Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0781

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/781/PESK tal- 1 ta' Diċembru 2011 dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina (BiH)

    ĠU L 319, 2.12.2011, p. 51–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/781/oj

    2.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 319/51


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/781/PESK

    tal-1 ta' Diċembru 2011

    dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina (BiH)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 28, l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-8 ta' Diċembru 2009 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2009/906/PESK (1) dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina (BiH). Dik id-Deċiżjoni tiskadi fit-31 ta' Diċembru 2011.

    (2)

    L-EUPM għandha titkompla sat-30 ta' Ġunju 2012.

    (3)

    L-istruttura ta' kmand u kontroll tal-EUPM għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet kuntrattwali tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-EUPM.

    (4)

    Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUPM.

    (5)

    L-EUPM ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Missjoni

    1.   Il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina (BiH), stabbilita mill-Azzjoni Konġunta 2002/210/PESK (2), għandha titkompla mill-1 ta' Jannar 2012 sat-30 ta' Ġunju 2012.

    2.   L-EUPM għandha topera f'konformità mad-dikjarazzjoni tal-missjoni stabbilita fl-Artikolu 2 u għandha twettaq il-kompiti ewlenin stabbiliti fl-Artikolu 3.

    Artikolu 2

    Dikjarazzjoni tal-Missjoni

    Bħala parti mill-approċċ wiesa’ għall-istat tad-dritt fil-BiH u fir-reġjun, l-EUPM għandha tappoġġa lill-Aġenziji rilevanti għall-Infurzar tal-Liġi (LEAs) fil-BiH u s-sistema ta' ġustizzja kriminali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, billi ssaħħaħ l-interazzjoni bejn il-pulizija u l-prosekuturi u billi trawwem il-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali.

    L-EUPM għandha tipprovdi parir operattiv lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) biex tappoġġah fir-rwol tiegħu. Permezz tal-ħidma tagħha u n-netwerk tagħha fil-pajjiż, l-EUPM għandha tikkontribwixxi għall-isforzi ġenerali biex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun kompletament informata dwar l-iżviluppi fil-BiH.

    Bil-ħsieb ta' għeluq tal-missjoni, l-EUPM għandha tħejji t-trasferiment li jkun baqa' ta' biċċiet ta' xogħol importanti lill-Uffiċċju tar-RSUE.

    L-EUPM għandha tappoġa l-arranġamenti temporanji għall-ħżin tal-Politika Komuni tas-Sigurtà u d-Difiża (PKSD) sakemm jiġu ffurmati l-arraġamenti ta' ħżin permanenti.

    Artikolu 3

    Kompiti ewlenin tal-missjoni

    Sabiex twettaq il-Missjoni tagħha, il-kompiti ewlenin tal-EUPM għandhom ikunu li:

    (1)

    tipprovdi konsulenza strateġika għall-LEAs u l-awtoritajiet politiċi fil-BiH fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

    (2)

    tippromwovi u tiffaċilità l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni vertikalment kif ukoll orizzontalment bejn il-LEAs relevanti, b'fokus partikolari fuq l-aġenziji f'livell ta' Stat;

    (3)

    tiżgura trasferiment ta' responsabbiltà b'suċċess bejn l-EUPM u l-Uffiċċju tar-RSUE;

    (4)

    tikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tal-isforzi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tal-istat tad-dritt.

    Artikolu 4

    Struttura tal-Missjoni

    1.   L-EUPM għandha tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

    (a)

    il-kwartieri ġenerali prinċipali f'Sarajevo, magħmulin mill-Kap tal-Missjoni u l-persunal kif definit fil-Pjan Operattiv (OPLAN);

    (b)

    erbgħa Uffiċċji fuq il-post f'Sarajevo, Banja Luka, Mostar u Tuzla.

    2.   Dawn l-elementi ta' hawn fuq għandhom ikunu soġġetti għal iżjed arranġamenti dettaljati fl-OPLAN.

    Artikolu 5

    Kmandat tal- Operazzjoni Ċivili

    1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUPM.

    2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPM fil-livell strateġiku.

    3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, inkluż bil-ħruġ ta' istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u billi jagħtih pariri u appoġġ tekniku.

