Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1028

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1028/2014 tas- 26 ta' Settembru 2014 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1207/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti għall-prestazzjoni u l-interoperabilità tas-sorveljanza għall-ajru uniku Ewropew Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 284, 30.9.2014, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 04/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1770

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/1028/oj

    30.9.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 284/7


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1028/2014

    tas-26 ta' Settembru 2014

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1207/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti għall-prestazzjoni u l-interoperabilità tas-sorveljanza għall-ajru uniku Ewropew

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-interoperabilità tax-Xibka Ewropea ta' Amministrazzjoni ta' Traffiku tal-Ajru (ir-Regolament dwar l-interoperabilità) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1207/2011 (2) jistabbilixxi rekwiżiti dwar is-sistemi li jikkontribwixxu għall-għoti ta' dejta ta' sorveljanza sabiex ikunu żgurati l-armonizzazzjoni tal-prestazzjoni, l-interoperabilità u l-effiċjenza ta' dawk is-sistemi fi ħdan in-netwerk Ewropew għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u sabiex ikun hemm koordinazzjoni ċivili-militari.

    (2)

    Sabiex ikunu jistgħu jgħammru inġenji tal-ajru ġodda b'kapaċitajiet ġodda, l-operaturi għandu jkollhom l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għat-tagħmir mill-inqas 24 xahar qabel id-data ta' applikazzjoni prevista. Madankollu, l-Ispeċifikazzjonijiet taċ-Ċertifikazzjoni rilevanti ma ġewx adottati mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) qabel Diċembru 2013. Bħala konsegwenza ta' dan, l-operaturi mhux se jkunu jistgħu jgħammru inġenji tal-ajru ġodda bil-funzjonalitajiet il-ġodda ADS-B “Out” u Mode S Enhanced sat-8 ta' Jannar 2015. Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 1207/2011 għandu jiġi emendat, sabiex l-operaturi kkonċernati jingħataw biżżejjed żmien addizzjonali għal dan l-għan.

    (3)

    Dewmien fiċ-ċertifikazzjoni u d-disponibbiltà tat-tagħmir meħtieġ, kif ukoll ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità industrijali rigward it-tgħammir tal-inġenji tal-ajru, jaffettwaw l-installazzjoni bla xkiel ta' sistemi ġodda f'inġenji tal-ajru tal-flotta eżistenti. Għadd ta' inġenji tal-ajru, b'mod partikolari dawk li jintużaw għal operazzjonijiet transatlantiċi, għandhom ukoll ikunu mgħammra b'funzjonalità ADS-B “Out” sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2020, skont l-ordnijiet tal-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni tal-Istati Uniti (FAA). Id-data għall-installazzjoni ta' sistemi ġodda f'inġenji tal-ajru eżistenti għall-ADS-B “Out” u Mode S Enhanced għandha għalhekk tiġi posposta u tinġieb aktar konformi mal-iskadenza għar-rekwiżiti tal-FAA ADS-B.

    (4)

    Operaturi ta' inġenji tal-ajru tal-Istat għandhom jibbenefikaw minn posponimenti simili fid-dati tal-implimentazzjoni li jibbenefikaw minnhom operaturi oħra tal-inġenji tal-ajru. Għalhekk, anki l-iskadenza għar-retroinstallazzjoni tal-funzjonalitajiet ġodda ADS-B “Out” u Mode S Enhanced fl-inġenji tal-ajru tal-Istat għandha tiġi posposta.

    (5)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 għandu jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku li ġie stabbilit permezz tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

    “4.   L-operaturi għandhom jiżguraw li:

    (a)

    l-inġenji tal-ajru li joperaw it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2(2) b'ċertifikat individwali tal-ajrunavigabilità li jkun inħareġ għall-ewwel darba fit-8 ta' Jannar 2015 jew wara, ikunu mgħammra bi transponders tar-radars ta' sorveljanza sekondarji li jkollhom il-kapaċitajiet imniżżla fil-Parti A tal-Anness II;

    (b)

    l-inġenji tal-ajru b'massa ta' tluq massima ċċertifikata li taqbeż il-5 700 kg jew b'kapaċità massima ta' tajran b'veloċità moderata reali fl-arja ta' aktar minn 250 knots, li joperaw it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2(2), b'ċertifikat individwali tal-ajrunavigabilità li jkun inħareġ għall-ewwel darba fit-8 ta' Ġunju 2016 jew wara, ikunu mgħammra bi transponders tar-radars ta' sorveljanza sekondarji li, minbarra li jkollhom il-kapaċitajiet imniżżla fil-Parti A tal-Anness II, ikollhom ukoll il-kapaċitajiet imniżżla fil-Parti B ta' dak l-Anness;

