Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1763

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1763 tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi

ĠU L 257, 2.10.2015, pp. 37–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 24/09/2025

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1763/oj

2.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/37


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1763

tal-1 ta' Ottubru 2015

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Marzu 2015, l-Unjoni Ewropea tenniet il-pożizzjoni li hija ħadet mill-bidu tal-kriżi fil-Burundi, li huwa biss permezz tad-djalogu li jwassal għall-konsensus, konformement mal-Ftehim Arusha għall-Paċi u Rikonċiljazzjoni tal-2000 u l-Kostituzzjoni tal-Burundi, li tkun tista' tinstab soluzzjoni politika dejjiema fl-interessi tas-sigurtà u d-demokrazija għall-poplu kollu tal-Burundi.

(2)

Fit-18 ta' Mejju 2015, il-Kunsill ikkundanna t-tentattiv ta' kolp ta' stat fil-Burundi kif ukoll kull att ta' vjolenza jew abbuż mill-ordni kostituzzjonali, irrispettivament mill-awturi, u esprima t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi. Il-Kunsill esprima wkoll id-determinazzjoni tiegħu li jieħu kull miżura meħtieġa kontra l-partijiet Burundjani li b'għemilhom ikomplu jqanqlu l-vjolenza u jagħmluha diffiċli li tinstab soluzzjoni politika.

(3)

Fit-22 ta' Ġunju 2015 il-Kunsill esprima t-tħassib serju tiegħu kemm dwar in-numri tal-vittmi kif ukoll dwar in-numru tal-każijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem rappurtati mindu bdiet il-kriżi, partikolarment dawk l-abbużi attribwiti lill-forzi tas-sigurtà u lill-membri tal-Imbonerakure. Il-Kunsill ukoll tenna li kien determinat li jadotta, jekk ikun meħtieġ, miżuri restrittivi mmirati kontra dawk li l-azzjonijiet tagħhom setgħu wasslu jew jistgħu jwasslu, għal atti ta' vjolenza u ripressjoni u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u/jew jistgħu jfixklu l-isforz għal soluzzjoni politika fi ħdan il-qafas propost mill-Unjoni Afrikana u l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant.

(4)

Fit-23 ta' Lulju 2015, l-Unjoni Ewropea ddeplorat li l-gvern tal-Burundi ma kienx implimenta bis-sħiħ id-deċiżjonijiet rilevanti tal-Unjoni Afrikana u tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant li kienu jwittu t-triq għal elezzjonijiet kredibbli u inklużivi.

(5)

Il-Kunsill għadu serjament imħasseb dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi. Fiċ-ċirkustanzi attwali, u konformement mal-Konklużjoniiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2015, għandhom jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi ta' persuni, entitajiet jew korpi li jimminaw id-demokrazija jew qed ifixklu l-isforz għal soluzzjoni politika fil-Burundi, inkluż b'atti ta' vjolenza, repressjoni jew inċitament għall-vjolenza, persuni, entitajiet jew korpi involuti fl-ippjanar, fid-direzzjoni u fit-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi serji kontra d-drittijiet tal-bniedem, fil-Burundi, kif ukoll persuni, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.

(6)

Tinħtieġ aktar azzjoni mill-Unjoni biex ċerti miżuri jiġu implimentati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fi, jew transitu minn, it-territorji tagħhom ta':

(a)

persuni fiżiċi li jimminaw id-demokrazija jew ifixklu l-isforz għal soluzzjoni politika fil-Burundi, inkluż b'atti ta' vjolenza, repressjoni jew inċitament għall-vjolenza;

(b)

persuni fiżiċi involuti fl-ippjanar, fid-direzzjoni u fit-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi serji kontra id-drittijiet tal-bniedem, fil-Burundi; u

(c)

persuni fiżiċi assoċjati ma' dawk imsemmija fil-punti (a) u (b),

kif elenkati fl-Anness.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.

3.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut minn obbligu skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)

bħala pajjiż li jospita organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)

bħala pajjiż li jospita konferenza internazzjonali mlaqqa' minn, jew taħt il-patroċinju ta', in-Nazzjonijiet Uniti; jew

(c)

taħt ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet; jew

(d)

skont it-Trattat ta' Konċiljazzjoni (il-Patt Lateran) tal-1929 konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

4.   Il-paragrafu 3 għandu jitqies bħala li japplika wkoll f'każijiet fejn Stat Membru jkun il-pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

5.   Il-Kunsill għandu jiġi infurmat kif meħtieġ fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni taħt il-paragrafi 3 jew 4.

6.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għal raġunijiet ta' bżonn umanitarju urġenti, jew għal raġunijiet ta' attendenza għal laqgħat intergovernattivi u dawk promossi jew ospitati mill-Unjoni Ewropea, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali tal-OSKE, fejn jitmexxa djalogu politiku li jippromwovi b'mod dirett l-objettivi ta' politika tal-miżuri restrittivi, inklużi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fil-Burundi.

7.   Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies li ngħatat ħlief jekk membru wieħed jew aktar tal-Kunsill joġġezzjonaw bil-miktub fi żmien jumejn ta' xogħol mir-riċezzjoni tan-notifika dwar l-eżenzjoni proposta. Fil-każ li membru wieħed jew aktar tal-Kunsill joġġezzjonaw, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

8.   Fejn, taħt il-paragrafi 3, 4, 6 jew 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul fi, jew it-transitu minn, it-territorju tiegħu tal-persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun strettament limitata għall-iskop li għalih ingħatat u għall-persuni direttament ikkonċernati minnu.

