Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010L0052

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/52/UE tal- 11 ta’ Awwissu 2010 li temenda, għall-għanijiet tal-adattament tal-provvedimenti tekniċi tagħhom id-Direttiva tal-Kunsill 76/763/KEE dwar sedili għall-passiġġieri għal tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija u d-Direttiva 2009/144/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 213, 13.8.2010, pp. 37–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015; Imħassar b' 32013R0167

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/52/oj

13.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 213/37


ID-DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/52/UE

tal-11 ta’ Awwissu 2010

li temenda, għall-għanijiet tal-adattament tal-provvedimenti tekniċi tagħhom id-Direttiva tal-Kunsill 76/763/KEE dwar sedili għall-passiġġieri għal tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija u d-Direttiva 2009/144/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresterija, il-karrijiet tagħhom u makkinarju li jingibed u li jista’ jinbidel, flimkien mas-sistemi tiegħu, il-komponenti u l-unijajiet separati teknici u li tħassar id-Direttiva 74/150/KEE (1), u b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 19(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 76/763/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati ma’ sedili għall-passiġġieri għal tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija (2) u d-Direttiva 2009/144/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija (3) huma tnejn fost id-Direttivi separati fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE għat-tratturi għall-agrikoltura jew il-foresterija skont id-Direttiva 2003/37/KE.

(2)

Is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol hija waħda mill-pilastri li fuqhom tissejjes id-Direttiva 2003/37/KE. Biex tittejjeb il-protezzjoni tal-operaturi jixraq li jitkomplew ir-rekwiżiti applikabbli skont dik id-Direttiva ħalli jkunu koperti l-perikli kollha elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rabta mal-makkinarju (4) li għadhom mhumiex koperti mid-Direttivi separati skont id-Direttiva 2003/37/KE.

(3)

Permezz ta’ din l-emenda, id-Direttiva 2006/42/KE ma tibqax tapplika aktar għal tratturi approvati għat-tip abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip għal tratturi bir-roti għall-agrikoltura u l-foresterija emendata, billi bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ta’ emenda r-riskji koperti mid-Direttiva 2003/37/KE se jikkonsistu fir-riskji kollha koperti mid-Direttiva 2006/42/KE.

(4)

Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni CEN ifformula standards armonizzati dwar protezzjoni kontra l-qlib għall-passiġġieri u kontra sustanzi perikolużi. Dawk l-istandards ġew adottati u ppubblikati u issa għandhom għalhekk jiġu inkorporati f’din id-Direttiva.

(5)

Id-Direttiva 76/763/KEE timponi rekwiżiti fir-rigward tad-disinn u l-istallazzjoni tas-sedili tal-passiġġieri fuq tratturi agrikoli; jixraq li dik id-Direttiva tiġi emendata ħalli tiżdied din il-protezzjoni billi jiġu inklużi speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali li jipprovdu protezzjoni li tkopri r-riskji ta’ korriment tal-passiġġieri kif deskritt fid-Direttiva 2006/42/KE, b’mod partikolari fir-rigward ta’ qlib u l-ankraġġ taċ-ċinturin tas-sedili tal-passiġġieri.

(6)

Id-Direttiva 2009/144/KE timponi rekwiżiti tekniċi marbuta ma’ ċerti komponenti u karatteristiċi tat-tratturi agrikoli bir-roti; jixraq li dik id-Direttiva tiġi emendata ħalli tiżdied din il-protezzjoni billi jiddaħħlu speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali li jipprovdu protezzjoni kontra oġġetti li jaqgħu, kontra il-penetrazzjoni ta’ oġġetti fil-kabina u kontra sustanzi perikolużi; barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-manwal tal-operatur.

(7)

Biex tinkiseb tmexxija mingħajr intoppi tal-proċess tal-approvazzjoni tat-tip, u b’mod partikolari sabiex tittejjeb is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, għandu jiġi definit kontenut minimu għall-manwal tal-operatur. Dan għandu jiżgura li l-operaturi jkollhom it-tagħrif meħtieġ sabiex jevalwaw kemm huma xierqa t-tratturi għall-użu maħsub għalihom, kif ukoll għat-twettiq tal-manutenzjoni li tixraq.

