Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1337

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1337/2013 tat- 13 ta’ Diċembru 2013 li jistipula r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjanza għal laħam frisk, imkessaħ jew iffirżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur

    ĠU L 335, 14.12.2013, p. 19–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1337/oj

    14.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 335/19


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1337/2013

    tat-13 ta’ Diċembru 2013

    li jistipula r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjanza għal laħam frisk, imkessaħ jew iffirżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (1),u b’mod partikolari l-Artikolu 26(8) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jistipula l-obbligu li l-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza jiġi indikat fuq it-tikketta tal-laħam li jaqa’ taħt il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda elenkat fl-Anness XI ta’ dak ir-Regolament, jiġifieri, laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ jew mogħoż u tat-tjur.

    (2)

    Għandu jinkiseb bilanċ bejn il-ħtieġa tal-konsumaturi li jkunu informati u l-ispiża addizzjonali għall-operaturi u l-awtoritajiet nazzjonali, li finalment għandhom impatt fuq il-prezz finali tal-prodott. Il-valutazzjoni tal-impatt u l-istudju kkummissjonat mill-Kummissjoni eżaminaw bosta għażliet għall-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta’ provenjenza fir-rigward tal-istadji l-iktar rilevanti tal-ħajja tal-annimali. Ir-riżultati juru li qabel kollox, il-konsumaturi jirrikjedu l-informazzjoni dwar il-post fejn trabba l-annimal. Fl-istess ħin, li tingħata informazzjoni mandatorja dwar il-post fejn twieled l-annimal tirrikjedi l-istabbiliment ta’ sistemi ġodda ta’ traċċabilità fil-livell tar-razzett bl-ispejjeż rispettivi li joħorġu minnhom, filwaqt li l-ittikkettar tal-post tal-qtil jista’ jsir bi spiża li tintlaħaq u jagħti informazzjoni ta’ valur lill-konsumatur. Fir-rigward tal-livell ġeografiku, teżisti evidenza li l-indikazzjoni tal-Istat Membru jew ta’ pajjiż terz tkun l-iktar informazzjoni rilevanti għall-konsumaturi.

    (3)

    Fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011, il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini” ta’ oġġett tal-ikel huwa determinat skont l-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Għal prodotti li jiġu mill-annimali, dak il-kunċett jirreferi għall-pajjiż fejn il-prodott huwa miksub totalment, li, meta applikat għal-laħam ifisser il-pajjiż li fih twieled, trabba u nqatel l-annimal. Meta jkunu involuti bosta pajjiżi fil-produzzjoni ta’ oġġett tal-ikel, dak il-kunċett jirreferi għall-pajjiż fejn il-prodotti jkunu għaddew mill-aħħar ipproċessar jew tħaddim sostanzjali u ekonomikament iġġustifikat tagħhom. Madankollu, jekk il-kunċett jiġi applikat għal sitwazzjonijiet fejn il-laħam jiġi minn annimali li twieldu, trabbew u nqatlu f’pajjiżi differenti, dan ma jinfurmax lilll-konsumaturi b’mod suffiċjenti dwar l-oriġini ta’ dak il-laħam. Għalhekk, f’dawk is-sitwazzjonijiet kollha, huwa neċessarju li tiġi pprovduta indikazzjoni fuq it-tikketta, tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz fejn trabba l-annimal għal perjodu li jirrapreżenta parti sostanzjali taċ-ċiklu normali tat-trobbija ta’kull speċi, kif ukoll tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz fejn inqatel. It-terminu “oriġini” għandu jkun riservat għal laħam ta’ annimali li twieldu, trabbew u nqatlu, u li għalhekk kien totalment akkwistat fi Stat Membru wieħed jew f’pajjiż terz.

    (4)

    Għall-każijiet fejn l-annimal trabba f’bosta Stati Membri jew pajjiżi terzi u fejn il-perjodu ta’ trobbija ma jistax jintlaħaq, għandha tiġi pprovduta indikazzjoni xierqa tal-post ta’ trobbija biex jintlaħqu aħjar il-ħtiġijiet tal-konsumatur u tiġi evitata kumplessità żejda fit-tikkettar.

    (5)

    Barra minn hekk, għandhom jiġu stipulati regoli għal pakketti li għandhom biċċiet ta’ laħam tal-istess speċi jew ta’ speċi differenti akkwistati minn annimali mrobbija u maqtula fi Stati Membri differenti jew f’pajjiżi terzi.

    (6)

    Din is-sistema ta’ tikkettar tirrikjedi r-regoli ta’ traċċabilità fl-istadji kollha tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-laħam, mill-qtil sal-ippakkjar biex tkun żgurata r-rabta bejn il-laħam ittikkettat u l-annimal jew il-grupp ta’ annimali li minnu ġie akkwistat dak il-laħam.

