Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0206

2014/206/EU: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta' Novembru 2013 dwar il-miżuri implimentati mill-Ġermanja favur HoKaWe Eberswalde GmbH SA.34721 (2012/C) (ex 2012/NN) (notifikata bid-dokument numru C(2013)7058) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 109, 12.4.2014, pp. 30–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/206/oj

12.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 109/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta' Novembru 2013

dwar il-miżuri implimentati mill-Ġermanja favur HoKaWe Eberswalde GmbH SA.34721 (2012/C) (ex 2012/NN)

(notifikata bid-dokument numru C(2013)7058)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/206/EU)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħom skont id-dispożizzjonijiet ikkwotati hawn fuq (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħom,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fit-30 ta' April 2012, il-Kummissjoni rċeviet ilment minn impriża li tipproċessal-injam stabbilita fil-Land Brandenburg li kienet qed tallega li l-ftehim qafas ta' 15-il sena konkluż bejn il-Land Ġermaniża ta' Brandenburg u l-impriża HoKaWe Eberswalde GmbH (HoKaWe) jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(2)

Fil-11 ta' Mejju 2012 il-Kummissjoni ressqet verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment lill-Ġermanja u talbet informazzjoni addizzjonali. B'ittra bid-data tas-6 ta' Ġunju 2012, il-Ġermanja pprovdiet kummenti dwar l-ilment u ressqet l-informazzjoni addizzjonali mitluba.

(3)

Fis-27 ta' Awwissu 2012, il-Kummissjoni bagħtet verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposta lill-ilmentatur, u talbet lil dan tal-aħħar jekk iridx ikompli jsegwi l-kwistjoni aktar fil-fond. L-ilmentatur wieġeb fl-4 ta' Settembru 2012 li ma kienx se jirtira l-ilment tiegħu.

(4)

B'ittra bid-data tad-19 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni infurmat lill-Ġermanja li kienet iddeċidiet li tniedi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-għajnuna.

(5)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi l-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

(6)

B'ittra bid-data tat-28 ta' Frar 2013, il-Ġermanja pprovdiet kummenti dwar id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet mingħand żewġ partijiet terzi interessati fit-30 ta' April 2013 u mingħand l-ilmentatur fit-3 ta' Mejju 2013.

(7)

Fis-17 ta' Mejju 2013 intbagħtu verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta' dawn l-osservazzjonijiet lill-Ġermanja. Il-Ġermanja kkummentat dwar dawn l-osservazzjonijiet fil-11 ta' Ġunju 2013 u ressqet dawn il-kummenti permezz ta' ittra bid-data tat-13 ta' Ġunju 2013.

(8)

Il-Kummissjoni bagħtet aktar talbiet għall-informazzjoni lill-Ġermanja b'ittri bid-data tat-2 ta' Awwissu 2013, is-17 ta' Settembru 2013 u t-23 ta' Settembru 2013 li għalihom il-Ġermanja wieġbet b'ittri bid-data tal-15 ta' Awwissu 2013, l-20 ta' Settembru 2013 u l-1 ta' Ottubru 2013 rispettivament.

2.   DESKRIZZJONI TAL-GĦAJNUNA

2.1.   Il-benefiċjarju

(9)

HoKaWe hija kumpanija ta' risponsabbiltà limitata li topera impjant tal-enerġija tal-bijomassa tal-ħruq tal-injam f'Eberswalde fil-Land Brandenburg. L-impjant tal-enerġija nbena fl-2005 u beda jiffunzjona fl-2006. F'Ġunju 2011, il-qorti tal-kontea ta' Frankfurt/Oder fetħet proċedimenti ta' insolvenza kontra HoKaWe. Madankollu, il-kumpanija għadha ekonomikament attiva.

(10)

Il-Landkreis Barnim (id-distrett ta' Barnim) kien interessat li jixtri l-assi ta' HoKaWe biex ikompli jopera l-impjant tal-enerġija; f'Mejju 2012 it-tranżazzjoni tal-assi ġiet approvata f'laqgħa tal-kredituri ta' HoKaWe, u l-bejgħ ġie ffirmat fil-preżenza ta' nutar. Madankollu, billi l-Land ta' Brandenburg ma qablitx li tittrasferixxi l-ftehim qafas li jirregola l-konsenji ta' injam mill-Foresta Statali ta' Brandenburg (li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni preżenti) lis-sid il-ġdid, id-distrett ta' Barnim irtira mit-tranżazzjoni.

2.2.   Deskrizzjoni tal-miżura

(11)

F'Ġunju 2005 il-Land ta' Brandenburg u HoKaWe kkonkludew ftehim qafas għall-konsenja ta' injam mill-Foresta Statali ta' Brandenburg. Dan il-ftehim jistipula l-kwantità u t-termini u l-konduzzjonijiet ta' konsenja ta' injam (3) lil HoKaWe għal perjodu ta' 15-il sena, mill-1 ta' Ġunju 2006 sal-1 ta' Ġunju 2021. Il-ftehim jikkonċerna volum annwali ta' 150 000 metri kubi ta' injam li joriġina minn foresti li jinsabu f'distanza ta' mhux aktar minn 70 km minn Eberswalde.

(12)

Fil-ftehim ġie ffissat prezz ta' referenza inizjali għas-sena 2004 ta' EUR 15,50/metru kubu. Barra minn hekk, it-test tal-ftehim kien jipprevedi li l-aġġustamenti bikrin tal-prezzijiet ikunu miftehma bejn il-partijiet fuq il-bażi tal-iżvilupp tal-indiċi tal-prezz tal-injam industrijali tal-Uffiċju tal-Istatistika Federali Ġermaniż (4); il-bidliet fil-prezz tal-injam meta mqabbel mal-prezz ta' referenza inizjali kellhom jiġġarbu 50 % mill-bejjiegħ u 50 % mix-xerrej (minn issa 'l quddiem il-“klawżola ta' aġġustament tal-prezzijiet”).

(13)

Għall-fini tal-kalkolu tal-aġġustament tal-prezzijiet korrispondenti, il-ftehim, barra minn hekk, stabbilixxa l-formula li ġejja (minn issa 'l quddiem: il-“formula ta' aġġustament tal-prezzijiet” jew il-“formula”):

Formula

(14)

Huwa għalhekk meħtieġ li wieħed jiddistingwi bejn il-klawżola ta' aġġustament tal-prezzijiet fit-test tal-ftehim u l-formula tal-aġġustament tal-prezzijiet.

