EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0125

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/125/PESK tal- 10 ta’ Marzu 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

ĠU L 70, 11.3.2014, p. 22–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/125(1)/oj

11.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 70/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/125/PESK

tal-10 ta’ Marzu 2014

li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) (1).

(2)

Fit-28 ta' Jannar 2014, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2134 (2014).

(3)

Ir-Riżoluzzjoni (UNSCR) 2134 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tirrikjedi li l-miżuri li għandhom jittieħdu għall-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u għall-iffriżar tal-assi ta' persuni u entitajiet li għandhom jintgħażlu mill-Kumitat stabbilit skont il-paragrafu 57 tal-UNSCR 2127 (2013), f'konformità mal-kriterji stabbiliti fil-UNSCR 2134 (2014).

(4)

Il-UNSCR 2134 (2014) tikkonferma mill-ġdid u testendi wkoll l-embargo fuq l-armi stabbilit mill-UNSCR 2127 (2013). Barra minn hekk, il-UNSCR 2134 (2014) tiddetermina li l-embargo fuq l-armi m'għandux japplika għall-provvisti maħsubin biss għall-appoġġ ta' jew l-użu mill-operazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-RĊA (EUFOR RCA).

(5)

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi emendat il-kamp ta' applikazzjoni tad-deroga dwar il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat maħsub biss għall-appoġġ ta' jew l-użu mill-missjoni għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MICOPAX), il-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ fir-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt Tmexxija Afrikana (MISCA), l-Uffiċċju Integrat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Bini tal-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (BINUCA) u l-unità ta' gwardja tiegħu, it-Task Force Reġjonali għall-Unjoni Afrikana (UA-RTF), il-forzi Franċiżi stazzjonati fir-RĊA, u l-EUFOR RCAgħall-inklużjoni tal-għoti ta' assistenza teknika u finanzjarja.

(6)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

(7)

Id-Deċiżjoni 2013/798/PESK għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artittikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/798/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(1), il-punt (a) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat, u l-għoti ta' assistenza teknika relatata jew assistenza ta' finanzjament jew finanzjarja, maħsuba biss għall-appoġġ ta' jew l-użu mill-missjoni għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MICOPAX), il-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ fir-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt Tmexxija Afrikana (MISCA), l-Uffiċċju Integrat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Bini tal-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (BINUCA) u l-unità ta' gwardja tiegħu, it-Task Force Reġjonali għall-Unjoni Afrikana (UA-RTF), il-forzi Franċiżi stazzjonati fir-RĊA u l-operazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-RĊA (EUFOR RCA).”.

(2)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 2a

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fi, jew it-tranżitu minn, it-territorji tagħhom tal-persuni magħżula mill-Kumitat stabbilit skont il-paragrafu 57 tar-Riżoluzzjoni 2127 (2013) tal-UNSC ('il-Kumitat') bħala persuni involuti fi jew jipprovdu appoġġ għall-atti li jdgħajfu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inklużi atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet tranżizzjonali, jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' tranżizzjoni politika, inkluża tranżizzjoni lejn elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinkoraġġixxu l-vjolenza, inklużi persuni:

(a)

li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi stabbilit fil-paragrafu 54 tal-UNSCR 2127 (2013) u l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, jew li jkunu direttament jew indirettament ipprovdew, biegħu, jew ittrasferixxew lil gruppi armati jew netwerks kriminali fir-RĊA, jew li jkunu rċevew armi jew kwalunkwe materjal relatat, jew kwalunkwe parir, taħriġ jew assistenza teknika, inkluż il-finanzjament jew l-assistenza finanzjarja, relatat ma' attivitajiet ta' vjolenza ta' gruppi armati jew netwerks kriminali fir-RĊA;

(b)

involuti fl-ippjanar, il-ġestjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fir-RĊA, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, l-immirar ta' persuni ċivili, l-attakki bbażati fuq l-etniċità jew ir-reliġjon, l-attakki fuq skejjel u sptarijiet, jew is-sekwestru u ċ-ċaqliq sfurzat;

(c)

li jirreklutaw jew jużaw lit-tfal fil-konflitt bl-armi fir-RĊA, bi ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli;

(d)

li jipprovdu appoġġ għal gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament illeċitu tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti u l-annimali selvaġġi u l-prodotti mill-annimali selvaġġi, fir-RĊA;

(e)

li jostakolaw l-għoti ta' għajnuna umanitarja lir-RĊA, jew l-aċċess għal, jew id-distribuzzjoni ta', għajnuna umanitarja fir-RĊA;

(f)

involuti fl-ippjanar, il-ġestjoni, l-isponsorizzar, jew it-twettiq ta' attakki kontra missjonijiet tal-NU jew preżenzi ta' sigurtà oħrajn, inklużi BINUCA, MISCA, l-operazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EUFOR RCA) u forzi oħrajn li jappoġġawhom;

(g)

li huma mexxejja ta', ipprovdew appoġġ għal, jew aġixxew għal jew f'isem, jew fuq it-tmexxija ta', entità magħżula mill-Kumitat;

kif elenkat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

2.   Il-paragrafu 1 ma jobbligax Stat Membru li jiċħad id-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn id-dħul jew it-tranżitu huwa meħtieġ biex isir proċess ġudizzjarju.

4.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-Kumitat jiddetermina skont il-każ li:

(a)

l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għal raġunijiet ta' ħtieġa umanitarja, inkluż obbligu reliġjuż;

(b)

eżenzjoni tkun tiffaċilita l-objettivi ta' paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali fir-RĊA u l-istabbiltà reġjonali.

5.   F'każijiet fejn, skont il-paragrafu 3 jew 4, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-tranżitu minnu, ta’ persuna elenkata fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih ingħatat u għall-persuna kkonċernata minnha.

