EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0047

2012/47/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 24 ta’ Jannar 2012 li tawtorizza lill-Isvezja biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti żoni fit-tramuntana tal-Isvezja b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

ĠU L 26, 28.1.2012, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/47/oj

28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 26/33


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Jannar 2012

li tawtorizza lill-Isvezja biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti żoni fit-tramuntana tal-Isvezja b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

(2012/47/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/231/KE (2) tawtorizza lill-Isvezja biex tapplika, sal-31 ta’ Diċembru 2011, rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa għall-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti żoni fit-tramuntana tal-Isvezja skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(2)

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ġunju 2011, l-Isvezja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa għall-elettriku kkonsmat mill-istess benefiċjarji għal perjodu ulterjuri ta’ sitt snin, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2017. It-tnaqqis għandu jkun limitat għal SEK 96 għal kull MWh.

(3)

Fiż-żoni kkonċernati, l-ispejjeż tat-tisħin huma, bħala medja, 25 % ogħla milli huma fil-bqija tal-pajjiż, minħabba l-perjodu itwal ta’ tisħin. Għalhekk, it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-elettriku għall-familji u l-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’dawn iż-żoni jnaqqas id-diskrepanza bejn l-ispejjeż globali tat-tisħin għall-konsumaturi fit-tramuntana tal-Isvezja u dawk imġarrba mill-konsumaturi fil-bqija tal-pajjiż. Għalhekk, il-miżura tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet reġjonali u tal-politika ta’ koeżjoni. Barra minn hekk, il-miżura tippermetti lill-Isvezja tapplika rata tat-taxxa globali fuq l-elettriku li hija ogħla milli inkella jkun possibbli u għalhekk tikkontribwixxi indirettament għall-ilħuq tal-għanijiet tal-politika ambjentali.

(4)

It-tnaqqis tat-taxxa ma għandux jaqbeż dak li huwa meħtieġ sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin għal familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi fit-tramuntana tal-Isvezja.

(5)

Ir-rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni ser ikunu ogħla mir-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(6)

Fid-dawl tan-natura remota taż-żoni li għalihom tapplika, il-fatt li t-tnaqqis ma għandux jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin fit-tramuntana tal-Isvezja u l-limitazzjoni tal-miżura għal familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi, il-miżura mhijiex mistennija li twassal għal distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni jew għal bidliet fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(7)

Konsegwentement, il-miżura hija aċċettabbli mill-perspettiva tal-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-ħtieġa biex tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta u hija kompatibbli mal-politiki tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

(8)

Sabiex in-negozji u l-konsumaturi kkonċernati jiġu pprovduti b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza, huwa xieraq li l-Isvezja tiġi awtorizzata biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għall-konsum fit-Tramuntana tal-Isvezja sal-31 ta’ Diċembru 2017.

(9)

Għandu jiġi żgurat li l-awtorizzazzjoni skont id-Deċiżjoni 2005/231/KE, li ġiet mogħtija għal raġunijiet simili għal dawk imsemmija f’din id-Deċiżjoni, tkompli tapplika, mingħajr ma tinħoloq diskrepanza bejn l-iskadenza ta’ dik id-Deċiżjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Isvezja hija b’dan awtorizzata biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu fil-muniċipalitajiet elenkati fl-Anness.

It-tnaqqis tar-rata nazzjonali standard ta’ tassazzjoni għall-elettriku ma għandux jaqbeż dak li huwa meħtieġ sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali għat-tisħin fiż-żona tat-tramuntana, meta mqabbla mal-bqija tal-Isvezja, u ma għandux jaqbeż SEK 96 għal kull MWh.

2.   Ir-rati mnaqqsa għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/96/KE, u b’mod partikolari mar-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 10 tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Isvezja.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

M. VESTAGER


(1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(2)  ĠU L 72, 18.3.2005, p. 27.


ANNESS

Reġjuni

Muniċipalitajiet

Norrbottens län

Il-muniċipalitajiet kollha

Västerbottens län

Il-muniċipalitajiet kollha

Jämtlands län

Il-muniċipalitajiet kollha

Västernorrlands län

Sollefteå, Ånge, Örnsköldsvik,

Gävleborgs län

Ljusdal,

Dalarnas län

Malung, Mora, Orsa, Älvdalen

Värmlands län

Torsby


Top