EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0569

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 569/2014 tat- 23 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1389/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

ĠU L 157, 27.5.2014, p. 80–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/12/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/569/oj

27.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/80


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 569/2014

tat-23 ta' Mejju 2014

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1389/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Billi:

A.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

F'Ottubru 2005, il-Kunsill impona miżuri antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu triklorojsoċjanuriku (“TCCA”), li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”), permezz tar-Regolament (KE) Nru 1631/2005 (2) (“ir-Regolament oriġinali”). Ir-rati tad-dazju antidumping kien ivarja minn 7,3 % sa 42,6 %.

(2)

Bir-Regolament ta' Implementazzjoni (UE) Nru 855/2010 (3), il-Kunsill emenda r-Regolament oriġinali billi tnaqqset ir-rata ta' dazju antidumping għal produttur esportatur wieħed għal 3,2 %.

(3)

Wara rieżami ta' skadenza, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill impona miżuri antidumping definittivi li jikkonsistu f'dazji individwali li jvarjaw minn 3,2 % sa 40,5 % b'dazju residwu ta' 42,6 % fuq l-importazzjonijiet ta' TCCA li joriġina mir-RPĊ bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011 (4).

B.   IL-PROĊEDURA ATTWALI

1.   Talba għal rieżami

(4)

Fit-3 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba biex tniedi rieżami li jikkonċerna “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. It-talba tressqet minn Liaocheng City Zhonglian Industry Co. Ltd. (“l-applikant”), produttur esportatur fir-RPĊ.

(5)

L-applikant stqarr li huwa ma esportax it-TCCA lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni, jiġifieri l-perjodu mill-1 ta' April 2003 sat-31 ta' Marzu 2004 (“il-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali”).

(6)

Barra minn hekk, l-applikant stqarr li ma kien relatat mal-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi tat-TCCA li huma soġġetti għall-miżuri antidumping imsemmija hawn fuq.

(7)

L-applikant kompla jistqarr li kien beda jesporta t-TCCA lejn l-Unjoni wara tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali.

2.   Bidu ta' rieżami li jikkonċerna esportatur ġdid

(8)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza prima facie mressqa mill-applikant u kkunsidratha biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta' rieżami f'konformità mal-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija tal-Unjoni kkonċernata ngħatat l-opportunità li tikkummenta, il-Kummissjoni nediet rieżami tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011 fir-rigward tal-applikant, permezz tar-Regolament (UE) Nru 809/2013 (5).

(9)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 809/2013, id-dazju antidumping impost bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011 tħassar fir-rigward ta' importazzjonijiet tat-TCCA prodott u mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-applikant. Fl-istess waqt, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet doganali ġew ordnati jieħdu l-passi neċessarji biex jirreġistraw dawn l-importazzjonijiet.

3.   Il-prodott ikkonċernat

(10)

Il-prodott ikkonċernat mir-rieżami attwali huwa l-istess bħal dak deskritt fir-Regolament oriġinali, aċidu triklorojsoċjanuriku u l-preparazzjonijiet tiegħu, li ssir referenza għalih ukoll bħala “simclosene” taħt l-isem internazzjonali mhux proprjetarju (INN), li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċijiet NM ex2933 69 80 u ex3808 94 20 u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat” jew “TCCA”).

(11)

It-TCCA huwa prodott kimiku użat bħala diżinfettant u bliċer organiku ġenerali li fih il-kloru, użat b'mod partikolari bħala diżinfettant tal-ilma fis-swimming pools. Jinbiegħ bħala trab, żibeġ, pilloli jew ċippijiet. Il-forom kollha tat-TCCA u l-preparazzjonijiet tiegħu għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi (kompożizzjoni kimika) u l-proprjetajiet (diżinfettant), kollha huma maħsuba għall-istess użu u għalhekk jitqiesu bħala prodott wieħed.

4.   Il-partijiet ikkonċernati

(12)

Il-Kummissjoni għarrfet b'mod uffiċjali lill-applikant, lill-industrija tal-Unjoni, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, bit-tnedija tar-rieżami. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu fehmiethom bil-miktub u li jinstemgħu.