Artikolu 2b

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma proprjetà ta' jew ikkontrollati direttament jew indirettament mill-persuni jew l-entitajiet magħżula mill-Kumitat bħala li huma involuti fi jew jipprovdu appoġġ għall-atti li jdgħajfu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inklużi atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet tranżizzjonali, jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' tranżizzjoni politika, inkluża tranżizzjoni lejn elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinkoraġġixxu l-vjolenza, inklużi persuni u entitajiet:

(a)

li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi stabbilit fil-paragrafu 54 tal-UNSCR 2127 (2013) u l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, jew li jkunu direttament jew indirettament ipprovdew, biegħu, jew ittrasferixxew lil gruppi armati jew netwerks kriminali fir-RĊA, jew li jkunu rċevew armi jew kwalunkwe materjal relatat, jew kwalunkwe parir, taħriġ jew assistenza teknika, inkluż il-finanzjament jew l-assistenza finanzjarja, relatat ma' attivitajiet ta' vjolenza ta' gruppi armati jew netwerks kriminali fir-RĊA;

(b)

involuti fl-ippjanar, il-ġestjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fir-RĊA, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, l-immirar ta' persuni ċivili, l-attakki bbażati fuq l-etniċità jew ir-reliġjon, l-attakki fuq l-iskejjel u l-isptarijiet, jew is-sekwestru u ċ-ċaqliq sfurzat;

(c)

li jirreklutaw jew jużaw lit-tfal fil-konflitt bl-armi fir-RĊA, bi ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli;

(d)

li jipprovdu appoġġ għal gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament illeċitu tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti u l-annimali selvaġġi u l-prodotti mill-annimali selvaġġi, fir-RĊA;

(e)

li jostakolaw l-għoti ta' għajnuna umanitarja lir-RĊA, jew l-aċċess għal, jew id-distribuzzjoni ta', għajnuna umanitarja fir-RĊA;

(f)

involuti fl-ippjanar, il-ġestjoni, l-isponsorizzar, jew it-twettiq ta' attakki kontra missjonijiet tal-NU jew preżenzi ta' sigurtà oħrajn, inklużi BINUCA, MISCA, l-operazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EUFOR RCA) u forzi oħrajn li jappoġġawhom;

(g)

li huma mexxejja ta', ipprovdew appoġġ għal, jew aġixxew għal jew f'isem, jew fuq it-tmexxija ta', entità magħżula mill-Kumitat;

jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew taħt it-tmexxija tagħhom, jew entitajiet li huma proprjetà ta' jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.

Il-persuni u l-entitajiet imsemmija f'dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

2.   L-ebda fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom ikunu disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta' kwalunkwe persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Stat Membru jista' jippermetti eżenzjonijiet mill-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta' fondi u riżorsi ekonomiċi li huma:

(a)

neċessarji għal spejjeż bażiċi, inkluż ħlasijiet għal prodotti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, primjums ta' assigurazzjoni, u ħlasijiet tal-użu ta' servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta' spejjeż imġarrba li huma assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali;

(c)

maħsubin esklużivament għall-pagament ta' miżati jew l-ispejjeż tas-servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni regolari ta' fondi ffriżati, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi;

wara li ssir notifika lill-Kumitat mill-Istat Membru kkonċernat dwar il-ħsieb tal-awtorizzazzjoni, fejn ikun il-każ, tal-aċċess għal tali fondi u riżorsi ekonomiċi, u fin-nuqqas ta' deċiżjoni negattiva mill-Kumitat fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn tali notifika.

4.   Stat Membru jista' jippermeti wkoll għal eżenzjonijiet mill-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta' fondi u riżorsi ekonomiċi li huma:

(a)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat u approvazzjoni minn dan tal-aħħar;

(b)

is-suġġett ta' privileġġ jew ta' sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, li f'dak il-każ il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jistgħu jintużaw sabiex jissodisfaw dak il-privileġġ jew dik is-sentenza bil-kondizzjoni li l-privileġġ jew is-sentenza saru qabel it-28 ta' Jannar 2014, u ma jkunux għall-benefiċċju ta' persuna jew entità msemmija f'dan l-Artikolu, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat.

5.   Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni persuna jew entità indikata milli tagħmel pagament dovut skont kuntratt magħmul qabel ma tali persuna jew entità ġiet elenkata, dment li l-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina li l-pagament mhuwiex irċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1 u wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat dwar l-intenzjoni li jsiru jew li jiġu rċevuti tali pagamenti jew li jiġi awtorizzat, fejn adatt, ir-rilaxx ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati għal dan il-għan, għaxart ijiem ta' xogħol qabel tali awtorizzazzjoni.

6.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għal miżuri restrittivi taħt din id-Deċiżjoni;

dment li tali imgħax, dħul u pagamenti oħrajn jibqgħu soġġetti għall-paragrafu 1.

Artikolu 2c

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista fl-Anness u għandu jemendaha f'konformità mad-deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat.

Artikolu 2d

1.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kumitat jagħżel persuna jew entità, il-Kunsill għandu jinkludi lil dik il-persuna jew entità fl-Anness. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar ta' dik il-persuna jew entità, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, jew direttament, jekk l-indirizz huwa magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' notifika, li tipprovdi lil dik il-persuna jew l-entità b'opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

2.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn jiġu ppreżentati provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew entità kif adatt.

Artikolu 2e

1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet kif ipprovduti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat.

2.   L-Anness għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat li hija meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inkluż il-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju. L-Anness għandu jinkludi wkoll id-data tan-nomina mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat.”.

(3)

Jiżdied Anness kif stipulat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

G. VROUTSIS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51).


ANNESS

"ANNESS

Lista ta' persuni msemmija fl-Artikolu 2a u ta' persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2b

A.

Persuni

B.

Entitajiet".


Top