EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0667

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 667/2014 tat- 13 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli ta' proċedura dwar penali imposti fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq inklużi regoli dwar id-dritt tad-difiża u dispożizzjonijiet temporali Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 179, 19.6.2014, p. 31–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/05/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/667/oj

19.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/31


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 667/2014

tat-13 ta' Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli ta' proċedura dwar penali imposti fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq inklużi regoli dwar id-dritt tad-difiża u dispożizzjonijiet temporali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 64(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta regoli ta' proċedura għall-eżerċitar tas-setgħa li jiġu imposti multi jew ħlas perjodiku ta' penali mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijet u l-persuni involuti fir-repożitorji tat-tranżazzjonijet. Fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandu jittieħed kont tar-regoli ta' organizzazzjoni tal-ESMA stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), inkluż, b'mod partikolari, id-delegazzjoni ta' ċerti kompiti u deċiżjonijiet iddefiniti b'mod ċar lil kumitati jew panels interni skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, filwaqt li jiġu rrispettati kompletament id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-investigazzjoni u l-prinċipju tal-kolleġjalità li jirregola l-operazzjonijiet tal-ESMA.

(2)

Id-dritt ta' smigħ hu rikonoxxut fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Sabiex ikunu rispettati d-drittijiet tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u ta' persuni oħra soġġetti għall-azzjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u sabiex ikun żgurat li l-ESMA tikkunsidra l-fatti rilevanti kollha meta tadotta deċiżjonijiet ta' infurzar, l-ESMA għandha tisma' lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jew lil kwalunkwe persuna oħra kkonċernata. Persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom għalhekk jingħataw id-dritt li jagħmlu sottomissjonijiet bil-miktub bħala tweġiba għal dikjarazzjonijiet tas-sejbiet maħruġa mill-uffiċjal ta' investigazzjoni u l-ESMA, inkluż f'każ ta' bidla materjali fid-dikjarazzjoni inizjali tas-sejbiet.

(3)

Wara s-sottomissjonijiet bil-miktub mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet lill-uffiċjal tal-investigazzjoni, il-fajl sħiħ, inklużi dawk is-sottomissjonijiet, għandu jiġi sottomess lill-ESMA. Madankollu, jista' jiġri li xi elementi tas-sottomissjonijiet bil-miktub li r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun għamel lill-uffiċjal ta' investigazzjoni jew lill-ESMA, ma jkunux ċari u ddettaljati biżżejjed, u jeħtieġ li jkunu spjegati iktar mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Jekk l-uffiċjal tal-investigazzjoni jew l-ESMA jqisu li dan huwa l-każ, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew il-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet jistgħu jiġu mistiedna jattendu għal seduta ta' smigħ li tikkjarifika dawk l-elementi.

(4)

Id-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tiegħu jew tagħha, filwaqt li jkunu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju huwa rikonoxxut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-Artikoli 64(5) u 67 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistabbilixxu li, persuni soġġetti għall-proċeduri tal-ESMA, huma intitolati għal aċċess għall-fajl tal-ESMA, soġġett għall-interess leġittimu ta' persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom u tad-dejta personali tagħhom. Id-dritt tal-aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali.

(5)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (3) jipprovdi regoli dettaljati dwar il-perjodi ta' limitazzjoni meta l-Kummissjoni għandha timmulta impriża skont l-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istati Membri tipprovdi wkoll għal regoli dwar il-perjodi ta' limitazzjoni jew b'mod speċifiku fil-qasam tat-titoli, jew b'mod ġenerali fil-liġijiet amministrattivi ġenerali tagħhom. Għalhekk huwa xieraq li r-regoli jiġu bbażati fuq perjodi ta' limitazzjoni fuq karatteristiċi komuni li ġew estratti minn dawk ir-regoli nazzjonali u minn leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u dan ir-Regolament jirreferu għal perjodi taż-żmien u dati. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta jkunu stabbiliti perjodi ta' limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta' penali. Sabiex dawk il-perjodi jiġu ikkalkulati sew, huwa xieraq li jiġu applikati regoli li diġà jeżistu fi ħdan il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal atti tal-Kunsill u l-Kummissjoni kif provdut fir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill (4) għal atti tal-Kunsill u l-Kummissjoni.