(13)

Sabiex tikseb it-tagħrif li qieset meħtieġ għal din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet formola ta' talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq (TES) u kwestjonarju lill-applikant u laqgħet it-tweġibiet skont l-iskadenzi stipulati għal dan l-għan. Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa għad-determinazzjoni tal-istatus tal-esportatur il-ġdid u l-marġni ta' dumping. Saret żjara ta' verifika fl-istabbiliment tal-applikant fir-RPĊ.

5.   Perjodu ta' investigazzjoni

(14)

L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta' Awwissu 2012 sal-31 ta' Lulju 2013 (“il-perjodu ta' investigazzjoni” jew il-“PI”).

C.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

1.   Il-kwalifika ta' “esportatur ġdid”

(15)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-applikant ma kienx esporta l-prodott ikkonċernat matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali u li kien beda jesportah lejn l-Unjoni Ewropea wara dak il-perjodu.

(16)

F'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet l-oħra għar-rikonoxximent ta' status ta' “esportatur ġdid”, l-applikant seta' juri li ma kellu l-ebda rabtiet, diretti jew indiretti, ma' produtturi esportaturi Ċiniżi soġġetti għall-miżuri antidumping fis-seħħ fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

(17)

Għaldaqstant, huwa kkonfermat li l-applikant għandu jitqies bħala “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, u għandu għalhekk jiġi stabbilit marġni individwali għalih.

2.   Id-dumping

It-trattament ta' ekonomija tas-suq (TES)

(18)

Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f'investigazzjonijiet antidumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ, il-valur normali jiġi ddeterminat skont il-paragrafi minn 1 sa 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku għal dawk il-produtturi esportaturi li jkunu nstabu li jilħqu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fejn jintwera li l-kondizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq jipprevalu fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili.

(19)

Dawn il-kriterji huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt:

Id-deċiżjonijiet kummerċjali jsiru b'reazzjoni għas-sinjali tas-suq, mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat, u l-kostijiet jirriflettu l-valuri tas-suq.

L-impriżi għandhom sett wieħed ċar ta' reġistri ta' kontabilità li huma vverifikati minn awdituri indipendenti skont standards ta' kontabilità internazzjonali (IAS) u huma applikati għall-għanijiet kollha.

Ma hemm l-ebda distorsjoni sinifikanti li ntirtet mis-sistema preċedenti ta' ekonomija mhux tas-suq.

Il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jiggarantixxu l-istabbiltà u ċ-ċertezza ġuridika.

Il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu skont ir-rati tas-suq.

(20)

L-investigazzjoni stabbiliet li r-reġistrazzjonijiet tal-kontabilità tal-applikant ma kinux konformi mal-istandards internazzjonali tal-kontabilità u li, għalhekk, il-prattika tal-kontabilità tal-kumpanija ma tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni kriterju. B'mod partikolari, l-applikant naqas milli jirrapporta fil-kontijiet tiegħu l-implimentazzjoni ta' skema ta' inċentivi għall-persunal maniġerjali f'konformità mal-istandards internazzjonali tal-kontabilità.

(21)

B'konsegwenza ta' dan, il-karta tal-bilanċ ma tirrappreżentax fedelment il-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpanija u l-kont ta' qligħ u telf u d-dikjarazzjoni tal-fluss tal-flus kienu mxekkla minn kostijiet finanzjarji li għalihom ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni.

(22)

Fuq il-bażi ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-applikant ma setax jingħata TES.

(23)

Kemm l-applikant kif ukoll il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar is-sejbiet li ssemmew hawn fuq.

(24)

L-applikant semma li l-iskema ta' inċentivi kellha tiġi kkontabilizzata fl-2013, li ma kellha l-ebda rabta mal-karta tal-bilanċ tal-2012 u li fl-2012 in-natura tal-iskema kienet għadha ma ġietx stabbilita. Skont l-applikant, tali determinazzjoni ssir skont ir-rakkomandazzjonijiet li għandhom isiru mill-awdituri fil-mument ta' eżerċizzju ta' verifika tal-kontijiet finanzjarji għall-2013 u jistgħu jieħdu l-forma ta' rimunerazzjoni, imgħax fuq self jew kważi kontribuzzjoni.

(25)

L-iskema kienet konkluża kuntrattwalment bejn il-kumpanija u l-ġestjoni fl-2012. Madankollu, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni tagħha fil-verifika tal-kontijiet tal-2012, lanqas fin-noti tal-kontijiet finanzjarji. L-ebda annotazzjoni ta' kontabilità, li tidentifika l-iskema ta' inċentivi, ma saret matul is-sena finanzjarja 2013 sa dak iż-żmien tal-investigazzjoni (Novembru 2013).

