Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0103

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 103/2012 tas- 7 ta’ Frar 2012 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 36, 9.2.2012, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/103/oj

    9.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 36/17


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 103/2012

    tas-7 ta’ Frar 2012

    dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi, bil-għan li titwettaq l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jkun stipulat li tagħrif tariffarju li jorbot u li jkun inħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li hu marbut mal-klassifikazzjoni tal-prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhuwiex skont dan ir-Regolament jista', għal perjodu ta' tliet xhur, ikompli jkun invokat mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

    (5)

    Il-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

    Artikolu 2

    Informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tista' tibqa’ tiġi invokata għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fit-totalità tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Frar 2012.

    Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi TARIC)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Skrin modulari (hekk imsejjaħ "ħajt LED") li jikkonsisti minn moduli magħmula minn madum, b’kull maduma jkollha daqs bejn wieħed u ieħor ta’ 38 × 38 × 9 ċm.

    Kull maduma fiha dijodji li jarmu d-dawl (LEDs) ħomor, ħodor u koħol u riżoluzzjoni ta’ 16 b’16-il pixel, bid-daqs ta’ kull tikka jkun 24 mm, luminożità ta’ 2 000 cd/m2 u frekwenza ta’ ripetizzjoni ta’ aktar minn 300 Hz. Ikunu jinkludu wkoll iċ-ċirkwiti elettroniċi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jaħdmu.

    L-iskrin jiġi ppreżentat flimkien ma’ sistema ta’ pproċessar li tinkludi:

    proċessur tal-vidjo li jaċċetta sinjali ta’ diversi tipi (bħal CVBS, Y/C, YUV/RGB, (HD-)SDI jew DVI) u li jippermetti li l-immaġini/il-vidjo j/tiġi aġġustat/a għad-daqs tal-pannell, kif ukoll

    proċessur tas-sinjal li jippermetti l-immappajr fuq l-iskrin tal-pixels mis-sinjal riċevut.

    Is-sinjal ipproċessat jintbagħat mill-proċessur tas-sinjal lil distributur tad-dejta bl-użu ta’ kejbils tal-fibra ottika. Id-distributur tad-dejta min-naħa tiegħu jibgħat id-dejta lid-diversi madumiet tal-iskrin.

    L-iskrin mhux iddisinjat biex dak li jkun iħares lejh mill-qrib. Jintuża f’avvenimenti sportivi jew ta’ divertiment, fis-sinjal ta' reklamar, eċċ.

    8528 59 80

    Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali nri 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, min-Nota 4 sat-Taqsima XVI u mid-diċitura tal-kodiċijiet tan-NM bin-numri 8528 , 8528 59  u 8528 59 80 .

    L-iskrin modulari u s-sistema tal-ipproċessar tal-vidjo jitqiesu bħala unità funzjonali fi ħdan it-tifsira tan-Nota 4 tas-Sezzjoni XVI peress li jikkostitwixxu komponenti individwali, konnessi bejniethom minn kejbils elettriċi jew b’tagħmir ieħor, bl-intenzjoni li dawn jaħdmu flimkien għal funzjoni definita b’mod ċar.

    L-apparat kapaċi juri immaġini bil-vidjo minn diversi sorsi, ħaġa li hija funzjoni individwali speċifikata fl-intestatura 8528 .

    Peress li l-apparat huwa kapaċi li juri diversi tipi ta’ vidjo, ma jistax jitqies bħala apparat elettriku għal skopijiet ta’ senjalar bl-użu ta’ indikazzjoni viżwali. Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8531 bħala pannell ta’ indikazzjoni hija għaldaqstant eskluża (ara ukoll in-Noti ta' Spjegazzjoni (HS) għall-intestatura 8531 , (D)).

    Għaldaqstant, l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 8528 59 80 bħala monituri oħra tal-kulur.


    Top