EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010L0024

Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas- 16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra

ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/24/oj

31.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2010/24/UE

tas-16 ta’ Marzu 2010

dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 113 u 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

L-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri għall-irkupru tat-talbiet ta’ xulxin u dawk tal-Unjoni fir-rigward ta’ ċerti taxxi u miżuri oħrajn tikkontribwixxi għat-tħaddim xieraq tas-suq intern. Hija tiżgura n-newtralità fiskali u ppermettiet lill-Istati Membri biex ineħħu l-miżuri protettivi diskriminatorji fi transazzjonijiet transkonfini maħsuba biex jipprevjenu l-frodi u t-telf baġitarju.

(2)

L-arranġamenti għall-assistenza reċiproka għall-irkupru ġew stabbiliti għall-ewwel darba fid-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta’ Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta’ imposti agrikoli u dazji doganali (3). Dik id-Direttiva u l-atti li jemendawha ġew ikkodifikati mid-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE tas-26 ta’ Mejju 2008 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (4).

(3)

Dawn l-arranġamenti, madankollu, filwaqt li jipprovdu l-ewwel pass lejn proċeduri ta’ rkupru mtejba fi ħdan l-Unjoni billi japprossimaw ir-regoli nazzjonali applikabbli, urew li mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-suq intern kif evolva tul dawn l-aħħar 30 sena.

(4)

Bil-għan li jiġu ssalvagwardjati aħjar l-interessi finanzjarji tal-Istati Membri u n-newtralità tas-suq intern, hu meħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-assistenza reċiproka għall-irkupru jiġi estiż għal talbiet relatati ma’ taxxi u dazji li għadhom mhumiex koperti mill-assistenza reċiproka għall-irkupru, filwaqt li sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu maż-żieda fit-talbiet għall-assistenza u biex iwasslu riżultati aħjar, jeħtieġ li l-assistenza ssir aktar effiċjenti u effikaċi u li tiġi ffaċilitata fil-prattika. Sabiex jiġu sodisfatti dawn l-għanijiet, huma meħtieġa adattamenti importanti, fejn is-sempliċi modifika tad-Direttiva 2008/55/KE eżistenti ma tkunx biżżejjed. Għalhekk din tal-aħħar trid titħassar u tiġi sostitwita bi strument ġuridiku ġdid li jibni fuq il-kisbiet tad-Direttiva 2008/55/KE iżda jipprevedi regoli aktar ċari u preċiżi fejn meħtieġ.

(5)

Regoli aktar ċari jippromwovu skambju usa’ ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. Huma jiżguraw ukoll li l-persuni ġuridiċi u fiżiċi kollha fil-Komunità jkunu koperti, b’kont meħud tal-firxa ta’ arranġamenti legali dejjem akbar, inklużi mhux biss l-arranġamenti tradizzjonali bħal fondi fiduċjarji u fondazzjonijiet, iżda kwalunkwe strument ġdid li jista’ jkun stabbilit mill-kontribwenti tat-taxxa fl-Istati Membri. Barra minn hekk huma jippermettu li jittieħed kont tal-għamliet kollha li jistgħu jieħdu t-talbiet tal-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tat-taxxi, id-dazji, l-imposti, ir-rifużjonijiet u l-interventi, inklużi t-talbiet kollha fi flus kontra l-kontribwent tat-taxxa kkonċernat jew kontra parti terza li jissostitwixxu t-talba oriġinali. L-ewwel nett, huma meħtieġa regoli aktar ċari biex jiġu definiti aħjar id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kollha kkonċernati.

(6)

Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa l-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tal-miżuri ta’ rkupru disponibbli skont il-leġislazzjoni interna tagħhom. Madankollu, jeħtieġ li jiġi żgurat li la d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali u lanqas in-nuqqas ta’ koordinament bejn l-awtoritajiet kompetenti ma jheddu l-operat bla xkiel tas-sistema tal-assistenza reċiproka prevista f’din id-Direttiva.

(7)

L-assistenza reċiproka tista’ tikkonsisti f’dan li ġej: l-awtorità rikjesta tista’ tforni lill-awtorità applikanti l-informazzjoni li din tal-aħħar teħtieġ biex tirkupra t-talbiet li jirriżultaw fl-Istat Membru applikanti u tinnotifika lid-debitur bid-dokumenti kollha marbutin ma’ dawn it-talbiet li gejjin mill-Istat Membru applikanti. L-awtorità rikjesta tista’ wkoll tirkupra, fuq it-talba tal-awtorità applikanti, it-talbiet li jirriżultaw fl-Istat Membru applikanti, jew tieħu miżuri ta’ prekawzjoni biex jiġi ggarantit l-irkupru ta’ dawn it-talbiet.

