ta' dumping huma 13,9 % għal Gani Group u 32,0 % għal Wonderful Group.

(44)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-Tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 se tiġi emendata kif ġej:

—

Il-linja ta' hawn taħt titneħħa mit-tabella:

Kumpanija

Dazju

Kodiċi addizzjonali TARIC

“Dongguan City Wonderful Ceramics Industrial Park Co., Ltd; Guangdong Jiamei Ceramics Co. Ltd.; Qingyuan Gani Ceramics Co. Ltd.; Foshan Gani Ceramics Co. Ltd

26,3 %

B011 ”

—

Il-linji segwenti jiddaħħlu fit-tabella:

Kumpanija

Dazju

Kodiċi addizzjonali TARIC

“Dongguan City Wonderful Ceramics Industrial Park Co., Ltd; Guangdong Jiamei Ceramics Co. Ltd

32,0 %

B938

Qingyuan Gani Ceramics Co. Ltd.; Foshan Gani Ceramics Co. Ltd

13,9 %

B939 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011 tat-12 ta' Settembru 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 238, 15.9.2011, p. 1).

(3)   ĠU C 28, 31.1.2014, p. 11


Top