(8)

Għandhom jiġu rekwiżiti skont l-aktar żviluppi teknoloġiċi avvanzati dispożizzjonijiet għal Strutturi Protettivi kontra Oġġetti li Jaqgħu, jekk it-trattur ikun fornit b’dawn l-istrutturi, Strutturi Protettivi għall-Operaturi, jekk it-trattur ikun fornit b’dawn l-istrutturi, u għall-prevenzjoni ta’ kuntatt ma’ sustanzi perikolużi.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Adattament għall-Progress Tekniku – Tratturi Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 76/763/KEE hija emendata skont l-Anness I ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

Id-Direttiva 2009/144/KE hija emendata skont l-Anness II ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 3

1.   B’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ, fir-rigward ta’ vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 76/763/KE u d-Direttiva 2009/144/KE kif emendati b’din id-Direttiva, l-Istati Membri m’għandhomx, għal raġunijiet marbuta mas-suġġett ta’ dawn id-Direttivi:

(a)

jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip tal-KE jew li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali; jew

(b)

jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz tat-tali vetturi,

2.   B’effett minn sena (1) mid-data tad-dħul fis-seħħ, fir-rigward ta’ tipi ġodda ta’ vetturi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 76/763/KEE u d-Direttiva 2009/144/KE kif emendati b’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, għal raġunijiet marbuta mas-suġġett ta’ dawn id-Direttivi:

(a)

jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip KE; u

(b)

jistgħu jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip nazzjonali.

3.   B’effett minn sentejn (2) mid-data tad-dħul fis-seħħ, fir-rigward ta’ vetturi ġodda li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 76/763/KEE u d-Direttiva 2009/144/KE kif emendati b’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, għal raġunijiet marbuta mas-suġġett ta’ dawn id-Direttivi:

(a)

jikkunsidraw ċertifikati tal-konformità li jakkumpanjaw il-vetturi ġodda skont id-Direttiva 2003/37/KE li ma jibqgħux aktar validi għall-għanijiet tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/37/KE; u

(b)

jistgħu jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew it-tħaddim ta’ dawn il-vetturi.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Marzu 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għalhekk għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-2 ta’ Marzu 2011.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 171, 9.7.2003, p. 1.

(2)   ĠU L 262, 27.9.1976, p. 1.

(3)   ĠU L 27, 30.1.2010, p. 33.

(4)   ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.


ANNESS I

L-Anness tad-Direttiva 76/763/KEE jeħodlu postu l-Anness li ġej:

“ANNESS

Is-sedili tal-passiġġieri, jekk jiġu pprovduti, għandhom ikunu konformi ma’ EN 15694:2009.”


ANNESS II

Id-Direttiva 2009/144/KE hija emendata kif ġej:

1.

It-titolu tal-Anness II fil-lista tal-annessi huwa emendat biex jinqara hekk:

“Il-kontrollur tal-veloċità u l-protezzjoni tal-komponenti tas-sewqan, tal-partijiet sporġuti u tar-roti, rekwiżiti addizzjonali tas-sikurezza għall-applikazzjonijiet speċjali, il-manwal tal-operatur”.

2.

It-titolu tal-Anness II huwa emendat biex jiġi jinqara hekk:

“Il-kontrollur tal-veloċità u l-protezzjoni tal-komponenti tas-sewqan, tal-partijiet sporġuti u tar-roti, rekwiżiti addizzjonali tas-sikurezza għall-applikazzjonijiet speċjali, il-manwal tal-operatur”.

3.

Fl-Anness II huma miżjuda l-punti li ġejjin:

“3.   REKWIŻITI TAS-SIKUREZZA ADDIZZJONALI GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET SPEĊJALI

3.1.   Strutturi Protettivi kontra Oġġetti li Jaqgħu

L-Istrutturi Protettivi kontra Oġġetti li Jaqgħu (FOPS), jekk ipprovduti, għandhom ikunu konformi mal-Kodiċi 10 tal-OECD (1).

3.2.   Strutturi għall-Protezzjoni tal-Operaturi

3.2.1.   L-Istrutturi għall-Protezzjoni tal-Operaturi (OPS), jekk jiġu pprovduti, għandhom ikunu konformi ma’ ISO 8084:2003 (2).

3.2.2.   Għal applikazzjonijiet oħra minbarra dawk tal-foresterija u bla ħsara għall-punt 3.2.1, it-tratturi bil-ħġieġ skont il-punt 1.1.3 tal-Anness III A għandhom jitqiesu li huma attrezzati bi Strutturi ta’ Protezzjoni għall-Operaturi (OPS).