(15)

Skont is-sottomissjonijiet mill-Ġermanja, min-naħa, il-klawżola ta' aġġustament tal-prezzijiet trid tidher bħala r-rappreżentazzjoni tal-intenzjonijiet tal-partiti fil-ftehim. Dan huwa sostnut minn nota interna mill-Ministeru tal-Agrikoltura, l-Ambjent u l-Ippjanar Reġjonali tal-Land ta' Brandenburg tal-1 ta' Ottubru 2003 li tikkonċerna laqgħa bejn ir-rappreżentanti tal-Land ta' Brandenburg u HoKaWe, li turi biċ-ċar li l-aġġustament tal-prezzijiet previst mill-partijiet matul in-negozjati kien jikkorrispondi mal-klawżola ta' aġġustament tal-prezzijiet. Dan huwa sostnut ukoll minn nota mill-Ministeru tal-Ekonomija u l-Affarijiet Ewropej tal-Land ta' Brandenburg tal-5 ta' Jannar 2011, li rrakkomandat li taġġusta jew tinterpreta l-ftehim qafas b'tali mod li jkun jirrispetta t-test tal-ftehim sabiex jirrifletti l-intenzjonijiet veri tal-partijiet.

(16)

Il-formula min-naħa l-oħra kienet żbaljata, kif ikkonfermat mill-Ġermanja u minn żewġ opinjonijiet esperti mħejjija fl-2010 għal-Land ta' Brandenburg (5), u ma wasslitx għal riżultat li kien jikkorrispondi mal-intenzjonijiet tal-partiti kif spjegat fil-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet.

(17)

Wara li l-ftehim daħal fis-seħħ, il-prezz kien aġġustat fuq il-bażi tal-formula. Kuntrarju għall-intenzjonijiet espressi fit-test tal-ftehim, l-aġġustamenti tal-prezzijiet ikkalkolati skont il-formula ma segwewx l-iżvilupp attwali tal-indiċi tal-prezz tal-injam industrijali u wasslu għal prezzijiet li kienu sinifikattivament aktar baxxi mill-prezz medju tal-injam għall-foresti Statali ta' Brandenburg. Barra minn hekk, il-formula ma wasslitx għar-riżultat previst tal-qsim ugwali tar-riskju tal-flussi fil-prezzijiet bejn l-Istat u HoKaWe.

(18)

Dan ġara minħabba l-fatt li, kif muri aktar 'il fuq fil-premessa (16), il-formula kienet żbaljata u ma kinitx tirrifletti matematikalment l-intenzjonijiet tal-partiti kif stabbilit fil-klawżola ta' aġġustamenti tal-prezzijiet (6).

(19)

Flimkien ma' dan, is-sottomissjoni tal-Ġermanja tat-28 ta' Frar 2013 turi li, matul il-ftehim il-partiti, b'mod ripetittiv, eżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom rigward il-parametri li ntużaw fil-fatt għall-kalkolu tal-aġġustament tal-prezzijiet skont il-formula (7). L-awtoritajiet Ġermaniżi informaw lill-Kummissjoni li r-raġunijiet għal dan ma setgħux jiġu inferiti mill-fajls.

(20)

Iż-żewġ opinjonijiet esperti li ngħataw lil-Land ta' Brandenburg fl-2010 (ara l-paragrafu (16)) ġibdu l-attenzjoni lejn problemi possibbli tal-għajnuna mill-Istat u rrakkomandaw li l-ftehim jiġi emendat billi tinbidel il-formula. Wara negozjati bejn HoKaWe u l-Land ta' Brandenburg, il-partiti għalhekk iffirmaw verżjoni mmodifikata tal-ftehim fis-26 ta' Awwissu 2011, b'effett mill-1 ta' Lulju 2011. Din il-verżjoni modifikata solviet il-problemi spjegati fil-premessi minn (12) sa (19) billi stipulat li mill-1 ta' Lulju 2011 'l quddiem il-prezzijiet kellhom jiġu aġġustati skont il-klawżola ta' aġġustament tal-prezzjiet u, b'hekk, skont l-intenzjonijiet oriġinali tal-partijiet. Għalhekk, minn din id-data 'l quddiem, il-formula ma baqgħetx parti mill-ftehim u ma setgħetx tibqa' tiġi applikata.

(21)

Barra minn hekk, il-Land ta' Brandenburg iddeċidiet li ma tkomplix il-kuntratt ma' investituri futuri li jieħdu f'idejhom l-assi ta' HoKaWe.

2.3.   Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura

(22)

Fid-19 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftah proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE (“id-deċiżjoni ta' ftuh”).

(23)

Fid-deċiżjoni ta' ftuħ il-Kummissjoni b'mod preliminari qieset li l-implimentazzjoni tal-ftehim qafas bejn il-Land ta' Brandenburg u HoKaWe kienet tinvolvi l-għajnuna mill-Istat.

(24)

Il-Kummissjoni staqsiet jekk, minn perspettiva ex ante, bejjiegħ privat fis-suq kienx jaċċetta remunerazzjoni bħala dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-formula tal-aġġustament tal-prezzijiet deskritta.

(25)

Barra minn hekk, anki jekk il-partijiet kontraenti ma kinux konxji min-nuqqasijiet tal-formula, il-Kummissjoni esprimiet dubji serji dwar jekk il-Ġermanja aġixxietx b'mod konformi mas-suq matul l-implimentazzjoni tal-ftehim. Dawn id-dubji rriżultaw minħabba l-iżvilupp tal-prezz għall-injam mibjugħ skont il-Ftehim, li wera li l-prezz ikkalkolat fuq il-bażi tal-formula wassal għal prezzijiet sinifikattivament aktar baxxi mill-prezz medju tal-injam fil-Land ta' Brandenburg. Bejjiegħ privat prudenti li jkun f'sitwazzjoni simili kien juża minnufih il-possibbiltajiet kollha biex jimmodifika l-metodu tal-aġġustament. B'kuntrast ma' dan, il-Ġermanja kompliet tuża l-formula sal-2011.

(26)

Fuq il-bażi ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li vantaġġ favur HoKaWe u għalhekk l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi eskluża għall-perjodu mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim (l-1 ta' Ġunju 2006) sal-emenda tal-ftehim (it-30 ta' Ġunju 2011). Billi bażi ġuridika għall-kompatibbiltà tal-għajnuna la kienet evidenti u lanqas kienet ġiet dikjarata mill-Ġermanja, il-Kummissjoni kellha aktar dubji dwar jekk il-miżura setgħetx titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

3.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(27)

Waqt il-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti minn żewġ partijiet terzi interessati kif ukoll mingħand l-ilmentatur.

