EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0896

2014/896/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 10 ta' Diċembru 2014 li tistabbilixxi l-format għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll ta' perikli ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi (notifikata bid-dokument C(2014) 9335) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 355, 12.12.2014, p. 55–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/896/oj

12.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 355/55


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta' Diċembru 2014

li tistabbilixxi l-format għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll ta' perikli ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi

(notifikata bid-dokument C(2014) 9335)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/896/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-kontroll ta' perikli ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 21(5) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2012/18/UE jobbliga lill-Istati Membri jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva sat-30 ta' Settembru 2019, u minn hemm 'il quddiem kull erba' snin.

(2)

Il-Kummissjoni żviluppat kwestjonarju biex jiġi definit is-sett tal-informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-finijiet tar-rapportar dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

(3)

L-ewwel perjodu ta' rapportar għandu jkopri l-perjodu bejn l-1 ta' Ġunju 2015, id-data li fiha d-Direttiva ssir applikabbli bis-sħiħ fl-Istati Membri, u l-31 ta' Diċembru 2018, biex l-Istati Membri jkollhom iż-żmien meħtieġ biex jevalwaw l-informazzjoni miġbura u jgħadduha lill-Kummissjoni sat-30 ta' Settembru 2019. Il-perjodi ta' rapportar ta' kull erba' snin sussegwenti se jkopru l-perjodi bejn l-1 ta' Jannar tal-ewwel sena tal-perjodu ta' rapportar u l-31 ta' Diċembru tar-raba' sena tal-perjodu ta' rapportar.

(4)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (2).

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/18/UE f'konformità mal-Artikolu 21(2) ta' dik id-Direttiva billi jwieġbu l-kwestjonarju stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni (3).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 96/82/KE tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta' perikoli ta' aċċidenti kbar fl-użu ta' sustanzi perikolużi (ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13)

(3)  Disponibbli wkoll fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea: http://ec.europa.eu/environment/seveso/


ANNESS

KWESTJONARJU

1.   INFORMAZZJONI ĠENERALI

1.

Agħti informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti ewlenin responsabbli għall-infurzar tad-Direttiva 2012/18/UE. L-informazzjoni għandha tkopri, bħala minimu, l-informazzjoni ta' kuntatt u l-kompiti ewlenin (il-monitoraġġ tar-rapporti dwar is-sikurezza, l-ippjanar tal-użu tal-art, l-effetti domino, l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet esterni ta' emerġenza, l-ispezzjonijiet, informazzjoni għall-pubbliku, sanzjonijiet). B'mod alternattiv: Irreferi għar-rapport preċedenti jekk ma seħħ l-ebda tibdil sinifikanti.

2.

Indika meta seħħ l-aħħar aġġornament tal-informazzjoni dwar l-istabbilimenti fid-dawl tal-inklużjoni tiegħu fil-bażi tad-dejta (e)SPIRS.

2.   EFFETTI DOMINO (L-ARTIKOLU 9 TAD-DIRETTIVA 2012/18/UE)

Fi tmiem il-perjodu ta' rapportar, kemm-il grupp ta' stabbilimenti ġie identifikat fejn ir-riskju jew il-konsegwenzi ta' inċident kbir jista' jiżdied minħabba l-pożizzjoni ġeografika u l-prossimità ta' stabbilimenti bħal dawn, u l-inventarji tagħhom tas-sustanzi perikolużi, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2012/18/UE?

3.   RAPPORTI DWAR IS-SIKUREZZA (L-ARTIKOLU 10 TAD-DIRETTIVA 2012/18/UE)

1.

L-istabbilimenti ta' kategoriji għolja kollha li kienu jeħtieġu rapport tas-sikurezza matul il-perjodu ta' rapportar, ippreżentawh? Jekk le, kemm minnhom ma ppreżentawhx?

2.

Ir-rapporti tas-sikurezza kollha ġew aġġornati matul l-aħħar ħames snin? Jekk le, kemm-il stabbiliment ta' kategorija għolja, li kienu jeħtieġu jagħmlu dan, ma aġġornawx ir-rapport tas-sikurezza tagħhom?

4.   PJANIJIET TA' EMERĠENZA (L-ARTIKOLU 12 TAD-DIRETTIVA 2012/18/UE)

1.

Ġew stabbiliti pjanijiet esterni ta' emerġenza għall-istabbilimenti ta' kategorija għolja kollha li kienu jeħtieġu rapport tas-sikurezza matul il-perjodu ta' rapportar? Jekk le, kemm-il stabbiliment ta' kategorija għolja m'għandux pjan estern ta' emerġenza stabbilit?

