Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0608

Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas- 26 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea

ĠU L 168, 7.6.2014, p. 29–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32021R0768

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/608/oj

7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/29


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) Nru 608/2014

tas-26 ta' Mejju 2014

li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari r-raba' paragrafu tal-Artikolu 311 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (1), u b' mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

It-trasparenza tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni għandha tiġi żgurata bl-għoti ta' informazzjoni adegwata lill-awtorità baġitarja. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, u fejn meħtieġ, jgħaddulha d-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa ħalli hi tkun tista' teżerċita s-setgħat mgħotija lilha fir-rigward tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

(2)

L-arranġamenti li bihom l-Istati Membri responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji jirrappurtaw lill-Kummissjoni, għandu jagħmilha possibbli għall-Kummissjoni li ssegwi l-azzjoni tagħhom li jirkupraw ir-riżorsi proprji, partikolarment f'każi ta' frodi u irregolaritajiet.

(3)

Sabiex jiżguraw baġit ibbilanċjat, kwalunkwe bilanċ żejjed ta' dħul tal-Unjoni fuq in-nefqa attwali totali matul sena finanzjarja għandu jiġi riportat għas-sena finanzjarja sussegwenti. Għalhekk, il-bilanċ riportat għandu jiġi definit.

(4)

L-Istati Membri għandhom jagħmlu verifiki u inkjesti relatati mal-istabbiliment u d-disponibbiltà tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. Sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tar-regoli finanzjarji relatati mar-riżorsi proprji, huwa meħtieġ li jiżguraw kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(5)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u ċarezza, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jkopru s-setgħat u l-obbligi ta' aġenti awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu ispezzjonijiet fir-rigward tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, li jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika ta' kull riżorsa proprja. Għandhom jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li bihom aġenti awtorizzati jwettqu l-kompiti tagħhom għandhom jiġu stabbiliti, u partikolarment ir-regoli li l-uffiċjali kollha tal-Unjoni, impjegati oħra u esperti nazzjonali ssekondati għandhom josservaw f'dak li għandu x'jaqsam mal-kunfidenzjalità professjonali u mal-protezzjoni ta' data personali. Huwa neċessarju li jiġi stabbilit l-istatus ta' esperti nazzjonali ssekondati u l-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat biex joġġezzjonaw għall-preżenza, waqt ispezzjoni, ta' uffiċjali ta' Stati Membri oħra.

(6)

Għal raġunijiet ta' koerenza, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 (2) għandhom jiġu inklużi f'dan ir-Regolament. Dawk id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw il-kalkolu u l-ibbaġitjar tal-bilanċ, il-kontroll u s-superviżjoni tar-riżorsi proprji u rekwiżiti ta' rappurtar rilevanti, kif ukoll il-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji.

(7)

Sabiex jiżguraw kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni fuq il-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(8)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi regoli dettaljati dwar ir-rappurtar ta' frodi u irregolaritajiet li jaffettwaw intitolament għar-riżorsi proprji tradizzjonali, u r-rapporti annwali tal-Istati Membri fuq l-ispezzjonijiet tagħhom minħabba n-natura teknika ta' dawk l-atti meħtieġa għal skopijiet ta' rappurtar.

(9)

Tinħtieġ sorveljanza parlamentari adegwata, kif stabbilit fit-Trattati, għad-dispożizzjonijiet ta' natura ġenerali applikabbli għat-tipi kollha ta' riżorsi proprji u li jkopru l-kontroll u s-superviżjoni ta' dħul inklużi r-rekwiżiti ta' rappurtar rilevanti.

(10)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1026/1999 (4) għandu jitħassar.

(11)

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ġew ikkonsultati u adottew opinjonijiet (5).