3.3.   Il-prevenzjoni tal-kuntatt ma’ Sustanzi Perikolużi

Ir-rekwiżiti ta’ EN 15695-1:2009 għandhom japplikaw għat-tratturi kollha mfissra fil-punt (j) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/37/KE, jekk dawn ikunu qed jintużaw f’kundizzjonijiet li jistgħu jikkawżaw ir-riskju ta’ kuntatt ma’ sustanzi perikolużi; f’każ hekk il-kabina għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-livell 2, 3 jew 4 ta’ dan l-istandard. Il-kriterji għall-għażla bejn il-livelli jridu jitfissru u jkunu konformi ma’ dawk indikati fil-manwal tal-operatur. Għall-bexx bil-pestiċidi l-kabina trid tkun tal-livell 4.

4.   MANWAL GĦALL-OPERATUR

Il-manwal għall-operatur għandu jikkonforma mal-ISO 3600:1996 (3) bl-eċċezzjoni tat-taqsima 4.3. (‘Identifikazzjoni tal-magna’).

4.1.   Partikolarment, jew flimkien mar-rekwiżiti fl-istandard ISO 3600:1996, il-manwal għall-operatur għandu jkopri dan li ġej:

(a)

aġġustament tas-sedil u tas-sospensjoni b’rabta mal-pożizzjoni ergonomika tal-operatur fir-rigward tal-kontrolli u biex jiġu minimizzati r-riskji minn vibrazzjoni tal-ġisem kollu;

(b)

l-użu u l-aġġustament tas-sistema għas-sħana, il-ventilazzjoni u l-arja kondizzjonata, meta jkunu provduti;

(c)

l-istartjar u t-twaqqif tal-magna;

(d)

il-pożizzjoni tal-ħruġ ta’ emerġenza u l-metodu tal-ftuħ tagħhom;

(e)

it-tlugħ fit-trattur u l-inżul minnu;

(f)

iż-żona ta’ periklu qrib l-assi pivotali ta’ trattur artikolat;

(g)

l-użu ta’ għodod speċjali, jekk xi wħud minn dawn jiġu pprovduti;

(h)

metodi sikuri użati għas-servis u għall-manutenzjoni;

(i)

informazzjoni dwar il-perjodu bejn spezzjoni u oħra tal-pajpijiet tal-ħajdrolik;

(j)

struzzjonijiet dwar kif għandu jiġi rmunkat it-trattur;

(k)

struzzjonijiet dwar l-użu sikur ta’ ġakkijiet u punti rakkomandati ta’ ġġakkjar;

(l)

perikli marbuta mal-batteriji u t-tank tal-fjuwil;

(m)

l-użu projbit tat-trattur, fejn jeżistu perikli li jinqaleb u jissemma wkoll li l-lista mhix waħda li tinkludi kull possibbiltà eżistenti;

(n)

riskji reżidwi, marbuta ma’ partijiet jaħarqu, bħal ma huma l-mili taż-żejt jew tas-sustanza għat-tkessiħ f’magni jew f’gerboksis jaħarqu;

(o)

il-livell ta’ protezzjoni ta’ Strutturi Protettivi kontra Oġġetti li jaqgħu, jekk applikabbli;

(p)

il-livell ta’ protezzjoni kontra sustanzi perikolużi, jekk applikabbli;

(q)

il-livell ta’ protezzjoni ta’ Strutturi Protettivi għall-Operaturi, jekk applikabbli.

4.2.   It-twaħħil, l-iżmuntar u x-xogħol b’makkinarju armat, trejlers u makkinarju rmunkat li jista’ jinbidel

Il-manwal għall-operatur għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

twissjia sabiex jiġu segwiti bir-reqqa l-istruzzjonijiet elenkati fil-manwal għall-operatur tal-makkinarju jew it-trejler armat jew irmunkat, u sabiex il-kombinazzjoni trattur - makkinarju jew trattur-trejler ma jitħaddmux sakemm l-istruzzjonijiet kollha ma jiġux segwiti;

(b)

twissija sabiex wieħed iżomm lura miż-żona tat-‘three-point linkage’ waqt li din tkun qed tiġi kkontrollata;

(c)

twissija li l-makkinarju armat irid jitbaxxa mal-art qabel ma t-trattur jitħalla waħdu;