(8)

L-adozzjoni ta’ strument uniformi li jintuża għal miżuri ta’ infurzar fl-Istat Membru rikjest, kif ukoll l-adozzjoni ta’ formola standard uniformi għan-notifika ta’ strumenti u deċiżjonijiet relatati mat-talba, għandhom isolvu l-problemi ta’ rikonoxximent u ta’ traduzzjoni ta’ strumenti li ġejjin minn Stat Membru ieħor, li jikkostitwixxu kawża prinċipali tal-ineffiċjenza tal-arranġamenti attwali għall-assistenza.

(9)

Għandha tinħoloq bażi legali għall-iskambju ta’ informazzjoni mingħajr talba minn qabel għal rifużjonijiet speċifiċi ta’ taxxa. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, għandu jkun ukoll possibbli għall-uffiċjali tat-taxxa ta’ Stat Membru li jattendu jew jipparteċipaw f’indaġnijiet amministrattivi fi Stat Membru ieħor. Għandu jkun previst ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni aktar dirett bejn is-servizzi bil-għan li l-assistenza ssir aktar malajr u aktar effiċjenti.

(10)

Minħabba fil-mobbiltà dejjem tiżdied fis-suq intern, u r-restrizzjonijiet imposti bit-Trattat jew b’leġislazzjoni oħra dwar il-garanziji li jistgħu jintalbu minn kontribwenti tat-taxxa mhux stabbiliti ġewwa t-territorju nazzjonali, għandhom jiġu estiżi l-possibbiltajiet li jintalbu miżuri ta’ rkurpu jew miżuri ta’ prekawzjoni fi Stat Membru ieħor. Peress li l-anzjanità ta’ talba hija fattur kruċjali, għandu jkun possibbli għall-Istati Membri biex jagħmlu talba għal assistenza reċiproka, ukoll meta l-mezzi domestiċi għall-irkupru ma jkunux għadhom kompletament eżawriti, fost l-oħrajn, fejn rikors għal tali proċeduri fl-Istat Membru applikanti jirriżulta f’diffikultà sproporzjonata.

(11)

Obbligu ġenerali li jintbagħtu t-talbiet u d-dokumenti f’forma diġitali u permezz ta’ netwerk elettroniku, u b’regoli preċiżi dwar l-użu tal-lingwi għal talbiet u ta’ dokumenti, għandu jippermetti li l-Istati Membri jittrattaw it-talbiet b’mod eħfef u aktar malajr.

(12)

Matul il-proċedura tal-irkupru fl-Istat Membru rikjest, it-talba, in-notifika li l-awtoritajiet tal-Istat Membru applikanti jagħmlu jew l-istrument li jawtorizza l-infurzar tagħha jistgħu jiġu kkontestati mill-persuna kkonċernata. Għandu jiġi stabbilit li f’każijiet bħal dawn il-persuna kkonċernata għandha tressaq l-azzjoni quddiem il-korp kompetenti tal-Istat Membru applikanti u li l-awtorità rikjesta għandha tissospendi, bil-kondizzjoni li l-awtorità applikanti ma titlobx mod ieħor, kwalunkwe proċedura ta’ infurzar li hi tkun bdiet sakemm tittieħed deċiżjoni mill-korp kompetenti tal-Istat Membru applikanti.

(13)

Biex iħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw riżorsi biżżejjed għall-irkupru ta’ talbiet ta’ Stati Membri oħra, l-Istat Membru rikjest għandu jkun jista’ jirkupra l-ispejjeż relatati mal-irkupru mid-debitur.

(14)

L-aħjar mod biex tinkiseb l-effiċjenza, fl-eżekuzzjoni ta’ talba għall-assistenza, hu jekk l-awtorità rikjesta tkun tista’ tagħmel użu mis-setgħat previsti taħt il-liġijiet nazzjonali tagħha li japplikaw għal talbiet dwar l-istess taxxi jew dazji jew dawk simili. Fin-nuqqas ta’ taxxa jew dazju simili, il-proċedura l-aktar adatta tkun dik prevista taħt il-liġijiet tal-Istat Membru rikjest li tapplika għal talbiet li jikkonċernaw it-taxxa imposta fuq id-dħul personali. Dan l-użu tal-leġislazzjoni nazzjonali m’għandux, bħala regola ġenerali, japplika fir-rigward tal-preferenzi mogħtija għal talbiet li jirriżultaw fl-Istat Membru rikjest. Madankollu, għandu jkun possibbli li l-preferenzi jkunu estiżi għal talbiet ta’ Stati Membri oħrajn ibbażati fuq ftehim bejn l-Istati Membri kkonċernati.