(7)

L-Artikolu 68(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jipprevedi li l-penali imposti mill-ESMA skont l-Artikoli 65 u 66 ta' dak ir-Regolament ikunu infurzabbli, u li l-infurzar ikun irregolat mir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fit-territorju tal-Istat fejn qed issir il-proċedura. L-ammonti korrispondenti jkunu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

(8)

Fl-interess tal-eżerċitar immedjat tal-attività superviżorja u tal-infurzar effettiva, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta' urġenza,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura rigward multi u pagamenti perjodiċi ta' penali li għandhom ikunu imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) fuq repożitorji tat-tranżazzjonijiet jew persuni oħra li huma soġġetti għall-proċeduri ta' infurzar, inklużi regoli fuq id-drittijiet ta' difiża u l-perjodi ta' limitazzjoni.

Artikolu 2

Id-dritt ta' smigħ mill-uffiċjal tal-investigazzjoni

1.   Mat-tlestija tal-investigazzjoni u qabel is-sottomissjoni tal-fajl lill-ESMA skont l-Artikolu 3(1), l-uffiċjal tal-investigazzjoni jinforma bil-miktub lill-persuna suġġetta għal investigazzjoni dwar is-sejbiet tiegħu/tagħha u jipprovdiha bl-opportunità li tippreżenta s-sottomissjonijiet skont il-paragrafu 3. Dik id-dikjarazzjoni ta' sejbiet tistabbilixxi l-fatti li x'aktarx jikkostitwixxu ksur wieħed jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, inkluż kwalunkwe fattur li jiggrava jew jimmitiga dak il-ksur.

2.   Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet tistabbilixxi limitu ta' żmien raġonevoli li matulu l-persuna suġġetta għal investigazzjoni tista' tagħmel is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. L-uffiċjal ta' investigazzjoni ma jkunx obbligat iqis sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta' dak il-limitu ta' żmien.

3.   Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-persuna suġġetta għal investigazzjoni tista' tippreżenta l-fatti kollha magħrufa minnha li huma rilevanti għad-difiża tagħha. Għandha tehmeż kwalunkwe dokument rilevanti bħala prova tal-fatti ppreżentati. Tista' tipproponi li l-uffiċjal ta' investigazzjoni jisma' persuni oħra li jistgħu jikkorroboraw il-fatti ppreżentati fis-sottomissjonijiet tal-persuna suġġetta għall-investigazzjoni.

4.   L-uffiċjal ta' investigazzjoni jista' jistieden ukoll persuna suġġetta għal investigazzjoni li lilha kienet indirizzata d-dikjarazzjoni tas-sejbiet biex tattendi seduta ta' smigħ. Il-persuni soġġetti għal investigazzjoni jistgħu jkunu assistiti mill-avukati tagħhom jew minn persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-uffiċjal ta' investigazzjoni. Is-seduti ta' smigħ ma jkunux pubbliċi.

Artikolu 3

Id-dritt ta' smigħ mill-ESMA fir-rigward ta' multi u miżuri superviżorji

1.   Il-fajl komplut li għandu jkun sottomess mill-uffiċjal ta' investigazzjoni lill-ESMA tal-anqas jinkludi d-dokumenti li ġejjin:

kopja tad-dikjarazzjoni ta' sejbiet indirizzata lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew lill-persuna suġġetta għall-investigazzjoni;

kopja tas-sottomissjonijiet lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew lill-persuna suġġetta għall-investigazzjoni;

Minuti tas-seduti ta' smigħ.

2.   Meta l-ESMA tqis li l-fajl imressaq mill-uffiċjal tal-investigazzjoni mhuwiex komplut, tibgħat il-fajl lura lill-uffiċjal tal-investigazzjoni b'talba ġġustifikata għal dokumenti addizzjonali.

3.   Meta l-ESMA tqis, abbażi ta' fajl komplut, li l-fatti deskritti fid-dikjarazzjoni tas-sejbiet jidhru li ma jikkostitwixxux l-ebda ksur possibbli fis-sens tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, tieħu deċiżjoni li tagħlaq il-każ u tinnotifika t-tali deċiżjoni lill-persuni soġġetti għall-investigazzjoni.

4.   Meta l-ESMA ma taqbilx mas-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni, hi tissottometti dikjarazzjoni ġdida ta' sejbiet lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni.

Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet tistabbilixxi limitu ta' żmien raġonevoli li matulu l-persuna suġġetta għal investigazzjoni tista' tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. L-ESMA ma tkunx obbligata li tikkunsidra sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta' dak il-limitu ta' żmien biex tieħu deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' ksur u dwar miżuri superviżorji u l-impożizzjoni ta' multa skont l-Artikoli 65 u 73 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

L-ESMA tista' tistieden ukoll lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni li lilhom kienet indirizzata d-dikjarazzjoni tas-sejbiet biex jattendu seduta ta' smigħ. Il-persuni soġġetti għal investigazzjoni jistgħu jkunu assistiti mill-avukati tagħhom jew minn persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-ESMA. Is-seduti ta' smigħ ma jkunux pubbliċi.

5.   Meta l-ESMA taqbel mas-sejbiet tal-uffiċjal ta' investigazzjoni, hija tinforma b'dan lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni kif xieraq. Tali komunikazzjoni tistabbilixxi limitu ta' żmien raġonevoli li matulu l-persuna suġġetta għal investigazzjoni tista' tagħmel sottomissjoniet bil-miktub. L-ESMA ma tkunx obbligata li tikkunsidra sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta' dak il-limitu ta' żmien biex tieħu deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' ksur u dwar miżuri superviżorji u l-impożizzjoni ta' multa skont l-Artikoli 65 u 73 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

L-ESMA tista' tistieden ukoll lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni li lilhom kienet indirizzata d-dikjarazzjoni tas-sejbiet biex jattendu seduta ta' smigħ. Il-persuni soġġetti għal investigazzjoni jistgħu jkunu assistiti mill-avukati tagħhom jew minn persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-ESMA. Is-seduti ta' smigħ ma jkunux pubbliċi.

6.   Jekk il-Bord ta' Superviżuri tal-ESMA jiddeċiedi li ksur wieħed jew iktar minn dawk elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 sar/u minn persuna suġġetta għal investigazzjoni u tkun adottat deċiżjoni li timponi multa f'konformità mal-Artikolu 65, immedjatament tinnotifika t-tali deċiżjoni lill-persuna suġġetta għal investigazzjoni.

Artikolu 4

Id-dritt ta' smigħ mill-ESMA fir-rigward ta' ħlas perjodiku ta' penali

Qabel ma tieħu deċiżjoni li timponi ħlas perjodiku ta' penali f'konformità mal-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-ESMA tissottometti dikjarazzjoni ta' sejbiet lill-persuna suġġetta għall-proċeduri filwaqt li tistabbilixxi r-raġunijiet li jiġġustifaw l-impożizzjoni ta' ħlas ta' penali u l-ammont ta' ħlas ta' penali għal kull jum ta' nuqqas ta' konformità. Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet tistabbilixxi limitu ta' żmien li matulu l-persuna kkonċernata tista' tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. L-ESMA ma tkunx obbligata li tikkunsidra sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta' dak il-limitu ta' żmien sabiex tiddeċiedi dwar il-ħlas perjodiku ta' penali.

Ladarba r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew il-persuna kkonċernata tkun ikkonformat mad-deċiżjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-ħlas perjodiku ta' penali ma jistax jibqa' impost.

Id-deċiżjoni li timponi pagament perjodiku ta' penali tindika l-bażi legali u r-raġunijiet għad-deċiżjoni, l-ammont u d-data tal-bidu tal-ħlas perjodiku ta' penali.

L-ESMA tista' tistieden ukoll lill-persuna suġġetta għall-proċeduri biex tattendi għal seduta ta' smigħ. Il-persuna suġġetta għal investigazzjoni tista' tkun assistita mill-avukati tagħha jew minn persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-ESMA. Is-seduti ta' smigħ ma jkunux pubbliċi.

Artikolu 5

Aċċess għall-fajl u użu ta' dokumenti

1.   Jekk mitluba hekk, l-ESMA tagħti aċċess għall-fajl lill-partijiet li lilhom l-uffiċjal ta' investigazzjoni jew l-ESMA jkunu bagħtu dikjarazzjoni ta' sejbiet. L-aċċess jingħata wara n-notifika ta' kwalunkwe dikjarazzjoni ta' sejbiet.

2.   Dokumenti ta' fajl li sarilhom aċċess skont il-Paragrafu 1 jintużaw biss għall-għanijiet ta' proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi marbuta mal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 6

Perjodi ta' limitazzjoni għall-impożizzjoni ta' penali

1.   Il-poteri konferiti fuq l-ESMA sabiex timponi multi u ħlas perjodiku ta' penali fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikunu soġġetti għal perjodu ta' limitazzjoni ta' ħames snin.