    (7)

    Għandhom jiġu pprovduti regoli speċifiċi dwar laħam impurtat minn pajjiżi terzi fejn l-informazzjoni meħtieġa għat-tikkettar mhijiex disponibbli.

    (8)

    F’dak li għandu x’jaqsam ma’ laħam ikkapuljat u qatgħat tal-laħam, l-operaturi għandhom jitħallew jagħmlu użu minn sistema simplifikata ta’ indikazzjonijiet fir-rigward tal-karatteristiċi tal-proċessi tal-produzzjoni.

    (9)

    Billi l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont dan ir-Regolament tinvolvi l-interess kummerċjali, l-operaturi tan-negozji tal-ikel għandhom jingħataw il-possibbiltà li flimkien mal-indikazzjonijiet mandatorji fuq it-tikketta jżidu elementi oħra li jirreferu għall-provenjenza tal-laħam.

    (10)

    Peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 japplikaw mit-13 ta’ Diċembru 2014 u billi l-Artikolu 47 tiegħu jipprovdi għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ implimentazzjoni skont dak ir-Regolament mill-1 ta’ April ta’ kull sena kalendarja, dan ir-Regolament għandu jibda japplika mill-1 ta’ April 2015.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistipula r-regoli dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza dwar it-tikketta ta’ laħam frisk, imkessaħ u ffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ jew tal-mogħoż u tat-tjur, li jaqa’ taħt il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda elenkat fl-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    1.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjoni ta’ “operatur ta’ negozju tal-ikel” fil-punt (3) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), id-definizzjoni tal-“istabbiliment” fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif ukoll id-definizzjonijiet ta’ “laħam ikkapuljat”, “biċċerija” u “impjant tat-tqattigħ” stipulati rispettivament fil-punti 1.13, 1.16 u 1.17 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    2.   Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “qatgħat” tfisser biċċiet żgħar ta’ laħam, li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda elenkat fl-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, “rikonnoxxuti bħala tajba għall-konsum mill-bniedem u prodotti esklussivament waqt operazzjonijiet ta’ tirqim waqt id-dissussar tal-karkassi jew it-tqattigħ tal-laħmijiet;

    (b)

    “lott” tfisser laħam, li jaqa’ taħt il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda elenkat fl-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, li jiġi minn speċi wieħed, bl-għadam jew mingħajru, ikkapuljat jew mhux, li ġie maqtugħ, ikkapuljat jew ippakkjat f’kundizzjonijiet prattikament identiċi.

    Artikolu 3

    Traċċabilità

    1.   L-operaturi ta’ negozji tal-ikel għandu jkollhom u għandhom jużaw sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni għal kull stadju tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tal-laħam imsemmi fl-Artikolu 1

    2.   Għandha tiġi applikata dik is-sistema b’tali mod li jiġu żgurati:

    (a)

    ir-rabta bejn il-laħam u l-annimal jew il-grupp ta’ annimali li minnu ġie l-laħam, u din ir-rabta tkun ir-responsabbiltà tal-biċċerija fl-istadju tal-qtil; u

    (b)

    it-trażmissjoni tal-informazzjoni relatata mal-indikazzjonijiet lill-operaturi, meqjusa bħala xierqa fl-Artikoli 5, 6 jew 7, flimkien mal-laħam, fl-istadji sussegwenti tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni.

    Kif inhu stipulat fl-ewwel subparagrafu, kull operatur ta’ negozju tal-ikel għandu jitqies responsabbli għall-applikazzjoni tas-sistema tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni matul l-istadju tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni li fih jopera.

    L-operatur tan-negozju tal-ikel li jippakkja jew jagħmel it-tikketti fuq il-laħam skont l-Artikoli 5, 6 u 7 għandu jiżgura li jkun hemm korrelazzjoni bejn il-kodiċi tal-lott li jidentifika l-laħam fornut lill-konsumatur jew lill-fornitur tal-ikel bil-massa u l-lott jew lottijiet rilevanti ta’ laħam li minnu jew minnhom ikun magħmul il-pakkett jew il-lott bit-tikketta. Il-pakketti kollha bl-istess kodiċi tal-lott għandhom jikkorrispondu mal-istess indikazzjonijiet skont l-Artikoli 5, 6 u 7.

    3.   Is-sistema msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi rreġistrata b’mod xieraq, b’mod partikolari, fir-rigward tal-wasla u t-tluq tal-annimali, l-karkassi u l-qatgħat mill-istabbiliment tal-operatur tan-negozju tal-ikel, u tiżgura l-korrelazzjoni bejn il-wasliet u t-tluq.