(15)

Fir-rigward ta’ kwistjonijiet dwar il-preskrizzjoni, jeħtieġ li r-regoli eżistenti jiġu ssimplifikati, billi jkun pprovdut li s-sospensjoni, l-interruzzjoni jew il-prolongazzjoni ta’ perijodi ta’ preskrizzjoni jkunu b’mod ġenerali ddeterminati skont il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest, ħlief fejn is-sospensjoni, l-interruzzjoni jew il-prolongazzjoni tal-perijodu ta’ preskrizzjoni mhumiex possibbli skont il-liġijiet fis-seħħ f’dak l-Istat.

(16)

L-effiċjenza teħtieġ li l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata matul l-assistenza reċiproka tista’ tintuża fl-Istat Membru li jirċievi l-informazzjoni għal finijiet li mhumiex dawk previsti f’din id-Direttiva, fejn dan ikun permess skont il-leġislazzjoni domestika kemm tal-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni kif ukoll tal-Istat Membru li jirċievi l-informazzjoni.

(17)

Din id-Direttiva m’għandhiex tipprevjeni t-twettiq ta’ kwalunkwe obbligu sabiex tiġi pprovduta assistenza usa’ li tirriżulta minn ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali.

(18)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (5).

(19)

F’konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet, l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess li juru, sa fejn possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(20)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-forniment ta’ sistema uniformi ta’ assistenza għall-irkupru fi ħdan is-suq intern, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-uniformità, l-effikaċja u l-effiċjenza meħtieġa, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(21)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li skonthom l-Istati Membri għandhom jipprovdu assistenza għall-irkupru f’kull Stat Membru ta’ kwalunkwe talba msemmija fl-Artikolu 2 li tkun ġejja minn Stat Membru ieħor.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal talbiet relatati ma’ dan li ġej:

(a)

it-taxxi u d-dazji kollha ta’ kwalunkwe tip imposti minn jew f’isem Stat Membru jew is-sottodiviżjonijiet territorjali jew amministrattivi tiegħu, inklużi l-awtoritajiet lokali, jew f’isem l-Unjoni.

(b)

ir-rifużjonijiet, l-interventi u miżuri oħra li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament totali jew parzjali tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), inklużi s-somom li jridu jinġabru fir-rigward ta’ dawn l-azzjonijiet;

(c)

l-imposti u d-dazji l-oħra previsti taħt l-organizzazzjoni komuni tas-suq għas-settur taz-zokkor.

2.   Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandu jinkludi:

(a)

pieni amministrattivi, multi, tariffi u ħlasijiet addizzjonali relatati mat-talbiet li għalihom tista’ tintalab l-assistenza reċiproka skont il-paragrafu 1, imposti mill-awtoritajiet amministrattivi bil-kompetenza li jimponu t-taxxi jew id-dazji kkonċernati, jew iwettqu indaġnijiet amministrattivi fir-rigward tagħhom, jew ikkonfermati minn korpi amministrattivi jew ġudizzjarji fuq it-talba ta’ dawn l-awtoritajiet amministrattivi;

(b)

tariffi għal ċertifikati u dokumenti simili maħruġin f’konnessjoni ma’ proċeduri amministrattivi relatati mat-taxxi u d-dazji;

(c)

imgħax u spejjeż relatati mat-talbiet li għalihom tista’ tintalab l-assistenza reċiproka skont il-paragrafu 1 jew il-punt (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu.

3.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal:

(a)

kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali pagabbli lill-Istat Membru jew lil subdiviżjoni tal-Istat Membru, jew lil istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali stabbiliti skont il-liġi pubblika;

(b)

tariffi li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 2;

(c)

miżati ta’ natura kuntrattwali, bħal konsiderazzjoni għall-utilitajiet pubbliċi;

(d)

pieni kriminali imposti abbażi ta’ prosekuzzjoni pubblika jew pieni kriminali oħrajn li mhumiex koperti mill-punt (a) tal-paragrafu 2.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

“awtorità applikanti” tfisser ufficcju ċentrali ta’ kollegament, uffiċċju ta’ kollegament jew dipartiment ta’ kollegament ta’ Stat Membru li jagħmel talba għall-assistenza b’konnessjoni ma’ talba msemmija fl-Artikolu 2;

(b)

“awtorità rikjesta” tfisser ufficcju ċentrali ta’ kollegament, uffiċċju ta’ kollegament jew dipartiment ta’ kollegament ta’ Stat Membru li lilu ssir talba għall-assistenza;