2.

L-awtoritajiet, għal kemm-il stabbilimenti ta' kategorija għolja ddeċidew li ma kienx meħtieġ it-tfassil ta' pjan estern ta' emerġenza skont l-Artikolu 12(8) tad-Direttiva 2012/18/UE?

3.

Jekk it-tweġiba għall-mistoqsija 4.2 hija wieħed jew aktar, għal kull każ agħti l-ġustifikazzjoni rilevanti mressqa mill-awtorità kompetenti.

4.

Il-pjanijiet esterni ta' emerġenza ġew ittestjati matul l-aħħar tliet snin għall-istabbilimenti kollha ta' kategorija għolja? Jekk le, f'kemm-il każ ma ġewx ittestjati l-pjanijiet esterni ta' emerġenza?

5.

Agħti l-informazzjoni dwar l-arranġamenti ewlenin biex jiġi kkonsultat il-pubbliku kkonċernat dwar il-pjanijiet esterni ta' emerġenza.

6.

Agħti spjegazzjoni fil-qosor tal-mod kif il-pjanijiet esterni ta' emerġenza ġew ittestjati (eż. test parzjali, test komplut, test li jinvolvi s-servizzi ta' emerġenza, desk top eċċ.). Speċifika l-kriterji użati meta jkun qed jiġi kkunsidrat jekk pjan estern ta' emerġenza huwiex xieraq.

5.   IPPJANAR TAL-UŻU TAL-ART (L-ARTIKOLI 13 U 15 TAD-DIRETTIVA 2012/18/UE)

1.

Matul il-perjodu ta' rapportar, il-pubbliku kkonċernat ġie kkonsultat dwar il-proġetti speċifiċi individwali kollha (stabbilimenti ġodda, modifiki sinifikanti fuq stabbilimenti eżistenti, żviluppi ġodda madwar stabbilimenti eżistenti), u l-pubbliku ġie kkonsultat dwar il-pjanijiet ġenerali jew il-programmi relatati mal-istabbilimenti ġodda jew mal-iżviluppi ġodda madwar stabbilimenti eżistenti? Jekk le, agħti rapport fil-qosor tar-raġunijiet ewlenin għall-każijiet fejn il-pubbliku ma ġiex ikkonsultat.

2.

Fakultattiv: Il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' pajjiżek tistipula proċeduri koordinati jew konġunti sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti dwar l-ippjanar tal-użu tal-art skont is-Seveso u r-rekwiżiti li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni oħra, pereżempju d-Direttivi 2011/92/UE (1) u 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)?

6.   INFORMAZZJONI DWAR IL-MIŻURI TA' SIKUREZZA (L-ARTIKOLU 14 U L-ANNESS V TAD-DIRETTIVA 2012/18/UE)

1.

L-informazzjoni dwar il-miżuri tas-sikurezza u dwar l-imġiba meħtieġa f'każ ta' inċident kbir kienet disponibbli b'mod attiv għall-pubbliku matul l-aħħar ħames snin għall-istabbilimenti kollha ta' kategorija għolja? Jekk le, għal kemm-il stabbiliment ta' kategorija għolja dan ma kienx il-każ?

2.

Indika min (l-operatur, l-awtoritajiet) u, fejn possibbli, b'liema mezzi (pereżempju fuljetti, flyers, posta elettronika, SMS mingħand l-operaturi jew l-awtoritajiet) twasslet l-informazzjoni skont 6.1.

3.

L-informazzjoni elenkata fl-Anness V tad-Direttiva 2012/18/UE, qed tinżamm disponibbli b'mod permanenti għall-istabbilimenti kollha, inkluż b'mod elettroniku, u qed tiġi aġġornata fejn meħtieġ? Jekk le, indika l-perċentwal tal-istabbilimenti li għalihom dan mhuwiex il-każ u l-miżuri li ttieħdu biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet.

4.

Indika min (l-operatur, l-awtoritajiet) u, fejn possibbli, b'liema mezzi (pereżempju avviżi jew websajts tal-operaturi jew tal-awtoritajiet) qed tinżamm l-informazzjoni skont 6.3 b'mod permanenti.

5.

Fi tmiem il-perjodu ta' rapportar, kemm-il stabbiliment ġie meqjus li għandu potenzjal ta' inċident kbir b'effetti transfruntiera? F'kemm-il każ twasslet informazzjoni rilevanti lil xi Stat Membru potenzjalment affettwat.