(d)

il-veloċità tal-‘power take-off drive shafts’ waqt it-tħaddim tal-makkinarju armat jew tal-vettura rmunkata;

(e)

rekwiżit li jintużaw biss ‘power take-off drive shafts’ bi protezzjoni adegwata;

(f)

informazzjoni dwar tagħmir għall-irbit li jaħdem bil-ħajdrolik u l-funzjoni tiegħu;

(g)

informazzjoni dwar il-kapaċità massima ta’ rfigħ tat-‘three-point linkage’;

(h)

informazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-massa totali, it-tagħbija fuq il-fusien, il-kapaċità ta’ tagħbija tat-tajers u s-saborra minima meħtieġa;

(i)

informazzjoni dwar is-sistemi ta’ bbrejkjar disponibbli għat-trejlers u l-kompatibbiltà tagħhom ma’ vetturi rmunkati;

(j)

it-tagħbija vertikali massima fuq l-irbit ta’ wara, f’relazzjoni mad-daqs tat-tajers ta’ wara u t-tip ta’ rbit;

(k)

informazzjoni dwar l-użu ta’ tagħmir b’‘power take-off drive shafts’ u li l-inklinazzjoni possibbli teknika tax-xaftijiet tiddependi fuq il-forma u d-daqs tal-‘master shield’ u/jew il-‘clearance zone’, inkluża l-informazzjoni speċifika rekwiżita fil-każ ta’ PTO tip 3 b’dimensjoni ridotta;

(l)

repetizzjoni tad-dejta fuq il-pjanċa mandatorja dwar mases irkmunkati massimi permissibbli;

(m)

twissija biex ħadd ma jidħol bejn it-trattur u l-vettura rmunkata.

4.3.   Dikjarazzjoni ta’ storbju

Il-manwal għall-operatur għandu jispeċifika l-livell ta’ ħoss f’widnejn l-operatur, imkejjel skont id-Direttiva 2009/76/KE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-ħoss tat-trattur hu u miexi, imkejjel skont l-Anness VI tad-Direttiva 2009/63/KE (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

4.4.   Dikjarazzjoni dwar il-vibrazzjonijiet

Il-manwal għall-operatur għandu jistipula l-livell ta’ vibrazzjonijiet imkejjel skont id-Direttiva tal-Kunsill 78/764/KEE (6).

4.5.   Il-modi ta’ tħaddim rilevanti ta’ trattur li wieħed jista’ raġonevolment jistennihom u li huma identifikati bħala ta’ periklu partikolari huma dawn li ġejjin:

(a)

xogħol b’tagħmir li jgħabbi minn quddiem (riskju minn oġġetti li jaqgħu);

(b)

applikazzjoni forestali (riskju minn oġġetti li jaqgħu/penetranti);

(c)

xogħol b’tagħmir għall-bexx tal-uċuħ tar-raba’, armat jew irmunkat (riskju minn sustanzi perikolużi).

Għandu jingħata każ partikolari fil-manwal għall-operatur għall-użu tat-trattur flimkien mat-tagħmir imsemmi hawn fuq.

4.5.1.   Tagħmir għat-tagħbija minn quddiem

4.5.1.1.

Il-manwal għall-operatur għandu jagħti sinteżi tal-perikli assoċjati max-xogħol ta’ tagħmir għat-tagħbija minn quddiem, u jispjega kif jistgħu jiġu evitati dawk il-perikli.

4.5.1.2.

Il-manwal għall-operatur għandu jindika l-punti ta’ rbit fuq il-bodi tat-trattur fejn irid jitwaħħal it-tagħmir għat-tagħbija minn quddiem, flimkien mad-daqs u l-kwalità tat-tagħmir li għandu jintuża għat-twaħħil. Jekk ma jkunu previsti l-ebda punti ta’ twaħħil bħal dawn, il-manwal tal-operatur għandu jipprojbixxi l-istallazzjoni ta’ tagħmir għat-tagħbija minn quddiem.

4.5.1.3.

It-tratturi attrezzati b’funzjonijiet programmabbli ta’ sekwenzar idrawliku għandhom jipprovdu informazzjoni dwar kif jitqabbdu l-idrawliċi tal-loader ħalli din il-funzjoni tkun inoperabbli.

4.5.2.   Applikazzjoni forestali

4.5.2.1.