(12)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u b'kont meħud tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-istess jum tad-dħul fis-seħħ ta' dik id-Deċiżjoni u għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DETERMINAZZJONI TAR-RIŻORSI PROPRJI

Artikolu 1

Il-kalkolu u l-ibbaġitjar tal-bilanċ

1.   Għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, il-bilanċ għal sena finanzjarja partikolari għandu jikkonsisti fid-differenza bejn l-introjtu kollu miġbur fir-rigward ta' dik is-sena finanzjarja u l-ammont ta' pagamenti magħmula għal approprjazzjonijiet għal dik is-sena finanzjarja miżjuda bl-ammont tal-approprjazzjonijiet għall-istess sena finanzjarja jiġi riportat bis-saħħa tal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (“ir-Regolament Finanzjarju”).

Dik id-differenza għandha tkun miżjuda jew imnaqqsa bl-ammont nett tal-approprjazzjonijiet riportati mis-snin finanzjarji preċedenti li jkunu ġew ikkanċellati. B'deroga mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Finanzjarju, id-differenza għandha wkoll tiġi miżjuda jew imnaqqsa kif ġej:

(a)

pagamenti magħmula b'eċċess ta' approprjazzjonijiet mhux differenzjati riportati mis-snin finanzjarji preċedenti permezz tal-Artikolu 13(1) u (4) tar-Regolament Finanzjarju bħala riżultat ta' tibdil fir-rati tal-euro;

(b)

il-bilanċ li jirriżulta mil-qligħ jew telf fil-kambju matul is-sena finanzjarja.

2.   Il-Kummissjoni għandha, qabel l-aħħar t'Ottubru ta' kull sena finanzjarja, tagħmel stima tar-riżorsi proprji tagħha miġbura għas-sena sħiħa, fuq il-bażi tad-data li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha f 'dak iż-żmien. Xi differenzi konsiderevoli fir-rigward tal-estimi oriġinali jistgħu jagħtu bidu għal ittra emendatorja għall-abbozz tal-baġit għas-sena finanzjarja ta' wara jew baġit emendatorju għas-sena finanzjarja kurrenti.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-KONTROLL U S-SUPERVIŻJONI, INKLUŻI REKWIŻITI RILEVANTI TA' RAPPURTAR

Artikolu 2

Il-miżuri ta' kontroll u superviżjoni

1.   Ir-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom għandhom jiġu ispezzjonati kif speċifikat f'dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (7) u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (8).

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha li huma meħtieġa biex jassiguraw li r-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom isiru disponibbli lill-Kummissjoni.

3.   Fejn miżuri ta' kontroll u superviżjoni jikkonċernaw ir-riżorsi proprji tradizzjonali msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom:

(a)

L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-verifiki u kontrolli li jirrigwardaw l-istabbiliment u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' dawk ir-riżorsi proprji.

(b)

L-Istati Membri għandhom iwettqu miżuri ta' ispezzjoni addizzjonali fuq it-talba tal-Kummissjoni. Fit-talba tagħha l-Kummissjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-ispezzjoni addizzjonali. Il-Kummissjoni tista' titlob ukoll li ċerti dokumenti jintbagħtu lilha.

(c)

L-Istati Membri għandhom, jekk il-Kummissjoni hekk titlob, jinvolvuha fl-ispezzjonijiet, li huma jagħmlu. Meta l-Kummissjoni tiġi involuta f'ispezzjoni, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess, sa fejn l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament hekk tkun teħtieġ, għad-dokumenti ta' sostenn dwar l-istabbiliment u t-tqegħid għad-dispożizzjoni jew il-ħlas tar-riżorsi proprji, u għal kwalunkwe dokument ieħor xieraq marbut ma' dawk id-dokumenti ta' sostenn.

(d)

Il-Kummissjoni tista' tagħmel ispezzjonijiet fuq il-post hija nnifisha. L-aġenti awtorizzati mill-Kummissjoni għal dawn l-ispezzjonijiet għandhom ikollhom aċċess għal dokumenti kif stabbilit għall-ispezzjonijiet imsemmijin fil-punt (c). L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw dawk l-ispezzjonijiet.