(28)

L-ilmentatur issottometta noti interni tal-Ministeru tal-Agrikoltura, l-Ambjent u l-Ippjanar Reġjonali tal-Land ta' Brandenburg bid-data ta' Diċembru 2003 u Marzu 2004. Skont l-ilmentatur, dawn in-noti kienu jesprimu, diġà qabel il-konklużjoni tal-ftehim, xi tħassib dwar bosta aspetti tal-ftehim: In-nota ta' Diċembru 2003, filwaqt li vvalutat il-konsegwenzi ta' ftehim matul dak iż-żmien, għamlet l-osservazzjoni li, saħansitra għas-sena 2004, il-ftehim ikun iwassal għal prezz ħafna aktar baxx mill-prezz tal-injam industrijali ta' dak iż-żmien. Bl-istess mod, in-nota interna ta' Marzu 2004 ġibdet l-attenzjoni li l-metodu ta' adattament tal-prezzjiet ikun iwassal għal konċessjonijiet mhux xierqa ta' prezzijiet mil-Land ta' Brandenburg u espliċitament irrakkomandat li l-ftehim jiġi kkunsidrat jew innegozjat mill-ġdid.

(29)

L-ilmentatur kompla jargumenta li f'sitwazzjoni bħal dik l-ebda bejjiegħ privat ma kien jidħol fi ftehim bħal dak u, barra minn hekk, bejjiegħ privat kien jirreaġixxi minnufih meta deher biċ-ċar li l-prezzijiet kienu aktar baxxi mill-prezzijiet tas-suq u ma kienx jistenna ħames snin. Rigward l-adattament tal-prezzijiet, l-ilmentatur jallega li l-prezzijiet miftehma ma kinux jirriflettu l-iżvilupp attwali fis-suq tal-injam u dawn irriżultaw f'vantaġġ mhux mistħoqq favur HoKaWe. L-ilmentatur jikkalkola li l-ammont ta' għajnuna bejn l-2006 u l-2011 kien ta' EUR 7,3 miljun (waqt li jitqies il-prezz medju tal-injam kif miftiehem bejn l-ilmentatur u fornituri oħra).

(30)

Flimkien ma' dan, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet minn żewġ impriżi fil-Land ta' Brandenburg. Dawn l-impriżi allegaw li minħabba l-ftehim fuq perjodu fit-tul, parti sinifikanti mill-injam prodott ġewwa l-foresta Statali ta' Brandenburg ġiet irtirata mis-suq tal-injam reġjonali u dan wassal għal tgħawwiġ mhux mistħoqq fil-kompetizzjoni u poġġa f'periklu l-eżistenza ta' impriżi żgħar tal-ipproċessar tal-injam fil-Land ta' Brandenburg.

4.   KUMMENTI MILL-ĠERMANJA

(31)

Il-Ġermanja sostniet li l-ftehim qafas kien konformi mas-suq u għalhekk ma kienx jinvolvi għajnuna mill-Istat.

(32)

Il-Ġermanja stqarret li, meta ġie ffirmat il-ftehim, ma kien jeżisti l-ebda suq għall-injam li jintuża għall-produzzjoni tal-enerġija (injam għall-enerġija “Energieholz”) u li, b'konsegwenza ta' dan, il-partijiet qablu li jibbażaw il-prezz li għandu jitħallas minn HoKaWe fuq il-prezz għall-injam industrijali u l-aġġustamenti tal-prezzijiet fuq l-iżvilupp tal-indiċi għall-injam industrijali. Il-Ġermanja żiedet ukoll li t-test tal-ftehim kien jirrifletti l-modus operandi maħsub għall-aġġustamenti tal-prezzijiet iżda ammettiet li l-applikazzjoni tal-formula wasslet għal riżultati li ma kinux jikkorrispondu għall-qsim intiż tar-riskju tal-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet bejn il-partijiet.

(33)

Il-Ġermanja, għalhekk, argumentat li l-prezz ta' referenza inizjali kif ukoll il-klawżola ta' aġġustament tal-prezzijiet stabbilita fit-test tal-ftehim, bl-aġġustamenti tal-prezzijiet imsejsa fuq l-indiċi għall-injam industrijali fil-Ġermanja u l-kondiviżjoni tar-riskju tal-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet bejn il-partijiet, iridu jitqiesu bħala li kienu konformi mas-suq fil-waqt tal-iffirmar tal-ftehim.

(34)

Skont il-Ġermanja, l-amministrazzjoni tal-forestrija fil-Land ta' Brandenburg skopriet biss fir-riorganizzazzjoni tagħha ta' Jannar 2009 li l-applikazzjoni tal-formula kienet wasslet biex HoKaWe tħallas prezzijiet aktar baxxi minn kumpaniji oħra. Għalhekk, fl-2010, l-awtoritajiet responsabbli tal-Land ta' Brandenburg talbu valutazzjoni tal-ftehim minn espert legali estern, RAUE LLP, u wettqu wkoll valutazzjoni legali interna (in-house) tal-ftehim. Iż-żewġ kompetenzi ġibdu l-attenzjoni lejn kwistjonijiet possibli relatati mal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, fi stqarrija bil-miktub tal-5 ta' Jannar 2011, il-Ministeru tal-Ekonomija u l-Affarijiet Ewropej ikkonkluda li l-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet kienet konformi mas-suq iżda li aġġustament tal-prezzijiet fuq il-bażi tal-formula kienet tikkonstitwixxi għajnuna mill-Istat u għalhekk, irrakkomanda li l-ftehim jiġi emendat b'tali mod li jkun jirrifletti l-intenzjonijiet veri billi, pereżempju, tiġi modifikata l-formula. Il-Land ta' Brandenburg segwiet din ir-rakkomandazzjoni f'Awwissu 2011.

(35)

F'dan ir-rigward, il-Ġermanja argumentat li l-Land ta' Brandenburg aġixxiet b'mod konformi mas-suq billi aġġustat il-ftehim fl-2011 u li ma setgħetx tirreaġixxi aktar malajr, billi l-kuntratti jridu jiġu onorati u billi l-ftehim seta' biss jiġi emendat permezz ta' ftehim bejn il-partijiet.