2.   Dawn il-perjodi ta' limitazzjoni imsemmija fil-paragrafu 1 jibdew jiddekorru fil-jum wara dak li fih jitwettaq il-ksur. Madankollu, fil-każ ta' ksur kontinwu u ripetut, il-perjodu ta' limitazzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha jintemm il-ksur.

3.   Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-ESMA għall-finijiet tal-investigazzjoni jew tal-proċeduri fir-rigward ta' ksur tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tinterrompi l-perjodu ta' limitazzjoni għall-impożizzjoni ta' ħlas perjodiku ta' penali. Il-perjodu ta' limitazzjoni jiġi interrott b'effett mid-data li fiha l-azzjoni tiġi notifikata lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew lill-persuna suġġetta għall-investigazzjoni jew il-proċeduri skont ksur tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

4.   Kull interruzzjoni tikkawża l-perjodu ta' limitazzjoni biex jerġa' jibda jiddekorri. Madankollu, il-perjodu ta' limitazzjoni jagħlaq mhux aktar tard mill-ġurnata li fiha jkun għadda perjodu ugwali għad-doppju tal-perjodu ta' limitazzjoni mingħajr ma l-ESMA tkun imponiet xi multa jew pagamenti perjodiċi ta' penalitajiet. Dak il-perjodu jiġi mtawwal mill-perjodu li fih il-limitazzjoni tkun sospiża skont il-paragrafu 5.

5.   Il-perjodu ta' limitazzjoni għall-impożizzjoni ta' multi u ħlas perjodiku ta' penali jkun sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-ESMA hija suġġetta għal proċeduri pendenti quddiem il-Bord tal-Appell, f'konformità mal-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 7

Perjodi ta' limitazzjoni għall-infurzar ta' penali

1.   Is-setgħa tal-ESMA li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 65 u 66 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tkun soġġetta għal perjodu ta' limitazzjoni ta' ħames snin.

2.   Il-perjodu ta' ħames snin imsemmi fil-paragrafu 1 jibda jiddekorri fil-jum wara dak li fih id-deċiżjoni ssir finali.

3.   Il-perjodu ta' limitazzjoni għall-infurzar ta' penali jkun interrott minn:

(a)

notifika mill-ESMA lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew lill-persuna oħra kkonċernata mid-deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew il-ħlas perjodiku ta' penali;

(b)

kwalunkwe azzjoni tal-ESMA jew ta' awtorità ta' Stat Membru li taġixxi fuq talba tal-ESMA, bl-intenzjoni li tinforza ħlas ta' multa jew termini u kundizzjonijiet tal-multa jew ta' ħlas perjodiku ta' penali.

4.   Kull interruzzjoni tikkawża l-perjodu ta' limitazzjoni biex jerġa' jibda jiddekorri.

5.   Il-perjodu ta' limitazzjoni għall-infurzar ta' penali jiġi sospiż sakemm:

(a)

jitħalla żmien sabiex isir il-ħlas;

(b)

l-infurzar tal-pagament jiġi sospiż skont deċiżjoni pendenti tal-Bord tal-Appell tal-ESMA, f'konformità mal-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 8

Ġbir ta' multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali

L-ammonti tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta' penali miġbura mill-ESMA jkunu depożitati f'kont li jħallas l-interessi li jinfetaħ mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-ESMA sakemm isiru finali. Sadanittant dawn l-ammonti ma jiddaħħlux fil-baġit tal-ESMA jew jiġu reġistrati bħala ammonti tal-baġit.

Meta l-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-ESMA jkun stabbilixxa li multi u/jew ħlasijiet perjodiċi ta' penali jkunu saru finali wara r-riżultat tal-kontestazzjonijiet ġuridiċi possibbli kollha, huwa jittrasferixxi dawn l-ammonti flimkien ma' kull imgħax li jakkumula lill-Kummissjoni. Dawn l-ammonti imbagħad jiġu mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni taħt dħul ġenerali.

L-uffiċjal tal-kontabilità tal-AETS jirrapporta fuq bażi regolari lill-Uffiċjal ta' Awtorizzazzjoni tad-DĠ MARKT dwar l-ammonti ta' dawn il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta' penali u l-istatus tagħhom.

Artikolu 9

Kalkolu ta' perjodi, dati u limiti ta' żmien

Għal perjodi ta' żmien, dati u limiti ta' żmien japplika r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71.

Artikolu 10

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta' żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).


Top