(c)

“persuna” tfisser:

(i)

persuna fiżika;

(ii)

persuna ġuridika;

(iii)

fejn il-leġislazzjoni fis-seħħ tipprevedi hekk, assoċjazzjoni ta’ persuni rikonoxxuti bħala li għandhom il-kapaċità li jwettqu atti ġuridiċi iżda li madankollu m’għandhomx l-istatus ġuridiku ta’ persuna ġuridika; jew

(iv)

kwalunkwe arrangament legali ieħor ta’ kwalunkwe natura u forma, li jkollu personalità ġuridika jew le, li jkun proprjetarju jew jamministra assi li, inkluż id-dħul minnhom, huma soġġetti għal kwalunkwe waħda mit-taxxi koperti minn din id-Direttiva;

(d)

“b’mezzi elettroniċi” tfisser l-użu ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar, inkluża l-kompressjoni diġitali, u l-ħażna ta’ data, u l-utilizzazzjoni ta’ wajers, trasmissjoni bir-radju, teknoloġiji ottiċi jew mezzi elettromanjetiċi oħrajn;

(e)

“Netwerk CCN” tfisser il-pjattaforma komuni bbażata fuq in-netwerk komuni ta’ komunikazzjoni (CCN) żviluppata mill-Unjoni għat-trasmissjonijiet kollha b’mezzi elettroniċi bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam doganali u fiskali.

Artikolu 4

Organizzazzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni sal-20 ta’ Mejju 2010 bl-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti tiegħu (minn hawn ‘il quddiem imsemmija rispettivament bħala l-“awtorità kompetenti”) għall-fini ta’ din id-Direttiva u għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla fiha.

Il-Kummissjoni għandha tpoġġi l-informazzjoni li tirċievi għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn u tippubblika lista tal-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tagħżel uffiċċju ċentrali ta’ kollegament li għandu jkollu r-responsabbiltà prinċipali għal kuntatti ma’ Stati Membri oħrajn fil-qasam tal-assistenza reċiproka koperta minn din id-Direttiva.

L-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament jista’ jintagħżel ukoll bħala responsabbli għall-kuntatti mal-Kummissjoni.

3.   L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru tista’ taħtar uffiċċji ta’ kollegament li għandu jkollhom ir-responsabbiltà għal kuntatti ma’ Stati Membri oħrajn dwar l-assistenza reċiproka fir-rigward ta’ tip jew kategorija waħda jew aktar tat-taxxi u d-dazji msemmijin fl-Artikolu 2.

4.   L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru tista’ tagħżel uffiċċji oħrajn, minbarra l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament jew l-uffiċċji ta’ kollegament, bħala dipartimenti ta’ kollegament. Id-dipartimenti ta’ kollegament għandhom jitolbu jew jagħtu assistenza reċiproka taħt din id-Direttiva f’rabta mal-kompetenzi territorjali jew operattivi speċifiċi tagħhom.

5.   Fejn uffiċċju ta’ kollegament jew dipartiment ta’ kollegament jirċievi talba għal assistenza reċiproka li tirrikjedi azzjoni barra mill-kompetenza mogħtija lilu, huwa għandu jibgħat it-talba mingħajr dewmien lill-uffiċċju jew id-dipartiment kompetenti, jekk dan ikun magħruf, jew lill-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament, u jinforma lill-awtorità applikanti b’dan.

6.   L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha tinforma lill-Kummissjoni bl-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament ta’ dak l-Istat Membru u bi kwalunkwe uffiċċju ta’ kollegament jew dipartiment ta’ kollegament li tkun għażlet. Il-Kummissjoni għandha tpoġġi l-informazzjoni li tirċievi għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

7.   Kull komunikazzjoni għandha tintbagħat mill-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament jew f’ismu jew, fuq bażi ta’ każ b’każ, bil-qbil ta’ dan l-uffiċċju, li għandu jiżgura l-effettività tal-komunikazzjoni.

KAPITOLU II

SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI

Artikolu 5

Talba għall-informazzjoni

1.   Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni li hija prevedibbilment rilevanti għall-awtorità applikanti fl-irkupru tat-talbiet tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 2.

Għall-fini tal-għoti ta’ din l-informazzjoni, l-awtorità rikjesta għandha torganizza t-twettiq ta’ kwalunkwe indaġni amminstrattiva meħtieġa biex tinkiseb din l-informazzjoni.