(36)

Barra minn hekk, skont il-Ġermanja, il-ftehim la jgħawweġ il-kompetizzjoni u lanqas jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.   VALUTAZZJONI

5.1.   L-eżistenza ta' għajnuna

(37)

L-Artikolu 107(1) TFUE jistipula li kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-istat fi kwalunwe forma li tgħawweġ jew li thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti, hija inkompatibbli mas-suq intern, jekk din taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(38)

Skont il-prattika stabbilita tal-Kummissjoni u kif ikkonfermat mill-każistika, il-kriterju biex jiġi vvalutat jekk tranżazzjoni kummerċjali bejn korp pubbliku u entità ekonomika tammontax għal għajnuna mill-Istat huwa l-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq. Isegwi minn dan il-prinċipju li, meta l-Istat jaġixxi fis-suq bħala operatur kummerċjali, għandu jagħmel dan b'mod komparabbli ma' operatur privat. Jekk l-Istat ma jagħmilx dan, l-għajnuna mill-Istat tista' tkun involuta. Fi kliem ieħor, il-valur referenzjarju biex jiġi apprezzat jekk tranżazzjoni tinvolvix għajnuna mill-Istat huwa jekk operatur privat li jinsab f'qagħda simili jġibx ruħu bl-istess mod, jiġifieri f'dan il-każ jekk dan tal-aħħar kienx ibigħ l-assi, il-merkanzija jew is-servizz bl-istess prezz (it-test tal-bejjiegħ privat). Bl-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju, il-kunsiderazzjonijiet mhux ekonomiċi ma jistgħux jitqiesu bħala raġunijiet għall-aċċettazzjoni ta' prezz iktar baxx. Dan il-prinċipju ġie applikat ripetittivament mill-Kummissjoni u kkonfermat b'mod kostanti mill-Qorti (8).

(39)

Il-Kummissjoni, għalhekk, għandha tevalwa f'dan il-każ jekk bejjiegħ privat kienx jidħol fi ftehim b'durata komparabbli, fuq il-bażi ta' prezz ta' referenza inizjali komparabbli u b'mekkaniżmu ta' aġġustament tal-prezzijiet simili.

(40)

Kif hemm miktub fil-premessi minn (11) sa (12), il-ftehim qafas b'durata ta' 15-il sena jistipula li l-prezzijiet għandhom jiġu aġġustati kull sena skont l-iżvilupp tal-indiċi tal-prezzijiet tal-injam industrijali u li l-bidliet korrispondenti għall-prezz ta' referenza inizjali, li kien stabbilit għal EUR 15,50/metru kubu, għandhom jiġġarbu 50 % mill-Istat u 50 % minn HoKaWe. Barra minn hekk, il-ftehim stabbixxa formula li għandha tintuża għall-kalkolu ta' dan l-aġġustament fil-prezz.

Id-durata twila tal-ftehim

(41)

L-ilementatur argumenta li d-durata tal-ftehim, jiġfieri 15-il sena, ma kinetx tas-soltu fis-suq.

(42)

Madankollu, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda indikazzjoni li tiġġustifika konklużjoni li din id-durata ma kinitx konformi mas-suq. Filwaqt li durata ta' 15-il sena tidher pjuttost twila, ma jkunx irraġonevoli għal bejjiegħ li jintrabat ma' xerrej jekk dan ikun jiggarantixxi lill-bejjiegħ, kif kien il-każ taħt il-ftehim preżenti, li jbigħ volumi ugwali ta' injam li, barra minn hekk, għal-inqas parzjalment, ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kwalità għall-injam industrijali.

(43)

Fid-dawl ta' dan il-fatt u tal-previżjoni tal-qsim tar-riskju ta' fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet ma jistax jiġi eskluż li bejjiegħ privat kien jidħol għal ftehim ta' durata komparabbli.

Il-prezz ta' referenza inizjali miftiehem

(44)

B'mod simili, rigward il-prezz ta' referenza inizjali ta' EUR 15,50/metru kubu, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda indikazzjoni li dan il-prezz ma kienx konformi mas-suq.

(45)

Kif ġie argumentat mill-Ġermanja, fiż-żmien li ġie ffirmat il-ftehim, ma kien jeżisti l-ebda prezz tas-suq stabbilit għall-injam għall-enerġija. Il-partijiet kontraenti, għalhekk, ibbażaw il-ftehim qafas fuq il-prezz tal-injam industrijali. Skont deskrizzjoni ġenerali tal-prezzijiet tas-suq għall-injam industrijali sottomessa mill-ilmentatur, il-prezzijiet bejn EUR 15,50/metru kubu u EUR 17,50/metru kubu għas-sena 2004 u bejn EUR 15,00/metru kubu u EUR 17,00/metru kubu għas-sena 2005 jistgħu jitqiesu bħala li jikkonformaw mas-suq. Meta jitqies ukoll il-fatt li l-ftehim kien kuntratt fit-tul, bil-prezz miftiehem ta' EUR 15,50/metru kubu, il-prezz ta' referenza inizjali tal-ftehim qafas baqa' fil-medda ta' prezzijiet konformi mas-suq għall-injam industrijali.

(46)

Barra minn hekk, nota interna mill-Ministeru tal-Agrikoltura, l-Ambjent u l-Ippjanar Reġjonali tal-Land ta' Brandenburg bid-data tal-1 ta' Ottubru 2003 turi li matul in-negozjati, ir-rappreżentanti tal-Land ta' Brandenburg issuġġerew prezz ta' referenza inizjali ta' EUR 15,50/metru kubu, filwaqt li HoKaWe ssuġġeriet prezz ta' EUR 15,00/metru kubu. Il-partijiet finalment qablu dwar il-prezz li kien ogħla, jiġifieri l-prezz ta' EUR 15,50/metru kubu.

(47)

Il-prezz ta' referenza inizjali ta' EUR 15,50/metru kubu jista' għalhekk jitqies bħala konformi mas-suq. Minħabba n-nuqqas ta' prezz tas-suq stabbilit għat-tqabbil, u l-fatt li r-rekwiżiti ta' kwalità tal-injam għall-enerġija għall-inqas mhumiex ogħla minn dawk għall-injam industrijali, kien raġonevoli għal-Land ta' Brandenburg li tikkonkludi ftehim li bih il-prezz ikun ibbażat fuq il-prezz għall-injam industrijali (il-prezz ta' referenza). Il-prezz miftiehem kien ir-riżultat ta' negozjati bejn il-partijiet u barra minn hekk kien fil-firxa tal-prezzijiet tas-suq għall-injam industrijali fil-Land ta' Brandenburg. Dan ġie miftiehem fl-għarfien tal-kwalità tal-injam disponibbli lill-foresti Statali tal-Land ta' Brandenburg (9) u għalhekk jirrappreżenta dak li bejjiegħ privat ikun qies bħala aċċettabbli għall-kwalità tal-injam li jrid jiġi kkunsinnat.