(26)

Dan in-nuqqas ta' rappurtaġġ fil-kontijiet huwa serju. Tabilħaqq, in-nuqqas fir-rappurtar dwar it-total tal-obbligazzjonijiet fil-bilanċ ta' prova fi tmiem il-PI, fil-31 ta' Lulju 2013, kien sinifikanti billi l-ammont totali tas-self imwiegħed mill-maniġers kien iżid iċ-ċifra tal-obbligazzjonijiet b'14 %. Barra minn hekk, il-kont tal-qligħ u t-telf tal-2013 se jinkludi l-kostijiet finanzjarji li għalihom ma hemm l-ebda bażi ġuridika, billi ma kien hemm l-ebda fluss ta' flus kontanti li jikkorrispondi mal-iskema ta' inċentivi u l-interessi madankollu, tħallsu effettivament fl-2013. B'konsegwenza ta' dan, il-kostijiet finanzjarji tal-2013 se jkunu disa' (9) darbiet ogħla mill-kostijiet irrappurtat għall-2012. Għalhekk, l-informazzjoni finanzjarja li tinsab fil-kontijiet ma tipprevedix rappreżentazzjoni affidabbli u leali tal-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpanija.

(27)

Għandu jiġi nnutat ukoll li n-natura tal-iskema u l-kontabilità tagħha ma jistgħux jiddependu fuq il-kwalifika ta' verifika u li r-reġistrazzjoni tagħha għandha ssir f'waqtha b'mod korrett u mhux b'mod retrospettiv. Għalhekk, nuqqas ta' rappurtar b'mod preċiż dwar il-pożizzjoni finanzjarja u l-flussi marbutin mal-iskema, ma jistax jitqies bħala konformi mal-istandards internazzjonali tal-kontabilità.

(28)

B'reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet tal-Kummissjoni, l-applikant tenna t-talba tiegħu għal TES, madankollu mingħajr ma ressaq l-ebda argument ġdid. Is-sejbiet dwar id-determinazzjoni tat-TES huma għalhekk ikkonfermati.

Valur normali

(29)

Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, għall-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq u, safejn it-TES ma jkunx jista' jingħata, għal pajjiżi fi tranżizzjoni, il-valur normali jrid ikun stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew fuq il-valur mibni f'pajjiż analogu.

(30)

Kif imħabbar fir-Regolament (UE) Nru 809/2013, il-Kummissjoni ħasbet li tuża lill-Ġappun bħala pajjiż analogu għall-fini li jiġi stabbilit il-valur normali għall-applikant f'każ li ma jingħatax trattament tal-ekonomija tas-suq u kif kien sar fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta' miżuri mir-Regolament oriġinali.

(31)

Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar l-adegwatezza tal-Ġappun bħala pajjiż analogu iżda ma ressqu l-ebda kumment. Il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-produtturi fl-Istati Uniti tal-Amerika, iżda ma kisbet l-ebda kooperazzjoni. Għaldaqstant, il-Ġappun qed jitqies bħala pajjiż analogu xieraq. Produttur wieħed fil-Ġappun qabel li jikkoopera u bagħat l-informazzjoni mitluba.

(32)

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tat-TCCA tal-produttur Ġappuniż lil klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv. F'dan ir-rigward, instab li l-volum totali ta' dan il-bejgħ kien ugwali għal mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ b'esportazzjoni tal-applikant lejn l-Unjoni.

(33)

Il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat jekk kienx hemm tipi ta' TCCA mibjugħa domestikament mill-produttur Ġappuniż li kkoopera u li kienu suffiċjentement paragonabbli mat-tipi mibjugħa mill-applikant għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni identifikat it-tipi ta' TCCA misjuba li kienu identiċi jew komparabbli direttament mat-tip mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-applikant. Ġie stabbilit ukoll li dawn it-tipi kienu mibjugħa fuq livelli ta' qligħ u fil-kors ordinarju tal-kummerċ mill-kumpanija Ġappuniża u li l-prezzijiet ta' bejgħ domestiċi setgħu jitqiesu għad-determinazzjoni tal-valur normali.