(e)

L-ispezzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal dawn li ġejjin:

(i)

l-ispezzjonijiet magħmulin mill-Istati Membri skont il-liġijiet nazzjonali, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom;

(ii)

il-miżuri previsti fl-Artikoli 287 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

(iii)

l-arranġamenti għall-ispezzjonijiet magħmula taħt l-Artikolu 322(1)(b) tat-TFUE.

4.   Fejn il-miżuri ta' kontroll u superviżjoni jikkonċernaw ir-riżorsa proprja bbażata fuq taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom huma għandhom jitwettqu f'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89.

5.   Fejn miżuri ta' kontroll u superviżjoni jikkonċernaw ir-riżorsa proprja bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross (DNG) imsemmija fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom:

(a)

Il-Kummissjoni kull sena għandha tispezzjona, flimkien mal-Istat Membru kkonċernat, l-aggregati miġbura għal żbalji fil-kompilazzjoni, speċjalment f'każijiet notifikati mill-Kumitat tal-ING stabbilit bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003. Meta tagħmel hekk tista', f'każijiet individwali, teżamina wkoll il-kalkoli u bażijiet statistiċi, ħlief l-informazzjoni dwar kumpaniji jew persuni individwali, meta ma jkun possibbli l-ebda valutazzjoni oħra xierqa.

(b)

Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għal dokumenti li jirrigwardaw il-proċeduri statistiċi u l-istatistika bażika msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003.

6.   Għall-finijiet tal-miżuri ta' kontroll u superviżjoni skont il-paragrafi 3, 4 u 5 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri jgħaddulha d-dokumenti jew ir-rapporti rilevanti fir-rigward tas-sistemi użati għall-ġbir tar-riżorsi proprji jew li jagħmluhom disponibbli għall-Kummissjoni.

Artikolu 3

Setgħat u obbligi tal-aġenti awtorizzati tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha speċifikament taħtar bl-għan li tagħmel l-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 ċerti uffiċjali jew impjegati oħra tagħha (“l-aġenti awtorizzati”).

Għal kull ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-aġenti awtorizzati bit-termini ta' referenza bil-miktub li jiddikjaraw l-identità u l-kapaċità uffiċjali tagħhom.

Il-persuni li jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni mill-Istati Membri bħala esperti nazzjonali ssekondati jistgħu jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet.

Bi ftehim speċifiku u minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista' titlob l-għajnuna ta' uffiċjali minn Stati Membri oħra bħala osservaturi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-uffiċjali jikkonformaw mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

2.   Matul l-ispezzjonijiet tar-riżorsi proprji tradizzjonali u tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, imsemmijin fl-Artikolu 2(3) u (3) rispettivament, l-aġenti awtorizzati għandhom jaġixxu b'mod kompatibbli mar-regoli applikabbli għall-uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat. Għandhom ikunu marbuta bis-segretezza professjonali, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Għall-finijiet tal-ispezzjonijiet tar-riżorsa proprja bbażata fuq id-DNG imsemmija fl-Artikolu 2(5), il-Kummissjoni għandha tirrispetta r-regoli nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità tal-istatistika.

Aġent awtorizzat jista', jekk meħtieġ, jikkuntattja debituri, iżda biss fil-kuntest tal-ispezzjonijiet tar-riżorsi proprji tradizzjonali, u permezz tal-awtoritajiet kompetenti biss li l-proċeduri tagħhom tal-ġbir tar-riżorsi proprji huma s-suġġett tal-ispezzjoni.

3.   L-informazzjoni kkomunikata jew miksuba taħt dan ir-Regolament, f'kull għamla, għandha tkun suġġetta għas-segretezza professjonali u tirċievi l-protezzjoni mogħtija lill-informazzjoni simili skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih tkun miġbura u bid-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

Dik l-informazzjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata lil persuni oħra ħlief dawk fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew l-Istati Membri li d-dover tagħhom hu li jkunu jafu, lanqas ma għandha tintuża għal skopijiet oħra minbarra dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament mingħajr kunsens minn qabel tal-Istat Membru li fih tkun inġabret.