L-aġġustament tal-prezzijiet

(48)

Dwar l-aġġustament tal-prezzijiet, kif spjegat fil-premessa (14), huwa meħtieġ li wieħed jiddistingwi bejn il-klawżola tal-aġġustament tal-prezz u l-aġġustamenti tal-prezz applikati fil-verità fuq il-bażi tal-formula.

(49)

Rigward il-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet il-Kummissjoni ma għandha l-ebda indikazzjoni li din ma kinitx konformi mas-suq. B'mod simili għal dak li ġie ddikjarat fil-premessa (45) dwar il-prezz ta' referenza inizjali, ma kien hemm l-ebda indiċi għall-iżviluppi fil-prezzijiet ta' injam għall-enerġija. Kien, għalhekk, raġonevoli mhux biss li l-prezz ta' referenza inizjali jiġi bbażat fuq il-prezz għall-injam industrijali iżda wkoll raġonevoli li jkun hemm ftehim dwar aġġustament fil-prezz b'mod parallel mal-indiċi għall-injam industrijali.

(50)

Barra minn hekk, it-test tal-ftehim ippreveda li l-partijiet għandhom jaqsmu l-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet nofs u nofs. Billi l-iżvilupp tal-prezz kien, fi żmien l-iffirmar, mhux kompletament previst, dan il-mekkaniżmu kellu l-effett li ż-żewġ partijiet jaqsmu kemm ir-riskju kif ukoll il-benefiċċji (potenzjali), li setgħu ukoll irriżultaw f'vantaġġ għal-Land ta' Brandenburg. Fid-dawl ta' din l-inċertezza, anki bejjiegħ privat seta' jaqbel ma' klawżola bħal din. Din il-klawżola għalhekk trid titqies bħala konformi mas-suq.

(51)

Jista' jiġi konkluż li l-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet, waqt li tipprevedi żvilupp tal-prezz b'mod parallel mal-indiċi għall-injam industrijali u qsim ugwali tar-riskju ta' fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet bejn il-partijiet, kienet konformi mas-suq, u li bejjiegħ privat raġjonevoli kien jidħol għal ftehim bħal dan.

(52)

Madankollu, kif diġà ntqal, l-aġġustamenti fil-prezz attwali saru bl-applikazzjoni tal-formula. Kif jidher mill-ħarsa ġenerali fit-tabella li ġejja, il-prezzijiet li rriżultaw mill-applikazzjoni ta' din il-formula kienu sinifikattivament aktar baxxi mill-prezzijiet li kienu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet:

(f'EUR għal kull metru kubu)

 

Il-prezz attwalment imħallas (ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-formula)

Il-prezz ikkalkulat (*1) abbażi tal-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet

Il-prezz medju għall-injam kollu fil-Land ta' Brandenburg

2006

13,00

15,42

17,72

2007

13,21

15,95

21,02

2008

16,55

20,96

22,76

2009

16,42

20,76

19,20

2010

16,14

20,03

24,50

2011

15,79

19,33

m.a.

(53)

Din it-tabella turi wkoll b'mod ċar li l-prezzijiet ikkalkulati fuq il-bażi tal-formula mhux biss kienu sinifikattivament aktar baxxi mill-prezzijiet li kienu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet iżda wkoll sinifikattivament aktar baxxi mill-prezzijiet medji fil-Land ta' Brandenburg.

(54)

Barra minn hekk, dawn l-effetti tal-formula kienu diġà prevedibbli qabel l-iffirmar tal-ftehim. Dan huwa ta' importanza partikolari billi, sabiex jiġi vvalutat jekk bejjiegħ fis-suq privat ikunx aġixxa bl-istess mod jew b'mod komparabbli bħall-Land ta' Brandenburg, huwa meħtieġ li titwettaq valutazzjoni ex ante tal-ftehim (10).

(55)

Kif intqal hawn fuq fil-premessi (16) u (18), il-formula kienet żbaljata u ma kinitx tirrifletti l-intenzjonijiet kif espressi fil-klawżola ta' aġġustament tal-prezzijiet. Dawn l-intenzjonijiet setgħu ġew matematikament riflessi, kif ikkonfermat ukoll mill-opinjoni esperta ta' RAUE LLP, f'din il-formula li ġejja:

Formula

(56)

Madankollu, il-partijiet għall-ftehim naqqsu ammont fiss minflok l-Indiċin . Filwaqt li jista' jkun iġġustifikat, skont iċ-ċirkostanzi, li jintuża tnaqqis fiss, tnaqqis bħal dan għandu għall-inqas jirriżulta fil-prezz ta' referenza inizjali miftiehem għas-sena li fiha jiġi konkluż il-ftehim. Madankollu, fil-każ preżenti, il-partijiet għażlu tnaqqis li, diġà għas-sena tal-iffirmar, wassal għal prezz sinifikattivament aktar baxx mill-prezz inizjali miftiehem ta' referenza konformi mas-suq ta' EUR 15,50/metru kubu.

(57)

Għaldaqstant, il-fatt li l-formula kienet żbaljata u ma wasslitx għall-prezzijiet miftiehma fil-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet kien oġġettivament prevedibbli fil-mument tal-iffirmar.

(58)

F'din is-sitwazzjoni, bejjiegħ privat kieku kien juża formula differenti jew mill-inqas kien jitlob modifika tal-formula, speċjalment peress li l-partijiet kienu qablu fit-test tal-ftehim li l-aġġustament tal-prezzijiet ikun ikkalkolat skont l-indiċi għall-injam industrijali u li r-riskju ta' fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet jinqasam b'mod ugwali bejn l-Istat u HoKaWe (kif espress fil-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet).

(59)

F'dan ir-rigward jeħtieġ ukoll li jiġi enfasizzat li l-iżviluppi fil-prezzijiet skont il-ftehim ma kinux sempliċement ir-riżultat awtomatiku ta' kalkolu matematiku predeterminat stabbilit fil-formula. Kif intqal hawn fuq fil-premessa (19) pjuttost isegwi, mill-informazzjoni pprovduta mil-Ġermanja fil-proċedura formali tal-investigazzjoni li l-formula ġiet aġġustata bosta drabi (11) matul id-durata tal-ftehim.

