EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0560

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 560/2011 tal- 10 ta’ Ġunju 2011 li jagħlaq il-bejgħ previst mir-Regolament (UE) Nru 1017/2010 li jistabbilixxi sejħiet permanenti għal offerti għall-bejgħ fis-suq intern taċ-ċereali miżmuma mill-aġenziji tal-intervent tal-Istati Membri

ĠU L 152, 11.6.2011, p. 22–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/03/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/560/oj

11.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/22


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 560/2011

tal-10 ta’ Ġunju 2011

li jagħlaq il-bejgħ previst mir-Regolament (UE) Nru 1017/2010 li jistabbilixxi sejħiet permanenti għal offerti għall-bejgħ fis-suq intern taċ-ċereali miżmuma mill-aġenziji tal-intervent tal-Istati Membri

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikolu 43, il-punt f) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1017/2010 (2) fetaħ sejħiet għall-offerti permanenti għall-bejgħ mill-ġdid fis-suq intern taċ-ċereali miżmuma mill-aġenziji tal-intervent tal-Istati Membri. Wara l-bejgħ mill-ġdid fil-qafas tal-sejħiet għall-offerti li saru wara l-24 ta’ Novembru 2010, kwantità ta’ ċereali baqgħet mhux mibjugħa.

(2)

Fir-rigward tal-pjan ta' distribuzzjoni tal-ikel mill-ħażniet lill-persuni l-aktar fil-bżonn għall-2012, il-kwantitajiet globali taċ-ċereali meħtieġa mill-Istati Membri, skont il-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2010 tal-14 ta’ Settembru 2010 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-forniment ta’ ikel mill-ħażniet ta’ intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni (3), jissuperaw dawk attwalment disponibbli. Għalhekk, jeħtieġ li tinżamm il-kwantità kollha taċ-ċereali li tifdal fil-ħażniet ta' intervent.

(3)

Jeħtieġ, għaldaqstant, li jieqaf il-bejgħ permezz ta' sejħa għall-offerti ta' ċereali li nfetaħ bir-Regolament (UE) Nru 1017/2010 u li jiġi rrevokat dan ir-Regolament. L-offerti li waslu għand l-aġenziji tal-intervent wara l-11.00 (ħin ta' Brussell) tal-25 ta' Mejju 2011 ma għadhomx applikabbli.

(4)

Sabiex jingħata sinjal malajr lis-suq u biex tiġi żgurata ġestjoni effiċjenti tal-miżura, jeħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma tax l-opinjoni tiegħu fiż-żmien stipulat mill-President tiegħu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-bejgħ taċ-ċereali permezz ta' sejħa għall-offerti, miftuħ bl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1017/2010 huwa magħluq.

Artikolu 2

Ir-Regolament (UE) Nru 1017/2010 għandu jiġi rrevokat.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Dacian CIOLOŞ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 293, 11.11.2010, p. 41.

(3)  ĠU L 242, 15.9.2010, p. 9.


Top