    (c)

    l-inġenji tal-ajru bi ġwienaħ fissi b'massa ta' tluq massima ċċertifikata li taqbeż il-5 700 kg jew b'kapaċità massima ta' tajran b'veloċità moderata reali fl-arja ta' aktar minn 250 knots, li joperaw it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2(2), b'ċertifikat individwali tal-ajrunavigabilità li jkun inħareġ għall-ewwel darba fit-8 ta' Ġunju 2016 jew wara, ikunu mgħammra bi transponders tar-radars ta' sorveljanza sekondarji li, minbarra li jkollhom il-kapaċitajiet imniżżla fil-Parti A tal-Anness II, ikollhom ukoll il-kapaċitajiet imniżżla fil-Parti C ta' dak l-Anness.”

    (b)

    Il-paragrafu 5 jinbidel b'dan li ġej:

    “5.   L-operaturi għandhom jiżguraw li:

    (a)

    sa mhux aktar tard mis-7 ta' Diċembru 2017, l-inġenji tal-ajru li joperaw it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2(2) b'ċertifikat individwali ta' ajrunavigabilità li jkun inħareġ għall-ewwel darba qabel it-8 ta' Jannar 2015, ikunu mgħammra bi transponders tar-radars ta' sorveljanza sekondarji li jkollhom il-kapaċitajiet imniżżla fil-Parti A tal-Anness II;

    (b)

    sa mhux aktar tard mis-7 ta' Ġunju 2020, l-inġenji tal-ajru b'massa ta' tluq massima ċċertifikata li taqbeż il-5 700 kg jew b'kapaċità massima ta' tajran b'veloċità moderata reali fl-arja ta' aktar minn 250 knots, li joperaw it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2(2), b'ċertifikat individwali tal-ajrunavigabilità li jkun inħareġ għall-ewwel darba qabel it-8 ta' Ġunju 2016, ikunu mgħammra bi transponders tar-radars ta' sorveljanza sekondarji li, minbarra li jkollhom il-kapaċitajiet imniżżla fil-Parti A tal-Anness II, ikollhom ukoll il-kapaċitajiet imniżżla fil-Parti B ta' dak l-Anness;

    (c)

    sa mhux aktar tard mis-7 ta' Ġunju 2020, l-inġenji tal-ajru bi ġwienaħ fissi b'massa ta' tluq massima ċċertifikata li taqbeż il-5 700 kg jew b'kapaċità massima ta' tajran b'veloċità moderata reali fl-arja ta' aktar minn 250 knots, li joperaw it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2(2), b'ċertifikat individwali tal-ajrunavigabilità li jkun inħareġ għall-ewwel darba qabel it-8 ta' Ġunju 2016, ikunu mgħammra bi transponders tar-radars ta' sorveljanza sekondarji li, minbarra li jkollhom il-kapaċitajiet imniżżla fil-Parti A tal-Anness II, ikollhom ukoll il-kapaċitajiet imniżżla fil-Parti C ta' dak l-Anness.”

    (2)

    Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 jinbidel b'li ġej:

    “2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa mhux aktar tard mis-7 ta' Ġunju 2020, l-inġenji tal-ajru tal-Istat tat-tip tat-trasport b'massa ta' tluq massima ċċertifikata li taqbeż il-5 700 kg jew b'kapaċità massima ta' tajran b'veloċità moderata reali fl-arja ta' aktar minn 250 knots, li joperaw skont l-Artikolu 2(2), ikunu mgħammra bi transponders tar-radars ta' sorveljanza sekondarji li, minbarra li jkollhom il-kapaċità mniżżla fil-Parti A tal-Anness II, ikollhom ukoll il-kapaċità mniżżla fil-Parti B u l-Parti C ta' dak l-Anness.”

    (3)

    Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1 jinbidel b'li ġej:

    “1.   Inġenji tal-ajru ta' tipi speċifiċi li l-ewwel ċertifikat tal-ajrunavigabilità tagħhom ikun inħareġ qabel it-8 ta' Ġunju 2016 u li għandhom massa ta' tluq massima li taqbeż il-5 700 kg jew veloċità massima ta' tajran b'veloċità moderata reali fl-arja ta' aktar minn 250 knots, li m'għandhomx is-sett sħiħ tal-parametri deskritti fil-Parti C tal-Anness II disponibbli fuq bus diġitali abbord l-inġenju tal-ajru jistgħu jkunu eżentati mill-konformità mar-rekwiżiti tal-punt (c) tal-Artikolu 5(5).”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Settembru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1207/2011 tat-22 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti għall-prestazzjoni u l-interoperabilità tas-sorveljanza għall-ajru uniku Ewropew (ĠU L 305, 23.11.2011, p. 35).


    Top