(60)

Kif jidher biċ-ċar mit-tabella li tidher fil-premessa (52), dawn l-effetti negattivi prevedibbli tal-applikazzjoni tal-formula mmaterjalizzaw ukoll, billi l-prezz imħallas fil-verità minn HoKaWe kien sinifikattivament aktar baxx mill-prezz li jrid jitħallas skont il-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet. Kien ukoll sinifikattivament aktar baxx mill-prezzijiet medji mħallsa għall-injam mill-foresta Statali ta' Brandenburg, jiġifieri l-prezzijiet li bihom il-Land ta' Brandenburg bigħat l-injam lil kumpaniji oħra (12).

(61)

Isegwi li l-fatt li l-applikazzjoni tal-formula ma wasslitx għar-riżultat intenzjonat ta' żvilupp fil-prezz ibbażat fuq l-indiċi għall-injam industrijali, bir-riskju ta' fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet li qed jinqasmu bejn il-partijiet, kienet kemm magħrufa kif ukoll aċċettata mill-Istat.

Konklużjoni

(62)

Rigward il-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet, jista' jiġi konkluż li għalkemm dan kien iwassal għal prezzijiet taħt il-prezz medju għal-Land ta' Brandenburg, dawn il-prezzijiet kienu jkunu konformi mas-suq. Dawn kienu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet u negozjati raġonevoli bejn il-partijiet involuti u, għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li wkoll attur privat fis-suq kien jidħol fi ftehim bl-istess kundizzjonijiet jew b'kundizzjonijiet kumparabbli.

(63)

Madankollu, l-aġġustament tal-prezzijiet attwali implimentat mill-partijiet fuq il-bażi tal-formula ma kienx jirrifletti dawn il-kundizzjonijiet konformi mas-suq u wassal għal prezzijiet sinifikattivament aktar baxxi minn dawk li kieku kienu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet (u, aktar minn hekk, il-prezz medju għall-injam fil-Land ta' Brandenburg).

(64)

Filwaqt li l-iżvilupp tal-prezz fuq il-bażi tal-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet jirrifletti deċiżjoni tan-negozju raġonevoli u bilanċ ġust tar-riskji li jirrigwardaw il-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet bejn il-partijiet, il-prezzijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-formula kienu sinifikattivament aktar baxxi u, barra minn hekk, ma kinux jirriflettu dak il-bilanċ tar-riskji. Kuntrarju għas-sitwazzjoni li fuqhom kienet imsejsa d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża SA.19045 (Għajnuna allegata lil-Land tal-Bavarja (Amministrazzjoni tal-Forestrija tal-Bavarja) fil-forma ta' ftehimiet ta' forniment fit-tul għall-injam mal-kumpanija Klausner) (13), li fiha l-prezzijiet 'l isfel mill-medja tas-suq tqiesu li ma fihomx għajnuna mill-Istat billi s-suq sofra minn kapaċitajiet żejda u l-Land tal-Bavarja ppruvat tattira xerrej sinifikanti li jkun jiggarantixxi fit-tul ix-xiri ta' volumi kbar u stabbli, xejn fil-fatti tal-każ preżenti ma jkun jiġġustifika l-prezzijiet aktar 'l isfel minn dawk li kieku kienu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-klawżola ta' aġġustament tal-prezzijiet. Il-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet miftiehem bejn il-partijiet ikkunsidrat in-natura tal-kuntratt fit-tul u l-kwalità tal-injam li jrid jinbiegħ u diġà kienet se twassal għal prezzijiet 'l isfel mill-prezz medju fil-Land ta' Brandenburg. Ma hemm xejn li jindika li attur privat fis-suq kien jaqbel ma prezzijiet anki aktar baxxi minn dawk.

(65)

Dan huwa kkonfermat aktar permezz tas-sottomissjonijiet mill-Ġermanja, li espliċitament stqarret li l-klawsola tal-aġġustament tal-prezzijiet kienet tirrappreżenta l-intenzjonijiet veri tal-partijiet. Barra minn hekk, fl-2011 il-Land ta' Brandenburg innegozjat l-emenda għall-ftehim li injorat il-formula żbaljata, bħala reazzjoni għaż-żewġ opinjonijiet legali mill-2010 msemmijin hawn fuq fil-premessa (16) li kienu qajmu tħassib dwar l-għajnuna mill-Istat minħabba fl-applikazzjoni tal-formula. Għalhekk, il-Land ta' Brandenburg innegozjat l-emenda għall-ftehim mingħajr il-formula speċifikament sabiex timplimenta l-intenzjonijiet veri tal-partijiet u biex ittemm it-tħassib dwar l-għajnuna mill-Istat.

(66)

Isegwi li l-mod kif il-ftehim ġie implimentat, b'mod aktar speċifiku l-aġġustamenti tal-prezzijiet fuq il-bażi tal-formula, ma jgħaddix mit-test tal-bejjiegħ privat u mhuwiex konformi mas-suq.

(67)

Il-Ġermanja argumentat li l-gvern reġjonali tal-Land ta' Brandenburg kien biss konxju mill-fatt li l-prezzijiet attwalment imħallsa minn HoKaWe ma kinux isegwu l-iżvilupp tal-prezz kif maħsub mill-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet u dan wassal għal prezzijiet sinifikattivament aktar baxxi mill-prezzijiet li bihom l-injam ġie kkunsinnat lil kumpaniji oħra waqt riorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-foresta fl-2009 u li l-Land ta' Brandenburg sussegwentement aġixxiet b'mod konformi mas-suq billi ordnat iż-żewġ opinjonijiet esperti msemmija fil-premessa (16) u imbagħad billi nnegozjat mill-ġdid il-ftehim, li wassal għall-emenda ta' dan il-ftehim fl-2011.

(68)

Dawn l-argumenti, madankollu, ma jidhrux plawżibbli. L-ewwel nett, kif spjegat fil-premessi minn (54) sa (57), l-effetti tal-formula kienu previsti fil-waqt tal-iffirmar tal-ftehim. It-tieni nett, bejjiegħ tas-suq privat li jfittex li jiżgura l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni miftiehma li nstabet fil-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet u li għalhekk jimmonitorja mill-qrib l-aġġustamenti tal-prezzijiet kien jirreaġixxi minnufih billi kien jitlob negozjar mill-ġdid tal-prezz. Kif indikat fil-premessa (65), in-negozjar mill-ġdid b'suċċess tal-ftehim mil-Land ta' Brandenburg pjuttost jikkonferma li l-formula ma kinitx tirrifletti l-intenzjonijiet veri tal-partijiet (kif miftiehem fil-klawżola ta' aġġustament tal-prezzijiet). Dan juri wkoll li HoKaWe ma setgħetx tirrifjuta li tinjora l-formula.