    4.   Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li sekondah jew tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv tal-persunal, it-timijiet u l-unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

    5.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament.

    6.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u r-RSUE għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

    Artikolu 6

    Kap tal-Missjoni

    1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà għal, u jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPM fil-livell operattiv fuq il-post.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, gruppi u unitajiet minn Stati kontribwenti kif allokati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluża dik mill-assi, mir-riżorsi u mill-informazzjoni mqiegħdin għad-dispożizzjoni tal-EUPM.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-EUPM għat-twettiq effikaċi tal-EUPM fil-post, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta' kuljum tagħha, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

    4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-EUPM. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

    5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew tal-Unjoni, konċernata.

    6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta l-EUPM fil-qasam tal-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tagħha.

    7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif adatt, ma' atturi oħrajn tal-Unjoni fuq il-post. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali mir-RSUE.

    Artikolu 7

    Persunal tal-EUPM

    1.   In-numri u l-kompetenza tal-persunal tal-EUPM għandhom ikunu konsistenti mal-mandat tal-missjoni espost fl-Artikolu 2, il-kompiti ewlenin tal-missjoni mniżżla fl-Artikolu 3 u l-istruttura mniżżla fl-Artikolu 4.

    2.   L-EUPM għandha tikkonsisti primarjament f'persunal sekondat mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Kull Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni għandu jerfa' l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe persunal sekondat minnu, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-iskjerament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances minbarra allowances tal-ġurnata applikabbli, kif ukoll allowances għat-tbatija u għar-riskju.

    3.   Il-persunal ċivili internazzjonali u persunal lokali jistgħu jiġu reklutati wkoll mill-EUPM, kif meħtieġ, fuq bażi kuntrattwali, jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux provduti minn persunal sekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f'każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikazzjoni kwalifikata mill-Istati Membri, ċittadini minn Stati terzi parteċipanti jistgħu jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali, kif adatt.

    4.   Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-istandards operattivi minimi ta' sigurtà speċifiċi għall-Missjoni u l-pjan ta' sigurtà tal-Missjoni li jappoġġaw il-politika tal-Unjoni ta' sigurtà fuq il-post. Fir-rigward tal-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE li l-persunal ikun fdat biha waqt li jwettaq dmirijietu, il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/KE tal-31 ta' Marzu 2011 dwar ir-regoli ta' sigurta għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (3).

    Artikolu 8

    Status tal-Missjoni u l-persunal tal-EUPM

    1.   L-arranġamenti meħtieġa għandhom isiru fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni u l-BiH tal-4 ta' Ottubru 2002 dwar l-attivitajiet tal-EUPM fil-BiH matul l-EUPM.

    2.   L-Istat jew l-istituzzjoni tal-Unjoni li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni tal-Unjoni inkwistjoni għandhom ikunu responsabbli biex titieħed kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata.

    3.   Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ċivili internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membru tal-persunal.

    Artikolu 9

    Linja ta' kmand

    1.   L-EUPM għandha jkollha linja ta' kmand unifikata bħala operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżi.

    2.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUPM.

    3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jkun il-kmandant tal-EUPM fil-livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

    4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.

    5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPM fil-livell operattiv fuq il-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

    Artikolu 10

    Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

    1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUPM. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan il-għan f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat- TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat sabiex jinħatar Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u biex jiġu emendati il-Kunċett ta’ Operazzjonijiet (CONOPS) u l-OPLAN. Is-setgħat deċiżjonali fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-EUPM għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

    2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

    3.   Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom.

    Artikolu 11

    Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija għat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna biex jikkontribwixxu għall-EUPM, sakemm dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta' sussistenza ta' kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-BiH, u sakemm dawn jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi tal-EUPM, kif adatt.

    2.   L-Istati terzi li jagħtu kontribuzzjonijiet lill-EUPM għandhom l-istess drittijiet u obbligi fil-ġestjoni ta' kuljum tal-EUPM daqs l-Istati Membri.

    3.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta' Kontributuri.

    4.   L-arranġamenti dettaljati rigward il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom jiġu koperti bil-ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 TUE u f'konformità mal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Ir-RGħ jista' jinnegozja tali ftehimiet. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat terz f'operazzjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar ta' kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim għandhom japplikaw tal-EUPM.