    Artikolu 4

    Grupp ta’ annimali

    1.   Id-daqs tal-grupp ta’ annimali msemmi fl-Artikolu 3 għandu jiġi ddefinit:

    (a)

    min-numru ta’ karkassi mqattgħin flimkien u li jikkostitwixxu lott wieħed għall-impjant tat-tqattigħ fil-każ tat-tqattigħ ta’ karkassi;

    (b)

    min-numru ta’ karkassi li l-laħam tagħhom jikkostitwixxi lott wieħed għall-impjant ikkonċernat tat-tqattigħ jew l-ikkapuljar fil-każ ta’ aktar tqattigħ jew ikkapuljar.

    2.   Id-daqs ta’ lott ma għandux jaqbeż il-produzzjoni ta’ ġurnata waħda fi stabbiliment wieħed.

    3.   Ħlief il-każ fejn japplika l-Artikolu 7, meta jiġu kkostitwiti l-lottijiet, l-istabbilimenti li fihom jitqatta’ jew isir ikkapuljat il-laħam għandhom jiżguraw li l-karkassi kollha li jkunu f’lott jikkorrispondu mal-annimali li l-laħam tagħhom japplika indikazzjonijiet identiċi ta’ tikkettar, skont l-Artikolu 5(1) jew l-Artikolu 5(2).

    Artikolu 5

    It-tikkettar tal-laħam

    1.   It-tikketta tal-laħam imsemmija fl-Artikolu 1 maħsuba għall-provvista lill-konsumatur finali jew lill-fornituri tal-ikel bil-massa għandu jkollha l-indikazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-Istat Membru jew pajjiż terz li fih saret it-trobbija, indikat bħala “Imrobbi fi: (isem l-Istat Membru jew pajjiz terz)”, skont il-kriterji li ġejjin:

    (i)

    għall-majjal:

    fil-każ li l-annimal jinqatel wara li jagħlaq 6 xhur, l-Istat Membru jew il-pajjiż terz fejn sar l-aħħar perjodu ta’ trobbija ta’ mill-inqas erba’ xhur,

    fil-każ li l-annimal jinqatel qabel ma jagħlaq 6 xhur u b’piż ħaj ta’ mill-inqas 80 kilogramm, l-Istat Membru jew il-pajjiż terz fejn sar l-aħħar perjodu ta’ trobbija wara li l-annimal ikun laħaq it-30 kilogramm,

    fil-każ li l-annimal jinqatel qabel ma jagħlaq 6 xhur u b’piż ħaj ta’ inqas minn 80 kilogramm, l-Istat Membru jew il-pajjiż terz fejn sar il-perjodu kollu tat-trobbija.

    (ii)

    għan-nagħaġ u l-mogħoż: l-Istat Membru jew il-pajjiż terz fejn sar l-aħħar perjodu tat-trobbija ta’ mill-inqas sitt xhur jew, fil-każ li l-annimal jinqatel qabel ma jagħlaq is-sitt xhur, l-Istat Membru jew il-pajjiż terz fejn sar il-perjodu kollu tat-trobbija,

    (iii)

    għat-tjur: l-Istat Membru jew il-pajjiż terz fejn sar l-aħħar perjodu ta’ trobbija ta’ mill-inqas xahar wieħed jew, fil-każ li l-annimal jinqatel qabel ma jagħlaq xahar, l-Istat Membru jew il-pajjiż terz fejn sar il-perjodu kollu tat-trobbija wara li l-annimal jissemmen;

    (b)

    l-Istat Membru jew pajjiż terz li fih saret it-trobbija, indikat bħala “Maqtul fi: (isem l-Istat Membru jew pajjiz terz)”; u

    (c)

    l-kodiċi tal-lott li jidentifika l-laħam fornut lill-konsumatur jew lill-fornitur tal-ikel bil-massa.

    F’każ li l-perjodu tat-trobbija msemmi fil-punt (a) ma jkun intlaħaq f’ebda wieħed mill-Istati Membri jew pajjiżi terzi fejn trabba l-annimal, l-indikazzjoni msemmija fil-punt (a) għandha tiġi sostitwita b’ “Imrobbi f’: bosta Stati Membri tal-UE” jew, fejn il-laħam jew l-annimali ġew impurtati fl-Unjoni, b’ “Imrobbi f’: bosta pajjiżi li mhumiex fl-UE” jew “Imrobbi f’: bosta pajjiżi tal-UE u pajjiżi li mhumiex fl-UE”.

