Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1222

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1222/2011 tat- 28 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1010/2009 fir-rigward ta’ arranġamenti amministrattivi ma’ pajjiżi terzi dwar iċ-ċertifikat tal-qbid għall-prodotti tas-sajd tal-baħar

ĠU L 314, 29.11.2011, pp. 2–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

⏵Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/1222/oj

29.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/2


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1222/2011

tat-28 ta’ Novembru 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1010/2009 fir-rigward ta’ arranġamenti amministrattivi ma’ pajjiżi terzi dwar iċ-ċertifikat tal-qbid għall-prodotti tas-sajd tal-baħar

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (1) tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, u b’mod partikolari l-Artikoli 12(4), 14(3), 20(4) u 52 tiegħu,

Billi:

(1)

L-arranġamenti amministrattivi ma’ pajjiżi terzi dwar iċ-ċertifikati tal-qbid għall-prodotti tas-sajd tal-baħar huma elenkati fl-Anness IX għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1010/2009 tat-22 ta’ Ottubru 2009 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (2).

(2)

Żewġ arranġamenti amministrattivi ġodda dwar iċ-ċertifikati tal-qbid, ibbażati fuq sistemi elettroniċi tat-traċċabilità, ġew maqbula man-Norveġja u l-Afrika t’Isfel fl-4 ta’ Mejju 2011 u fil-21 ta’ Settembru 2010 rispettivament.

(3)

Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Anness IX għar-Regolament (KE) Nru 1010/2009 jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IX għar-Regolament (KE) Nru 1010/2009 qed jiġi emendat kif stabbilit fl-Annessi I u II għal dan ir-Regolament

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(2)   ĠU L 280, 27.10.2009, p. 5.


ANNESS I

Fl-Anness IX għar-Regolament (KE) Nru 1010/2009, it-Taqsima 1 tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“ Taqsima 1

IN-NORVEĠJA

SKEMA TA’ ĊERTIFIKAZZJONI TAL-QBID

Skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, iċ-ċertifikat tal-qbid ipprovdut fl-Artikolu 12 u l-Anness II għal dak ir-Regolament għandu jiġi sostitwit – għall-prodotti tas-sajd miksuba minn qabdiet li jsiru minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera Norveġiża – miċ-ċertifikat tal-qbid Norveġiż abbażi tas-Sistema Norveġiża tat-teħid tal-piż u tar-reġistrazzjoni tal-qbid, li hija sistema elettronika tat-traċċabilità taħt il-kontroll tal-awtoritajiet Norveġiżi, li tiżgura l-istess livell ta’ kontroll mill-awtoritajiet kif meħtieġ mill-iskema taċ-ċertifikazzjoni tal-qbid tal-Unjoni.

Il-kampjuni taċ-ċertifikati tal-qbid Norveġiżi li għandhom jissostitwixxu ċ-Ċertifikat tal-Qbid u ċ-Ċertifikat tar-Riesportazzjoni tal-Unjoni Ewropea u li jidhru fl-Appendiċi I.

Id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jistgħu jiġu kkomunikati b’mezzi elettroniċi.

In-Norveġja għandha tesiġi ċertifikat tal-qbid għall-ħatt l-art u l-importazzjonijiet lejn in-Norveġja ta’ qabdiet li jsiru minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

ASSISTENZA REĊIPROKA

Għandha tiġi żviluppata assistenza reċiproka skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-informazzjoni u l-assistenza bejn l-awtoritajiet rispettivi fin-Norveġja u fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, abbażi tar-regoli dettaljati dwar l-assistenza reċiproka stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1010/2009

Appendiċi I

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

Image 3

Test ta 'immaġni

Image 4

Test ta 'immaġni
”

ANNESS II

Fl-Anness IX għar-Regolament (KE) Nru 1010/2009, tiddaħħal it-Taqsima 7 li ġejja:

“ Taqsima 7

L-AFRIKA T’ISFEL

SKEMA TA’ ĊERTIFIKAZZJONI TAL-QBID

Skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008, iċ-ċertifikat tal-qbid ipprovdut fl-Artikolu 12 u l-Anness II għal dak ir-Regolament għandu jiġi sostitwit – għall-prodotti tas-sajd miksuba minn qabdiet li jsiru minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Afrika t’Isfel – minn ċertifikat tal-qbid tal-Afrika t’Isfel, li huwa sistema elettronika tat-traċċabilità taħt il-kontroll tal-awtoritajiet tal-Afrika t’Isfel, li tiżgura l-istess livell ta’ kontroll mill-awtoritajiet kif meħtieġ miċ-ċertifikazzjoni tal-qbid tal-Unjoni Ewropea.

Il-kampjuni taċ-ċertifikati tal-qbid tal-Afrika t’Isfel li għandhom jissostitwixxu ċ-Ċertifikat tal-Qbid u ċ-Ċertifikat tar-Riesportazzjoni tal-Unjoni Ewropea u li jidhru fl-Appendiċi I.

Id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jistgħu jiġu kkomunikati b’mezzi elettroniċi.

Appendiċi I

Image 5

Test ta 'immaġni

Image 6

Test ta 'immaġni

Image 7

Test ta 'immaġni
”

Top