    Artikolu 12

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUPM għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2012 sat-30 ta' Ġunju 2012 għandu jkun ta' EUR 5 250 000.

    2.   In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f'konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, il-Kap tal-Missjoni jista' jikkonkludi arranġamenti tekniċi ma' Stati Membri, ma' Stati terzi parteċipanti, u ma' atturi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-provvista ta' tagħmir, servizzi u siti lill-EUPM. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni ta' maħżen li jaħżen tagħmir użat li jista' jintuża wkoll bħala rispons għal rekwiżiti urġenti fl-iskjeramenti tal-PKSD. Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi parteċipanti u ċittadini tal-pajjiż ospitanti għandhom ikunu permessi li jressqu offerti għall-kuntratti.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta totalment lill-Kummissjoni u jiġi ssorveljat minnha, rigward l-attivitajiet imwettqin fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

    4.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom isegwu l-ħtiġiet ta’ l-operazzjoni ta’ l-EUPM, inkluża l-kompatibilità tat-tagħmir u l-interoperabilità tat-timijiet tagħha.

    5.   In-nefqa relatata mal-EUPM għandha tkun eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2012.

    Artikolu 13

    Sigurtà

    1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta' sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa u effettiva tagħhom għall-EUPM skont l-Artikoli 5 u 9, f'koordinazzjoni mad-Direttorat tal-Uffiċċju ta' Sigurtà tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-EUPM u sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta' sigurtà applikabbli għall-EUPM, konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-TUE, u l-istrumenti ta' sostenn tiegħu.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Anzjan tas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mad-Direttorat ta' Sigurtà tas-SEAE.

    4.   Il-Kap tal-Missjoni, f'konsultazzjoni mad-Direttorat ta' Sigurtà tas-SEAE, għandu jaħtar Uffiċjali tas-Sigurtà Distrettwali fl-erba' uffiċċji fuq il-post, li, taħt l-awtorità tal-SMSO, għandhom ikunu responsabbli mill-amministrazzjoni ta' kuljum tal-aspetti kollha ta' sigurtà tal-elementi rispettivi tal-EUPM.

    5.   Il-persunal tal-EUPM għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta' sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f'konformità mal-OPLAN. Hu għandu jingħata taħriġ regolari ta' aġġornament fuq il-post organizzat mill-SMSO.

    Artikolu 14

    Koordinazzjoni

    1.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f'koordinazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-BiH sabiex jiżgura konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni b'appoġġ għall-BiH.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-Kapijiet ta' Missjoni tal-Unjoni fil-BiH.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoopera mal-atturi internazzjonali l-oħrajn preżenti fil-pajjiż, partikolarment l-Organizazzjoni għas-sigurtà u l-kooperazzjoni fl-Ewropa, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Programm Internazzjonali ta' Assistenza għat-Taħriġ dwar l-Investigazzjoni Kriminali.

    Artikolu 15

    Rilaxx ta' informazzjoni klassifikata

    1.   Ir-RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, kif adatt u f'konformità mal-ħtiġijiet tal-EUPM, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell "RESTREINT UE" li jiġu ġenerati għall-finijiet tal-EUPM, f'konformità mad-Deċiżjoni 2011/292/UE.

    2.   Fil-każ ta' ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, ir-RGħ huwa awtorizzat ukoll jirrilaxxa lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell "RESTREINT UE" li jiġu ġenerati għall-finijiet tal-EUPM, f'konformità mad-Deċiżjoni 2011/292/UE. Fil-każijiet l-oħra kollha, din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti għandhom jiġu rrilaxxati lill-Istat ospitanti f'konformità mal-proċeduri applikabbli għall-kooperazzjoni mill-Istat ospitanti mal-Unjoni.

    3.   Ir-RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokumenti mhux klassifikati tal-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-EUPM u li jkunu koperti mill-obbligu ta' segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (4).

    Artikolu 16

    Kapaċità tal-Għassa

    Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUPM.

    Artikolu 17

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2012.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 322, 9.12.2009, p. 22.

    (2)  ĠU L 70, 13.3.2002, p. 1.

    (3)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.

    (4)  Id-Deċizjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


    Top