    Madankollu, fejn il-perjodu ta’ trobbija msemmi fil-punt (a) ma jinkisibx mill-ebda wieħed fost l-Istati Membri jew mill-ebda pajjiż terz fejn trabba l-annimal, l-indikazzjoni msemmija fil-punt (a) tista’ tinbidel b’ “Imrobbi fi:” (lista tal-Istati Membri jew pajjiżi terzi fejn trabba l-annimal)” jekk l-operatur tan-negozu tal-ikel jagħti prova li tissodisfa l-awtorità kompetenti li l-annimal trabba f’dawk l-Istati Membri jew pajjiżi terzi.

    2.   L-indikazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 jistgħu jinbidlu bl-indikazzjoni “Oriġini: (isem l-Istat Membru jew pajjiz terz)” jekk l-operatur tan-negozju tal-ikel jagħti prova li tissodisfa l-awtorità kompetenti li l-laħam imsemmi fl-Artikolu 1 ġie minn annimali li twieldu, trabbew u nqatlu fi Stat Membru wieħed jew f’pajjiż terz.

    3.   Meta bosta biċċiet ta’ laħam, tal-istess speċi jew ta’ speċi differenti jikkorrispondu ma’ indikazzjonijiet differenti ta’ tikkettar skont il-paragrafi 1 u 2 u huma ppreżentati lill-konsumatur jew lill-fornitur tal-ikel bil-massa fl-istess pakkett, it-tikketta għandha tindika:

    (a)

    il-lista tal-Istati Membri jew pajjiżi terzi rilevanti skont il-paragrafi 1 jew 2 għal kull speċi;

    (b)

    il-kodiċi tal-lott li jidentifika l-laħam fornut lill-konsumatur jew lill-fornitur tal-ikel bil-massa.

    Artikolu 6

    Deroga għal laħam minn pajjiżi terzi

    B’deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 5(1) it-tikketta ta’ laħam impurtat għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 1, u li għaliha ma ġietx ipprovduta l-informazzjoni fil-punt (a) tal-Artikolu 5(1) għandu jkollha l-indikazzjoni “Imrobbi f’ pajjiżi li mhumiex fl-UE” u “Maqtul fi: (isem il-pajjiż terz fejn inqatel l-annimal)”.

    Artikolu 7

    Derogi għal laħam ikkapuljat u qatgħat

    B’deroga mill-punti (a) u (b) tal-Artikolu 5(1), mill-Artikolu 5(2) u mill-Artikolu 6, fir-rigward ta’ laħam ikkapuljat u qatgħat, jistgħu jiġu applikati l-indikazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “Oriġini: UE”, fejn il-laħam ikkapuljat jew il-qatgħat jiġu prodotti esklussivament minn laħam ta’ annimali li twieldu, trabbew u nqatlu fi Stati Membri differenti;

    (b)

    “Imrobbija u maqtula fl-: UE”, fejn il-laħam ikkapuljat jew il-qatgħat jiġu prodotti esklussivament minn laħam ta’ annimali li twieldu, trabbew u nqatlu fi Stati Membri differenti;

    (c)

    “Imrobbija u maqtula f’: pajjiżi li mhumiex fl-UE”, fejn il-laħam ikkapuljat jew il-qatgħat jiġu prodotti esklussivament minn laħam impurtat fl-Unjoni;

    (d)

    “Imrobbija f’: pajjiżi li mhumiex fl-UE” u “Maqtula fl-: UE”, fejn il-laħam ikkapuljat jew il-qatgħat jiġu prodotti esklussivament minn laħam ta’ annimali impurtati fl-Unjoni bħala annimali għall-qatla u maqtula fi Stat Membru wieħed jew fi Stati Membri differenti;

    (e)

    “Imrobbija u maqtula fl-: UE u f’pajjiżi li mhumiex fl-UE” fejn il-laħam ikkapuljat jew il-qatgħat jiġu prodotti minn:

    (i)

    laħam ta’ annimali mrobbija u maqtula fi Stat Membru differenti jew aktar u minn laħam impurtat fl-Unjoni; jew

    (ii)

    laħam ta’ annimali impurtati fl-Unjoni u maqtula fi Stat Membru differenti jew aktar.

    Artikolu 8

    Informazzjoni addizzjonali volontarja fuq it-tikketta

    L-operaturi tan-negozji tal-ikel jistgħu jżidu l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6 jew 7 b’informazzjoni addizzjonali dwar il-provenjenza tal-laħam.

    L-informazzjoni addizzjonali msemmija fl-ewwel paragrafu ma għandhiex tkun kontradittorja mal-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6 jew 7 u għandha tħares ir-regoli tal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta’ April 2015. Ma għandux japplika għal-laħam li tqiegħed b’mod legali fis-suq tal-Unjoni qabel l-1 ta’ April 2015 sakemm jinħlew il-ħażniet.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).


    Top