L-ewwel u t-tieni subparagrafu għandhom japplikaw għall-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Unjoni, u esperti nazzjonali ssekondati.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-aġenti awtorizzati u persuni oħra li jaġixxu taħt l-awtorità tagħha jikkonformaw mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u regoli oħra tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali.

Artikolu 4

Tħejjija u amministrazzjoni ta' ispezzjonijiet

1.   F'komunikazzjoni ssostanzjata kif xieraq, il-Kummissjoni għandha tagħti avviż ta' ispezzjoni fi żmien xieraq lill-Istat Membru fejn tkun ser issir l-ispezzjoni. L-aġenti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jipparteċipaw f'din l-ispezzjoni.

2.   Għal ispezzjonijiet ta' riżorsi proprji tradizzjonali fejn il-Kummissjoni tkun assoċjata skont l-Artikolu 2(3), u tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT skont l-Artikolu 2(4), l-organizzazzjoni tax-xogħol u r-relazzjonijiet mad-dipartimenti involuti fl-ispezzjoni għandhom jiġu żgurati mid-dipartiment innominat mill-Istat Membru kkonċernat.

3.   L-ispezzjonijiet fuq il-post ta' riżorsi proprji tradizzjonali msemmija fl-Artikolu 2(3)(d) għandhom isiru mill-aġenti awtorizzati. Għall-finijiet tal-organizzazzjoni tax-xogħol u r-relazzjonijiet mad-dipartimenti u, fejn xieraq, id-debituri involuti fl-ispezzjoni, dawn l-aġenti għandhom, qabel xi ispezzjonijiet fuq il-post, jistabbilixxu l-kuntatti meħtieġa mal-uffiċjali nnominati mill-Istat Membru kkonċernat. Għal dan it-tip ta' ispezzjoni t-termini ta' referenza għandhom ikunu akkumpanjati b'dokument li jindika l-għan u l-iskop tal-ispezzjoni.

4.   L-ispezzjonijiet dwar riżorsi proprji bbażati fuq id-DNG imsemmija fl-Artikolu 2(5) għandhom isiru mill-aġenti awtorizzati. Għall-skopijiet ta' organizzazzjoni tax-xogħol, dawn l-aġenti għandhom jistabbilixxu l-kuntatti meħtieġa mal-amministrazzjonijiet kompetenti fl-Istati Membri.

5.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-dipartimenti jew l-aġenziji responsabbli għall-istabbiliment, il-ġbir u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, u l-awtoritajiet li lilhom ikunu taw istruzzjonijiet biex jagħmlu l-ispezzjonijiet dwarhom, jagħtu lill-aġenti awtorizzati l-assistenza neċessarja għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

Għall-finijiet ta' ispezzjonijiet fuq il-post ta' riżorsi proprji tradizzjonali msemmija fl-Artikolu 2(3)(d), l-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni fi żmien tajjeb dwar l-identità u l-kapaċità tal-persuni maħtura biex jieħdu sehem f'dawn l-ispezzjonijiet u biex jagħtu lill-aġenti awtorizzati kull għajnuna meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tagħhom.

6.   Ir-riżultati tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 2, ħlief l-ispezzjonijiet, li jsiru mill-Istati Membri, imsemmijin fl-Artikolu 2(3)(a) u (b), għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-Istat Membru kkonċernat permezz tal-kanali xierqa fi żmien perjodu ta' tliet xhur. L-Istat Membru għandu jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien tliet xhur wara l-wasla tar-rapport. Madanakollu, għal raġunijiet issostanzjati kif xieraq, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu dwar punti speċifiċi matul perjodu ta' xahar wara l-wasla tar-rapport. L-Istat Membru kkonċernat jista' jiċħad li jwieġeb permezz ta' komunikazzjoni billi jiddikjara r-raġunijiet li ma jħalluhx iwieġeb għat-talba tal-Kummissjoni.