(69)

B'konsegwenza ta' dan, HoKaWe bbenefikat minn vantaġġ ekonomiku fil-perjodu mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim (l-1 ta' Ġunju 2006) sal-emenda tal-ftehim (it-30 ta' Ġunju 2011).

(70)

Aktar minn hekk, il-kriterji l-oħra kollha tal-Artikolu 107(1) TFUE huma milħuqa. Il-vantaġġ kien selettiv għax il-ftehim speċifikament ta benefiċċju lil kumpanija speċifika. Il-vantaġġ ingħata mill-awtoritajiet ta' Stat Membru, jiġifieri tal-Land ta' Brandenburg. Il-volum medju ta' injam mibjugħ lil HoKaWe skont it-termini tal-ftehim kien sinifikanti; il-provvista ta' injam fuq termini favorevoli tejbet il-pożizzjoni tar-riċevitur meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu u għalhekk xekklet il-kompetizzjoni. Is-suq għal injam huwa miftuħ għall-kompetizzjoni minn Stati Membri oħra. Filwaqt li anki tikkunsidra l-fatt li l-ftehim ta' provvista jkopri biss injam li joriġina minn foresti li mhumiex aktar 'il bogħod minn 70 km minn Eberswalde, il-Kummissjoni tinnota li Eberswalde jinsab viċin ħafna tal-fruntiera Pollakka (30 km biss). Għalhekk, l-għajnuna taffettwa wkoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, jista' jiġi konkluż li l-implimentazzjoni tal-ftehim li twassal għall-prezzijiet imħallsa fuq il-bażi tal-formula kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(71)

L-emenda għall-ftehim, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2011, għandha titqies bħala waħda li ġiebet il-miżura ta' għajnuna mill-Istat fi tmiemha. Din l-emenda tipprovdi li mill-1 ta' Lulju 2011 'il quddiem, l-aġġustamenti tal-prezzijiet kellhom isiru skont il-klawżola ta' aġġustament tal-prezzijiet u, b'hekk, ikkonfermat mill-ġdid u implementat b'mod korrett l-intenzjonijiet inizjali tal-partijiet. Billi l-ftehim f'din il-forma huwa konformi mas-suq, il-Kummissjoni tqis li wara t-30 ta' Ġunju 2011, HoKaWe ma baqgħetx tirċievi aktar vantaġġ ekonomiku minn pagamenti skont il-ftehim.

5.2.   Kompatibbiltà mas-suq intern

(72)

Bażi ġuridika għall-kompatibbiltà tal-għajnuna la hija evidenti u lanqas ma ntalbet mill-Istat Membru. Dan iwassal għall-konklużjoni li l-vantaġġ li HoKaWe ħadet mill-implimentazzjoi tal-ftehim bejn Ġunju 2006 u Ġunju 2011 jikkonstitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli.

5.3.   Kalkolu tal-element ta' għajnuna

(73)

Kif diġà spjegat fil-premessi minn (49) sa (51), il-klawżola ta' aġġustament tal-prezzijiet tista' titqies bħala waħda konformi mas-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-element ta' għajnuna jikkonsisti mid-differenza bejn il-prezz imħallas attwalment (14) fuq il-bażi tal-formula u l-prezz li jrid jitħallas skont il-klawżola ta' aġġustament tal-prezzijiet.

 

(a)

Il-prezz attwalment imħallas

(f'EUR għal kull metru kubu) (*2)

(b)

Il-prezz ikkalkulat fuq il-bażi tal-klawsola tal-aġġustament tal-prezzijiet

(f'EUR għal kull metru kubu)

(c)

Id-differenza bejn (a) u (b) (*2)

(d)

L-ammont ta' injam attwalment ikkunsinnat

(f'metri kubi)

(e)

Element ta' għajnuna: (c) × (d)

(f'EUR) (*2)

2006

13,00

15,42

2,42

13 115,73

31 794

2007

13,21

15,95

2,74

142 792,67

391 452

2008

16,55

20,96

4,41

137 683,00

607 291

2009

16,42

20,76

4,34

141 273,68

613 128

2010

16,14

20,03

3,89

139 045,38

540 699

2011

15,79

19,33

3,54

62 680,29

222 051

Total

2 406 415

(74)

L-għajnuna mogħtija lil HoKaWe għalhekk tammonta għal EUR 2 406 415.

6.   IRKUPRU

(75)

Skont it-TFUE u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat irid jabolixxi jew jibdel l-għajnuna (15) meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern. Il-Qorti ddeċidiet b'mod konsistenti wkoll li l-obbligu li Stat Membru jannulla għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kif kienet qabel (16). F'dan il-kuntest, il-Qorti ddeċidiet li dan l-objettiv jintlaħaq meta r-riċevitur ikun irrimborża l-ammonti mogħtija bħala għajnuna illegali, u b'hekk jitlef il-vantaġġ li jkun ibbenefika minnu fir-rigward tal-kompetituri tiegħu fis-suq, u tkun ġiet irrestawrata s-sitwazzjoni ta' qabel il-ħlas tal-għajnuna (17).

(76)

F'konformità mal-każistika, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (18) stabbilixxa li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju[…].”

(77)

Għalhekk, minħabba li l-miżura inkwistjoni ma kinitx notifikata lill-Kummissjoni bħala li tikser l-Artikolu 108 TFUE u billi, għalhekk, trid titqies bħala għajnuna illegali u inkompatibbli, l-għajnuna trid tiġi rkuprata sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel ma ngħatat l-għajnuna. L-irkupru għandu għalhekk ikopri ż-żmien minn meta seħħ il-vantaġġ għall-benefiċjarju, jiġifieri meta l-għajnuna tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sal-irkupru effettiv tagħha u s-somom li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom imgħax sal-irkupru effettiv.

7.   KONKLUŻJONI

(78)

L-implimentazzjoni tal-ftehim qafas bejn il-Land ta' Brandenburg u HoKaWe mill-iffirmar tiegħu (l-1 ta' Ġunju 2006) sal-emenda tiegħu (it-30 ta' Ġunju 2011) kienet tinvolvi għajnuna mill-Istat mhux kompatibbli mas-suq intern. Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat trid tiġi rkuprata minn HoKaWe flimkien mal-imgħax ta' rkupru.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 2 406 415, mogħtija illegalment mill-Ġermanja lil HoKaWe Eberswalde GmbH li tikser l-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

(1)   Il-Ġermanja tirkupra mingħand il-benefiċjarju l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1.