(34)

Għalhekk, il-valur normali ġie bbażat fuq il-prezz domestiku reali, ikkalkulat bħala medja ponderata, tat-tipi tal-prodott ta' TCCA meqjusa komparabbli.

Il-prezz ta' esportazzjoni

(35)

Billi l-prodott ikkonċernat ġie esportat direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, il-prezz ta' esportazzjoni ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-prezzijiet ta' esportazzjoni effettivament imħallsa jew dovuti għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Tqabbil

(36)

Il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni tqabblu fuq bażi ta' prezz mill-fabbrika u fuq l-istess livell ta' negozju. Sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta' esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tqiesu d-differenzi fil-fatturi li jaffetwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezz. Għal dan il-għan, il-kostijiet tat-trasport u l-ispejjeż tal-ippakkjar tneħħew kemm mill-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi kif ukoll mill-prezzijiet tal-bejgħ domestiku tal-produttur Ġappuniż li kkoopera.

Marġni ta' dumping

(37)

Kif previst fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-marġni ta' dumping ġie stabbilit fuq il-bażi ta' tqabbil ta' valur normali medju peżat skont it-tip bil-prezz tal-esportazzjoni medju peżat tat-tip korrespondenti tal-prodott ikkonċernat. Dan it-tqabbil wera l-eżistenza ta' dumping.

(38)

Il-marġni ta' dumping għall-applikant, espress bħala perċentwal tal-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, instab li kien ta' 32,8 %.

D.   L-EMENDA TAL-MIŻURI LI QED JIĠU RIEŻAMINATI

(39)

Fid-dawl tas-sejbiet tal-investigazzjoni u skont ir-regola ta' inqas dazju, ġie konkluż li għandha tiġi imposta miżura antidumping definittiva lill-applikant fil-livell tal-marġni ta' dumping misjub, li f'dan il-każ huwa aktar baxx mill-marġni ta' ħsara fil-każ oriġinali.

E.   IR-REĠISTRAZZJONI

(40)

Fid-dawl tas-sejbiet ta' hawn fuq, id-dazju antidumping applikabbli għall-applikant jiġi impost retroattivament fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li saru suġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 809/2013.

F.   L-IŻVELAR U D-DURATA TAL-MIŻURI

(41)

Il-partijiet ikkonċernati ġew informati bil-fatti u bil-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li jiġi impost dazju antidumping definittiv emendat fuq l-importazzjonijet ta' TCCA mingħand l-applikant u li dan id-dazju jiġi impost retroattivament fuq l-importazzjonijiet li saru suġġetti għar-reġistrazzjoni. Il-kummenti waslu għand l-applikant, madankollu, kif spjegat hawn fuq, ma kinux tali li jwasslu għal tibdil fil-konklużjonijiet ta' hawn fuq.

(42)

Dan ir-rieżami ma jaffettwax id-data li fiha jiskadu l-miżuri imposti bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011.

G.   L-OPINJONI TAL-KUMITAT

(43)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011, dan li ġej jiddaħħal fit-tabella:

Kumpanija

Rata ta' dazju antidumping

kodiċi addizzjonali TARIC

Liaocheng City Zhonglian Industry Co Ltd

32,8 %

A998

2.   Kif stipulat fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011, l-applikazzjoni tad-dazju individwali tkun bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jiġu ppreżentati b'fattura kummerċjali valida, li tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness ta' dak ir-Regolament. Jekk l-ebda fattura bħal din ma tkun ippreżentata, tapplika r-rata applikabbli tad-dazju antidumping “għall-pajjiżi l-oħra kollha” msemmija fit-tabella tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1398/2011.

B'dan, id-dazju impost jiġi applikat ukoll b'mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li kienu rreġistrati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 809/2013. Dawn l-importazzjonijiet mhumiex suġġetti għall-kundizzjoni ta' preżentazzjoni ta' fattura kummerċjali peress li ġew irreġistrati.

L-awtoritajiet doganali huma b'dan ordnati li jieqfu milli jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina prodott u mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni minn Liaocheng City Zhonglian Industry Co Ltd.

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 261, 7.10.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 254, 29.9.2010, p. 1.

(4)  ĠU L 346, 30.12.2011, p. 6.

(5)  ĠU L 229, 28.8.2013, p. 2.


Top