Sussegwentement, ir-riżultati u l-osservazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, flimkien mar-rapport sommarju mħejji b'konnessjoni mal-kontrolli fuq ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-Istati Membri kollha.

Fejn l-ispezzjonijiet, tar-riżorsi proprji tradizzjonali, fuq il-post jew assoċjati jidentifikaw il-ħtieġa għal emenda jew korrezzjoni tad-data fir-rendikonti jew dikjarazzjonijiet mibgħuta lill-Kummissjoni fir-rigward tar-riżorsi proprji, il-korrezzjonijiet riżultanti għandhom isiru permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub jew dikjarazzjoni, it-tibdiliet rilevanti għandhom jiġu identifikati permezz ta' noti xierqa fid-dikjarazzjoni bil-miktub jew fid-dikjarazzjoni użata.

Artikolu 5

Ir-rappurtar ta' frodi u irregolaritajiet li jaffettwaw intitolamenti għal riżorsi proprji tradizzjonali

1.   Fi żmien ix-xahrejn wara t-tmiem ta' kull kwart tas-sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni deskrizzjoni tal-każijiet ta' frodi u irregolaritajiet misjuba li jinvolvu intitolamenti ta' 'l fuq minn EUR 10 000 li jikkonċernaw ir-riżorsi proprji tradizzjonali msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom.

Fi żmien il-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu, kull Stat Membru għandu jagħti dettalji tal-pożizzjoni li jirrigwardaw każijiet ta' frodi u irregolaritajiet diġà rrapurtati lill-Kummissjoni li l-irkupru, il-kanċellament jew in-nuqqas ta' rkupru tagħhom ma kinux ġew indikati qabel.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dettalji tad-deskrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 7(2).

3.   Għandu jiġi inkluż sommarju tan-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fir-rapport tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 325(5) tat-TFUE.

Artikolu 6

Ir-rappurtar mill-Istati Membri dwar l-ispezzjonijiet tagħhom ta' riżorsi proprji tradizzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu rapporti annwali dettaljati lill-Kummissjoni dwar l-ispezzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-ġbir korrett tar-riżorsi proprji tradizzjonali u r-riżultati ta' dawk l-ispezzjonijiet, id-data ġenerali u kwalunkwe kwistjoni ta' prinċipju li tirrigwarda l-aktar problemi importanti li jinħolqu mill-applikazzjoni tar-regolamenti rilevanti li jimplimentaw id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom u, partikolarment, materji disputati. Ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sal-1 ta' Marzu tas-sena ta' wara s-sena finanzjarja kkonċernata. Fuq il-bażi ta' dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport sommarju, li għandu jingħata għall-attenzjoni tal-Istati Membri kollha.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu formola għar-rapporti annwali tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 7(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull tliet snin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-arranġamenti għall-ispezzjonijiet għar-riżorsi proprji tradizzjonali msemmija fl-Artikolu 2(3).

KAPITOLU III

KUMITAT U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 7

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji (ACOR, Advisory Committee on Own Resources). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet finali

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1026/1999 huwa b'dan imħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar u għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, imħassar bir-Regolament tal-Kunsill 2014/609/UE, Euratom (11), li huma msemmija fit-tabella ta' korrelazzjoni li tinsab fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw konformement ma' dik it-tabella ta' korrelazzjoni.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Mejju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

Ch. VASILAKOS


(1)  Ara paġna 105 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1).

(3)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1026/1999 tal-10 ta' Mejju 1999 li jiddetermina l-poteri u l-obbligi ta' aġenti awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu kontrolli u ispezzjonijiet tar-riżorsi tal-Komunità innifisha (ĠU L 126, 20.5.1999, p. 1).