F’każ ta’ użu ta’ trattur agrikolu f’applikazzjoni forestali, il-perikli identifikati huma dawn li ġejjin:

(a)

siġar li jaqgħu, l-aktar fil-każ ta’ krejn li jaqbad mat-trattur billi jitwaħħal fuq in-naħa ta’ wara tat-trattur;

(b)

oġġetti li jippenetraw il-kabina tal-operatur, l-aktar fil-każ li jitwaħħal mutur għall-ġbid fuq in-naħa ta’ wara tat-trattur.

4.5.2.2.

Il-manwal għall-operatur għandu jinkludi informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

l-eżistenza tal-perikli mfissra fil-punt 4.5.2.1.;

(b)

kull tagħmir mhux mandatorju li jista’ jkun disponibbli, kontra dawk il-perikli;

(c)

punti ta’ twaħħil fuq it-trattur fejn strutturi protettivi jistgħu jitwaħħlu, flimkien mad-daqs u l-kwalità tal-ħardwer li għandu jintuża; meta ma jeżistu l-ebda mezzi previsti sabiex jitwaħħlu strutturi adegwati ta’ protezzjoni, dan għandu jissemma;

(d)

strutturi protettivi jistgħu jikkonsistu minn qafas li jipproteġi l-istazzjon ta’ tħaddim kontra siġar li jaqgħu jew xbieki (bil-malji) quddiem il-bibien tal-kabina, is-saqaf u t-twieqi;

(e)

il-livell tas-Sistema ta’ Protezzjoni kontra Oġġetti li Jaqgħu, jekk din tkun ipprovduta.

4.5.3.   Xogħol b’tagħmir għall-bexx tal-uċuħ tar-raba’ (riskju minn sustanzi perikolużi)

Il-livell ta’ protezzjoni kontra sustanzi perikolużi, skont l-EN 15695-1:2009, għandhom jitfissru fil-manwal tal-operatur.”

4.

It-titolu tal-Appendiċi għall-Anness II huwa emendat hekk:

ANNESS MAĊ-ĊERTIFIKAT TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KE GĦAL TIP TA’ TRATTUR FIR-RIGWARD TAL-KONTROLLUR TAL-VELOĊITÀ U L-PROTEZZJONI TAL-KOMPONENTI TAS-SEWQAN, PROJEZZJONIJIET U ROTI, REKWIŻITI ADDIZZJONALI TAS-SIKUREZZA GĦAL APPLIKAZZJONIJIET SPEĊJALI, MANWAL TAL-OPERATUR

5.

Il-Punt 1 tal-Appendiċi għall-Anness II ikun komplut bil-linji li ġejjin wara l-punt 1.2.:

“1.3.

Rekwiżiti addizzjonali tas-sikurezza għall-applikazzjonijiet speċjali, jekk applikabbli:

1.3.1.

Strutturi Protettivi kontra Oġġetti li Jaqgħu

1.3.2.

Strutturi għall-Protezzjoni tal-Operaturi

1.3.3.

Il-prevenzjoni tal-kuntatt ma’ Sustanzi Perikolużi”.

6.

Il-Punt 15 tal-Appendiċi għall-Anness II (lista ta’ dokumenti) ikun komplut permezz ta’ dan li ġej:

“… manwal tal-operatur.”


(1)  Il-kodiċi standard tal-OECD għall-ittestjar uffiċjali ta’ strutturi protettivi kontra oġġetti li jaqgħu fuq tratturi agrikoli u forestarji Kodiċi 10 - Deċiżjoni tal-Kunsill tal-OECD C(2008) 128 ta’ Ottubru 2008.

(2)  Dan id-dokument jista’ jinstab fuq il-paġna tal-Internet: http://www.iso.org/iso/en/CatalogueDetailPage.CatalogueDetail?CSNUMBER = 9021&ICS1 = 65&ICS2 = 60&ICS3 = 1

(3)  Dan id-dokument jista’ jinstab fuq il-paġna tal-Internet: http://www.iso.org/iso/en/CatalogueDetailPage.CatalogueDetail?CSNUMBER = 9021&ICS1 = 65&ICS2 = 60&ICS3 = 1

(4)   ĠU L 201, 1.8.2009, p. 18.

(5)   ĠU L 214, 19.8.2009, p. 23.

(6)   ĠU L 255, 18.9.1978, p. 1.


Top