Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0048

    2012/48/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 26 ta’ Jannar 2012 li ġġedded il-validità tad-Deċiżjoni 2009/251/KE li titlob lill-Istati Membri jiżguraw li prodotti li fihom il-bijoċidju dimetilfumarat ma jitqegħdux fis-suq jew ikunu disponibbli fih (notifikata bid-dokument numru C(2012) 321) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 26, 28.1.2012, p. 35–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/03/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/48/oj

    28.1.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 26/35


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-26 ta’ Jannar 2012

    li ġġedded il-validità tad-Deċiżjoni 2009/251/KE li titlob lill-Istati Membri jiżguraw li prodotti li fihom il-bijoċidju dimetilfumarat ma jitqegħdux fis-suq jew ikunu disponibbli fih

    (notifikata bid-dokument numru C(2012) 321)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2012/48/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/251/KE (2) titlob lill-Istati Membri jiżguraw li prodotti li fihom il-bijoċidju dimetilfumarat (DMF) ma jitqegħdux fis-suq u lanqas ma jkunu disponibbli fih.

    (2)

    Id-Deċiżjoni 2009/251/KE ġiet adottata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/95/KE, li tillimita l-validità tad-Deċiżjoni għal perjodu ta’ mhux iżjed minn sena, iżda tippermetti li tiġi kkonfermata għal perjodi addizzjonali li l-ebda wieħed minnhom ma għandu jaqbeż sena.

    (3)

    Il-validità tad-Deċiżjoni 2009/251/KE ġiet estiża bid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2010/153/UE (3) u 2011/135/UE (4) għal perjodi addizzjonali ta’ sena kull wieħed. Attwalment qed jiġi kkunsidrat li fl-artikoli tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tiżdied restrizzjoni permanenti fuq id-DMF. Peress li din il-miżura se tindirizza l-istess tħassib bħad-Deċiżjoni 2009/251/KE, u sabiex ikun hemm ċertezza legali, id-Deċiżjoni 2009/251/KE għandha tapplika sakemm ir-restrizzjoni permanenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tidħol fis-seħħ.

    (4)

    Fid-dawl tal-esperjenza miksuba s’issa u n-nuqqas ta’ miżura permanenti li tindirizza l-prodotti tal-konsumatur li fihom id-DMF, jeħtieġ li tiġġedded il-validità tad-Deċiżjoni 2009/251/KE għal 12-il xahar ieħor.

    (5)

    Id-Deċiżjoni 2009/251/KE għandha tiġi emendata skont dan.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2009/251/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 4

    Perjodu tal-applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sakemm jidħol fis-seħħ ir-Regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness XVII mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar id-DMF jew inkella fil-15 ta’ Marzu 2013, liema data taħbat l-aktar kmieni.”

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Deċiżjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Marzu 2012 u għandhom jippubblikaw dawn il-miżuri. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2012.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

    (2)  ĠU L 74, 20.3.2009, p. 32.

    (3)  ĠU L 63, 12.3.2010, p. 21.

    (4)  ĠU L 57, 2.3.2011, p. 43.

    (5)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.


    Top