7.   SPEZZJONIJIET (L-ARTIKOLU 20 TAD-DIRETTIVA 2012/18/UE)

1.

F'liema livell jew livelli tfasslu pjanijiet ta' spezzjoni? Dawn tqiegħdu għad-disponibilità tal-pubbliku, jew inkella l-pubbliku ġie informat b'mod elettroniku dwar fejn tista' tinkiseb informazzjoni aktar dettaljata dwar il-pjan ta' spezzjoni? Fakultattiv: Jekk ippubblikati fuq l-Internet, agħti l-ħolqa.

2.

Ġew stabbiliti programmi għal spezzjonijiet ta' rutina, inkluża l-frekwenza taż-żjarat fuq is-siti għall-istabbilimenti kollha? Id-data tal-aħħar żjara fuq is-sit, jew ir-referenza għal-lok fejn tista' tinstab dik l-informazzjoni b'mod elettroniku tpoġġew għad-disponibilità tal-pubbliku? Fakultattiv: Jekk ippubblikati fuq l-Internet, agħti l-ħolqa.

3.

Għal kemm-il stabbiliment ta' kategorija għolja huwa kkonċernat il-programm ta' spezzjoni, inkluża l-frekwenza taż-żjajjar fuq is-sit abbażi ta' evalwazzjoni sistematika tal-perikli ta' inċidenti kbar tal-istabbiliment? Kemm minn dawn huma suġġetti għal żjajjar annwali fuq is-sit?

4.

Għal kemm-il stabbiliment ta' kategorija baxxa huwa kkonċernat il-programm ta' spezzjoni, inkluża l-frekwenza taż-żjajjar fuq is-sit abbażi ta' evalwazzjoni sistematika tal-perikli ta' inċidenti kbar tal-istabbiliment? Kemm minn dawn huma suġġetti għal żjajjar fuq is-sit kull tliet snin?

5.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-gwida amministrattiva jistipulaw spezzjonijiet koordinati jew konġunti ma' spezzjonijiet imwettqa skont leġislazzjoni oħra tal-Unjoni (eż. skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali jew DEI)?

8.   PROJBIZZJONI TAL-UŻU, PENALI U STRUMENTI OĦRAJN KOERĊITTIVI (L-ARTIKOLU 19 U 28 TAD-DIRETTIVA 2012/18/UE)

1.

Għal kemm-il stabbiliment ġie pprojbit l-użu jew il-bidu tal-użu matul il-perjodu ta' rapportar?

2.

Kemm-il tip ieħor ta' miżuri koerċittivi ttieħdu matul il-perjodu ta' rapportar? Agħti indikazzjoni tat-tipi ta' azzjonijiet li jintużaw l-aktar spiss (eż. il-projbizzjoni tal-użu, sanzjoni amministrattiva, penali jew xi miżura oħra). Jekk jista' jkun, agħti elenku statistiku.

9.   AĊĊESS GĦALL-ĠUSTIZJA (L-ARTIKOLU 23 TAD-DIRETTIVA 2012/18/UE)

Spjega kif ġiet żgurata l-konformità mal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2012/18/UE dwar l-aċċess għall-ġustizzja, u ddeskrivi l-esperjenza tal-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu matul il-perjodu ta' rapportar.

10.   INFORMAZZJONI OĦRA

Fakultattiv: Agħti kull informazzjoni ġenerali addizzjonali relatata mas-Seveso, l-esperjenza tal-implimentazzjoni, ir-rapporti eċċ., li tista' tkunu ta' interess u li tista' tinqasam mal-pubbliku dwar il-punti li ġejjin:

(a)

Tagħlimiet minn aċċidenti u inċidenti biex dawn ma jiġux ripetuti;

(b)

L-għodod tal-IT użati għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva u għall-iskambju tad-dejta;

(c)

Jekk rilevanti, kull miżura simili għas-Seveso (f'termini ta' notifika tal-attivitajiet, rekwiżiti dwar il-ġestjoni tas-sikurezza, rapporti dwar is-sikurezza, informazzjoni għall-pubbliku, ippjanar għall-emerġenzi u spezzjonijiet), applikata għall-installazzjonijiet u l-attivitajiet mhux koperti mid-Direttiva 2012/18/UE, pereżempju, dwar pipelines, portijiet, ċentri tat-tqassim ta' ferroviji tal-merkanzija (marshalling yards), installazzjonijiet lil hinn mill-kosta, esplorazzjoni tal-gass, sfruttament, eċċ.


(1)  Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-L-Erbgħa, 27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30).


Top