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għal, huma proprjetà ta', miżmuma jew kontrollati minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jimminaw id-demokrazija jew qed ifixflu l-isforz għal soluzzjoni politika fil-Burundi, inkluż b'atti ta' vjolenza, repressjoni jew inċitament għall-vjolenza;

(b)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti fl-ippjanar, fid-direzzjoni u fit-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi serji kontra d-drittijiet tal-bniedem, fil-Burundi; u

(c)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati mal-persuni, entitajiet jew korpi msemmijin fil-punti (a) u (b),

kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.

3.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tawtorizza r-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, taħt il-kundizzjonijiet li hi tqis xierqa, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

(a)

meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness u l-membri tal-familja dipendenti ta' tali persuni fiżiċi, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew garanziji ipotekarji, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta' servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-għoti ta' servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi għaż-żamma jew manutenzjoni regolari ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

(d)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, bil-kundizzjoni li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, għall-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, bil-kundizzjoni li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta' deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmijin fil-paragrafu 1 jkunu ġew elenkati fl-Anness, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja li tkun eżegwibbli fl-Istat Membru konċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklużivament biex jiġu sodisfatti pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

5.   Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jinsabu elenkati fl-Anness milli jagħmlu pagament dovut taħt kuntratt li għamlu qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fih, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-pagament ma jiġix riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmijin fil-paragrafu 1.

6.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

(c)

pagamenti dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat,

dment li kwalunkwe tali imgħax, qligħ u pagamenti oħrajn jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

1.   Għandu jkun il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li jiddeċiedi li jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernati, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, biex jipprovdi lil tali persuna, entità jew korp l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrivedi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernati kif meħtieġ.

Artikolu 4

1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1).

2.   L-Anness għandu jinkludi wkoll, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi kkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet, inklużi psewdonomi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 5

Sabiex ikun massimizzat l-impatt tal-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-3 ta' Ottubru 2016.

Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kontinwa. Hija għandha tiġġedded, jew tiġi emendata skont il-każ, jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħha ma ntlaħqux.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-1 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SCHNEIDER


ANNESS

Lista tal-persuni, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikoli 1 u 2

Nru

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għad-deżinjazzjoni

1.

Godefroid BIZIMANA

Data tat-Twelid: 23.4.1968

Post tat-Twelid: NYAGASEKE, MABAYI, CIBITOKE

Nazzjonalità Burundjana. Numru tal-passaport: DP0001520

Viċi Direttur Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali, responsabbli li dgħajjef id-demokrazija billi ħa deċiżjonijiet operazzjonali li wasslu għal użu sproporzjonat ta' forza u atti ta' repressjoni vjolenti lejn dimostrazzjonijiet paċifiċi li bdew fis-26 ta' April 2015 wara li tħabbret il-kandidatura presidenzjali tal-President Nkurunziza.

2.

Gervais NDIRAKOBUCA psewdonimu NDAKUGARIKA

Data tat-Twelid: 1.8.1970

Nazzjonalità Burundjana. Numru tal-passaport: DP0000761

Kap tal-Kabinett tal-Amministrazzjoni Presidenzjali (Présidence) responsabbli minn kwistjonijiet relatati mal-Pulizija Nazzjonali. Responsabbli li fixkel it-tfittxija għal soluzzjoni politika fil-Burundi billi ta struzzjonijiet li wasslu għal użu sproporzjonat ta' forza, atti ta' vjolenza, atti ta' repressjoni u ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem kontra dimostranti waqt protesti mis-26 ta' April 2015 'il quddiem, wara li tħabbret il-kandidatura tal-President Nkurunziza, inkluż fis-26, 27 u t-28 ta' April fid-distretti ta' Nyakabiga u Musaga f'Bujumbura.

3.

Mathias/Joseph NIYONZIMA psewdonimu KAZUNGU

Numru ta' reġistrazzjoni (SNR): O/00064

Nazzjonalità Burundjana. Numru tal-passaport: OP0053090

Uffiċjal fis-Servizz tal-Intelligence Nazzjonali. Responsabbli li fixkel it-tfittxija għal soluzzjoni politika fil-Burundi billi inċita l-vjolenza u atti ta' repressjoni waqt il-protesti li bdew fis-26 ta' April 2015 wara li tħabbret il-kandidatura presidenzjali tal-President Nkurunziza. Responsabbli li għen iħarreġ, jikkoordina u jarma lill-milizzji paramilitari Imbonerakure, inkluż barra l-Burundi, li huma responsabbli għal atti ta' vjolenza, repressjoni u abbużi serji kontra d-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi.

4.

Léonard NGENDAKUMANA

Data tat-Twelid: 24.11.1968

Nazzjonalità Burundjana. Numru tal-passaport: DP0000885

Ex-“Chargé de Missions de la Présidence” u ex ġeneral tal-armata. Responsabbli li fixkel it-tfittxija għal soluzzjoni politika fil-Burundi billi ħa sehem fit-tentattiv ta' kolp ta' stat fit-13 ta' Mejju 2015 biex iwaqqa' l-Gvern Burundjan. Responsabbli għal atti ta' vjolenza — attakki bil-granati — imwettqa fil-Burundi, kif ukoll għal inċitament għall-vjolenza. Il-Ġeneral Léonard Ngendakumana pubblikament appoġġa l-vjolenza bħala mezz biex jintlaħqu għanijiet politiċi.


Top