Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014O0022

    2014/339/UE: Linja Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 5 ta' Ġunju 2014 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/9 dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2014/22)

    ĠU L 168, 7.6.2014, p. 118–119 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2019; Impliċitament imħassar minn 32019O0007

    ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2014/339/oj

    7.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 168/118


    LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tal-5 ta' Ġunju 2014

    li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/9 dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali

    (BĊE/2014/22)

    (2014/339/UE)

    IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 12.1 u 14.3 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi minn żmien għal żmien li jbaxxi r-rata ta' faċilità ta' depożitu għal anqas minn żero fil-mija.

    (2)

    F'każ ta' tnaqqis fir-rata ta' faċilità ta' depożitu, jenħtieġ li r-regoli dwar ir-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern skont il-Linja Gwida BĊE/2014/9 (1) jiġu aġġustati.

    ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

    Artikolu 1

    Emenda

    1.   L-Artikolu 5(2) tal-Linja Gwida BĊE/2014/9 huwa mibdul b'li ġej:

    “2.   Fi kwalunkwe jum kalendarju, l-ammont totali ta' depożiti ta' matul il-lejl u b'terminu fiss tal-gvernijiet kollha ma' BĊN li jaqbeż l-ogħla bejn: (a) EUR 200 miljun; jew (b) 0,04 % tal-prodott domestiku gross tal-Istat Membru fejn il-BĊN ikun domiċiljat, għandu jkun remunerat b'rata ta' imgħax ta' żero fil-mija. Jekk ir-rata ta' faċilità ta' depożitu f'dan il-jum tkun negattiva, għandha tapplika rata ta' imgħax li m'għandhiex tkun ogħla mir-rata ta' faċilità ta' depożitu. Din id-dispożizzjoni għandha tkun soġġetta għall-Artikolu 11, li għandu japplika biss għall-bilanċ pendenti u l-maturità applikabbli rimanenti ta' depożiti b'terminu fiss miżmumin mill-BĊNi fil-jum kalendarju qabel il-jum li fih il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi li jbaxxi r-rata ta' faċilità ta' depożitu għal anqas minn żero fil-mija. Rata ta' imgħax negattiva tinvolvi obbligu ta' ħlas lill-BĊN ikkonċernat mid-detentur tad-depożitu, inkluż id-dritt ta' dak il-BĊN li jiddebita l-kont tad-depożitu tal-gvern ikkonċernat f'dan is-sens.”

    2.   L-Artikolu 5(3) tal-Linja Gwida BĊE/2014/9 huwa mibdul b'li ġej:

    “3.   Id-depożiti tal-gvern relatati mal-Unjoni Ewropea/il-Fond Monetarju Internazzjonali u programmi ta' appoġġ finanzjarju oħrajn paragunabbli li jinżammu f'kontijiet mal-BĊNi għandhom ikunu suġġetti għar-rati ta' remunerazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew remunerati bir-rata ta' żero fil-mija, irrispettivament minn liema waħda hija l-oġħla, iżda ma għandhomx jgħoddu għall-ammont limitu msemmi fil-paragrafu 2.”

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

    1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ il-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Il-BĊNi għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida u japplikawhom mill-1 ta' Diċembru 2014. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2014.

    Artikolu 3

    Indirizzati

    Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta' Ġunju 2014.

    Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

    Il-President tal-BĊE

    Mario DRAGHI


    (1)  Linja Gwida BĊE/2014/9 tal-20 ta' Frar 2014 dwar operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiku mill-banek ċentrali nazzjonali (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 56).


    Top