(5)  Opinjoni Nru 2/2012 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-20 ta' Marzu 2012 (ĠU C 112, 18.4.2012, p. 1) u Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Marzu 2012 (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 45).

(6)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).

(8)  Regolament tal-Kunsil (KE, Euratom) Nru 1287/2003 tal-15 ta' Lulju 2003 fuq l-armonizzazzjoni tad-dħul gross nazzjonali bi prezzijiet tas-suq (Regolament GNI) (ĠU L 181, 19.7.2003, p. 1).

(9)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(10)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(11)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (Ara paġna 39 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1026/1999

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000

Dan ir-Regolament

 

Artikoli 1 sa 6(4)

 

Artikolu 6(5)

Artikolu 5(1)

 

Artikolu 7 sa 12

 

Artikolu 15

Artikolu 1(1)

 

Artikolu 16(1) u (2)

Artikolu 1(2)

 

Artikolu 16, it-tielet paragrafu

 

Artikolu 17(1) sa (4)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)

 

Artikolu 17(5), l-ewwel, it-tieni u r-raba' sentenza

Artikolu 6(1)

 

Artikolu 17(5), it-tielet sentenza

Artikolu 5(3)

 

Artikolu 18(1)

Artikolu 2(3)(a)

 

Artikolu 18(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt a)

Artikolu 2(3)(b), l-ewwel u t-tieni sentenza

 

Artikolu 18(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt b)

Artikolu 2(3)(c), l-ewwel sentenza

 

Artikolu 18(2), it-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 2(3)(d), it-tielet sentenza

 

Artikolu 18(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza

Artikolu 2(3)(c) it-tieni sentenza

 

Artikolu 18(2), it-tielet subparagrafu, il-punt a)

Artikolu 2(3)(b), it-tielet sentenza

 

Artikolu 18(2) it-tielet subparagrafu, il-punt b)

Artikolu 4(6), it-tielet subparagrafu

 

Artikolu 18(3), l-ewwel sentenza

Artikolu 2(3)(d), l-ewwel sentenza

 

Artikolu 18(3), it-tieni sentenza

Artikolu 2(3)(d), it-tieni sentenza

 

Artikolu 18(3), it-tielet u r-raba' sentenza

Artikolu 4(1)

Artikolu 2(3)(d), it-tieni sentenza

 

Artikolu 18(4)

Artikolu 2(3)(e)

 

Artikolu 18(5)

Artikolu 6(3)

Artikolu 2(4)

 

Artikolu 19, l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 2(5)(a)

Artikolu 2(5)(b)

Artikolu 2(6)

Artikolu 1, l-ewwel subparagrafu

 

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 1, it-tieni subparagrafu

 

Artikolu 3(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 1, it-tielet subparagrafu

 

Artikolu 3(1), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 2(1) u (2)

 

Artikolu 2(3), l-ewwel sentenza

 

Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 2(3), it-tieni sentenza

 

Artikolu 4(3), it-tielet sentenza

Artikolu 3(1)(a) u (b)

 

Artikolu 3(2), l-ewwel subparagrafu

 

Artikolu 19, it-tielet sentenza

Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 3(1)(c)

 

Artikolu 3(2), it-tielet subparagrafu

Artikolu 3(2)(a)

 

Artikolu 4(2)

Artikolu 3(2)(b)

 

Artikolu 4(3), l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 3(2)(c)

 

Artikolu 4(4)

Artikolu 4

 

Artikolu 4(5)

Artikolu 5(1) u (2)

 

Artikolu 3(3)

Artikolu 5(3)

 

Artikolu 3(4)

Artikolu 6

 

Artikolu 4(6), l-ewwel u t-tieni subparagrafu

Artikolu 7

 

Artikolu 8

 

 

Artikolu 20 sa 23

Artikolu 5(2)

Artikolu 6(2)

 

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9


Top