(2)   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-interessi mid-data li fiha saru disponibbli lill-benefiċjarju sad-data tal-irkupru attwali tagħhom.

(3)   L-imgħax huwa kkalkolat fuq bażi komposta, f'konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (19) u mar-Regolament tal-Kummissjoni (20) (KE) Nru 271/2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

Artikolu 3

(1)   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 jkun immedjat u effettiv.

(2)   Il-Ġermanja tiżgura li din id-deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

(1)   Fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, il-Ġermanja tissottometti l-informazzjoni li ġejja lil-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (il-kapital u l-imgħax tal-irkupru) li jrid jitħallas lura mill-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni fid-dettall tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni;

(c)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju jkun ġie ordnat li jħallas lura l-għajnuna.

(2)   Il-Ġermanja żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Hija trid tibgħat minnufih, wara talba sempliċi tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dwar dawk ippjanati biex tinkiseb il-konformità ma' din id-Deċiżjoni. Il-Ġermanja tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta' għajnuna u ta' mgħaxijiet fuq l-irkupru li jkunu diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)   ĠU C 99, 5.4.2013, p. 79.

(2)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(3)  Il-ftehim kien jikkonċerna injam iebes jew artab trasportabbli b'tul ta' 3 m b'dijametru minn 3 cm sa 70 cm, Ix-xiri sar barra mill-foresta. Injam imħassar jew milwi kien ukoll aċċettat.

(4)  Ara l-Uffiċċju tal-Istatistika Federali (Statistisches Bundesamt): https://www.destatis.de/DE/ZahlenFakten/GesamtwirtschaftUmwelt/Preise/PreisindizesLandForstwirtschaft/Tabellen/ErzeugerpreiseForstwirtschaft.html

(5)  Ġiet ipprovduta kompetenza esterna minn RAUE LP, avukat legali estern tal-Land ta' Brandenburg; ġiet stabbilita kompetenza interna mill-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u Ewropej.

(6)  Skont l-opinjoni esperta ta' RAUE LLP, l-intenzjonijiet tal-partiti kif espressi fil-klawżola ta' aġġustament tal-prezzijiet setgħu kienu rappreżentati bil-formula li ġejja:

Formula

(7)  Pereżempju, għall-kalkolu tal-prezz applikabbli mill-1 ta' Lulju 2006 intuża l-valur tal-indiċi ta' Lulju 2006 minflok ma ntuża l-valur tal-indiċi ta' Jannar 2005, kif mitlub mill-ftehim.

(8)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-305/89, l-Italja v il-Kummissjoni (“Alfa Romeo”), [1991] il-Ġabra I-1603, il-paragrafi 18 u 19; Il-Kawża T-16/96 Cityflyer Express v il-Kummissjoni [1998] il-Ġabra II-757, il-paragrafu 51; il-Kawżi Konġunti T-129/95, T-2/96 u T-97/96, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke v il-Kummissjoni, [1999], il-Ġabra II-17, il-paragrafu 104; il-Kawżi Konġunti T-268/08 u T-281/08 il-Land ta' Burgenland u l-Awstija v il-Kummissjoni [2012] il-Ġabra II-0000, il-paragrafu 48.

(9)  Waqt il-proċediment tal-investigazzjoni formali, il-partijiet terzi lmentaw li minħabba li l-ftehim ma' HoKaWe, l-injam industrijali jiġi rtirat mis-suq fi kwantitajiet kbar. Dan jissuġġerixxi li l-injam għall-enerġija kkunsinnat lill-HoKaWe kien fih kwantitajiet sostanzjali ta' injam industrijali.

(*1)  il-kalkolu mressaq mill-Ġermanja

(10)  Ara l-Kawża C-482/99 Franza v il-Kummissjoni [2002], il-Ġabra I-4397, il-paragrafi 70-72; il-Kawża C-124/10 P Il-Kummisssjoni v EDF [2012], il-Ġabra I-0000, il-paragrafi 83-85 u 105.

(11)  Dan sar minbarra l-aġġustament tal-formula li jirrifletti l-kalkolu mill-ġdid tal-indiċi għall-injam industrijali fuq sena bażi ġdida mill-Uffiċċju Federali tal-Istatistika tal-Ġermanja.

(12)  Kif jidher mit-tabella li tidher fil-premessa (52), bl-eċċezzjoni tas-sena 2009 l-applikazzjoni tal-klawżola ta' aġġustamenttal-prezzijiet tkun ukoll wasslet għal prezzijiet aktar baxxi mill-prezz medju fil-Land ta' Brandenburg, madankollu sa ċertu limitu li huwa b'mod sinifikanti inqas. Kif diġà spjegat fir-rigward tal-konformità mas-suq tal-klawżola tal-aġġustament tal-prezzijiet, tranżazzjoni distakkata ma' xerrej sinifikanti li fit-tul jiżgura xiri ta' volumi kbar u stabbli jistgħu jwasslu għal prezzijiet taħt il-medja fis-suq. Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 834 finali fil-Kawża SA.19045 (Għajnuna allegata tal-Land ta' Bavarja (Amministrazzjoni tal-Forestrija tal-Bavarja) fil-forma ta' ftehimiet ta' provvisti fit-tul ta' injam mal-kumpanija Klausner), il-punti 47 u segwenti.

(13)  Ibid.

(14)  Il-prezz imħallas attwalment kif sottomess mill-Ġermanja fis-sottomissjoni tagħha mill-1 ta' Ottubru 2013.

(*2)  Iċ-ċifri fil-kolonni (a) u (c) ġew imqarrba; il-kolonna (e) ġiet ikkalkolata fuq il-bażi ta' ċifri preċiżi, bir-riżultat finali aġġustat għall-eqreb ammont ta' EUR.

(15)  Ara l-Kawża C-70/72 Il-Kummissjoni v Il-Ġermanja [1973] il-Ġabra 00813, il-paragrafu 13.

(16)  Ara l-Kawżi Konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja v Il-Kummissjoni [1994] il-Ġabra I-4103, il-paragrafu 75.

(17)  Ara l-Kawża C-75/97 Il-Belġju v Il-Kummissjoni [1999] il-Ġabra I-030671 il-paragrafi 64-65.

(18)  Ir-Regolament tal-Kunill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE, ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(19)   ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(20)   ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1.


Top