EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0204

2011/204/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 31 ta' Marzu 2011 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta' emerġenza għall-ġlieda kontra l-influwenza avjarja fid-Danimarka u l-Pajjiżi l-Baxxi fl-2010 (notifikata bid-dokument numru C(2011) 1979)

ĠU L 86, 1.4.2011, p. 73–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/204/oj

1.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 86/73


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-31 ta' Marzu 2011

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta' emerġenza għall-ġlieda kontra l-influwenza avjarja fid-Danimarka u l-Pajjiżi l-Baxxi fl-2010

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 1979)

(It-testi bid-Daniż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

(2011/204/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta' Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1) u b' mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza avjarja hija marda virali infettiva tat-tjur u għasafar oħra mrobbija b'impatt serju fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tat-tjur u li toħloq xkiel għall-kummerċ fl-Unjoni stess u għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

(2)

Fil-każ ta' tifqigħa tal-influwenza avjarja, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista' jinfirex f'azjendi oħra tat-tjur f'dak l-Istat Membru, iżda anki fi Stati Membri oħra u f'pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ fit-tjur ħajjin jew il-prodotti tagħhom.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (2) li tintroduċi l-miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza avjarja tistipula miżuri li f'każ ta' tifqigħa għandhom jiġu implimentati immedjatament mill-Istati Membri b'urġenza sabiex jiġi evitat li l-vajrus ikompli jinfirex.

(4)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta' emerġenza. Skont l-Artikolu 4(2) ta' dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż ta' ċerti miżuri għall-qerda tal-influwenza avjarja.

(5)

L-Artikolu 4(3), l-ewwel u t-tieni inċiż tad-Deċiżjoni 2009/470/KE jistabbilixxu regoli dwar il-persentaġġ tan-nefqa mġarrba mill-Istat Membru li tista' tkun koperta mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

(6)

Il-ħlas ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta' emerġenza għall-qerda tal-influwenza avjarja huwa suġġett għar-regoli stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta' Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (3).

(7)

F'Marzu 2010, feġġew xi tifqigħat tal-influwenza avjarja fid-Danimarka uf'Mejju 2010 feġġew oħrajn fil-Pajjiżi l-Baxxi. Id-Danimarka u l-Pajjiżi l-Baxxi ħadu miżuri, f'konformità mad-Direttiva 2005/94/KE, biex jiġġieldu dawn it-tifqigħat.

(8)

L-awtoritajiet tad-Danimarka u l-Pajjiżi l-Baxxi setgħu juru, permezz ta' rapporti pprovduti fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali u s-sottomissjoni kontinwa ta' informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-qagħda tal-marda, li implimentaw b'mod effiċjenti l-miżuri ta' kontroll previsti fid-Direttiva 2005/94/KE li wasslu għal trażżin rapidu tal-marda.

(9)

L-awtoritajiet tad-Danimarka u l-Pajjiżi l-Baxxi għalhekk issodisfaw l-obbligi tekniċi u amministrattivi kollha tagħhom fir-rigward tal-miżuri previsti fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(10)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lid-Danimarka u lill-Pajjiżi l-Baxxi

1.   Tista' tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lid-Danimarka u lill-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż imġarrba minn dawn l-Istati Membri fit-teħid ta' miżuri skont l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, biex jiġġieldu l-influwenza avjarja fid-Danimarka f'Marzu 2010 u fil-Pajjiżi l-Baxxi f'Mejju 2010.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ffissata f'deċiżjoni sussegwenti li għandha tiġi adottata mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 40 (2) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE.

Artikolu 2

Id-Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka u lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(2)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(3)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.


Top