2.   L-awtorità rikjesta m’għandhiex tkun obbligata tipprovdi informazzjoni:

(a)

li ma tkunx tista’ tikseb bl-iskop li tirkupra talbiet simili li jinqalgħu fl-Istat Membru rikjest;

(b)

li tkun tiżvela xi sigrieti kummerċjali, industrijali jew professjonali;

(c)

li l-iżvelar tagħha jista’ jippreġudika s-sigurtà ta’ jew imur kontra l-politika pubblika tal-Istat Membru rikjest.

3.   Il-paragrafu 2 m’għandu fl-ebda każ jinftiehem li jippermetti li awtorità rikjesta ta’ Stat Membru tirrifjuta li tforni l-informazzjoni biss minħabba li din l-informazzjoni tkun tinżamm minn bank, istituzzjoni finanzjarja oħra, persuna nominata jew persuna li taġixxi fil-kapaċità ta’ aġenzija jew kapaċità fiduċjarja jew minħabba li tirrelata ma’ interessi proprjetarji f’persuna.

4.   L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti bir-raġuni li għaliha tkun ċaħdet xi talba għal informazzjoni.

Artikolu 6

Skambju ta’ informazzjoni mingħajr talba minn qabel

Fejn rifużjoni ta’ taxxi jew dazji, minbarra t-taxxa fuq il-valur miżjud, tirrigwarda persuna stabbilita jew residenti fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru minn fejn għandha ssir ir-rifużjoni jista’ jinforma lill-Istat Membru tal-istabbiliment jew tar-residenza bir-rifużjoni li tkun ġejja.

Artikolu 7

Preżenza f’uffiċċji amministrattivi u parteċipazzjoni f’indaġnijiet amministrattivi

1.   Bi ftehim bejn l-awtorità applikanti u l-awtorità rikjesta u f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti mill-awtorità rikjesta, uffiċjali awtorizzati mill-awtorità applikanti jistgħu, bl-għan li jippromwovu l-assistenza reċiproka prevista f’din id-Direttiva:

(a)

ikunu preżenti fl-uffiċċji fejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru rikjest iwettqu d-dmirijiet tagħhom;

(b)

ikunu preżenti waqt l-indaġnijiet amministrattivi mwettqa fit-territorju tal-Istat Membru rikjest;

(c)

jassistu lill-uffiċjali kompetenti tal-Istat Membru rikjest waqt il-proċedimenti fil-qorti f’dak l-Istat Membru.

2.   Sakemm dan ikun permess skont il-leġislazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest, il-ftehim imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 jista’ jipprevedi li uffiċjali tal-Istat Membru applikanti jistgħu jintervistaw lill-individwi u jeżaminaw ir-rekords.

3.   L-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità applikanti li jagħmlu użu mill-possibbiltajiet offruti mill-paragrafi 1 u 2 għandhom fi kwalunkwe ħin ikunu kapaċi jipproduċu l-awtorizzazzjoni bil-miktub fejn tidher l-identità u l-kariga uffiċjali tagħhom.

KAPITOLU III

ASSISTENZA GĦAN-NOTIFIKA TA’ DOKUMENTI

Artikolu 8

Talba għan-notifika ta’ ċerti dokumenti relatati ma’ talbiet

1.   Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tinnotifika lid-destinatarju bid-dokumenti kollha, inklużi dawk ta’ natura ġudizzjarja, li jkunu ġejjin mill-Istat Membru applikanti u li jkunu relatati ma’ talba kif imsemmi fl-Artikolu 2 jew mal-irkupru tagħha.

It-talba għan-notifika għandha tkun akkumpanjata minn formola standard li jkun fiha tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, l-indirizz u data oħra rilevanti għall-identifikazzjoni tad-destinatarju;

(b)

l-għan tan-notifika u l-perijodu li fih għandha ssir tali notifika;

(c)

deskrizzjoni tad-dokument mehmuż u n-natura u l-ammont tat-talba kkonċernata;

(d)

l-isem, l-indirizz u dettalji ta’ kuntatt oħra rigward:

(i)

l-uffiċċju responsabbli fir-rigward tad-dokument mehmuż, u, jekk differenti,

(ii)

l-uffiċċju fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni dwar id-dokument innotifikat jew dwar il-possibbiltajiet biex l-obbligu ta’ ħlas jiġi kkontestat.

2.   L-awtorità applikanti għandha tagħmel talba għal notifika skont dan l-artikolu biss meta ma tkunx tista’ tinnotifika f’konformità mar-regoli li jirregolaw in-notifika tad-dokument ikkonċernat fl-Istat Membru applikanti, jew fejn tali notifika tagħti lok għal diffikultajiet sproporzjonati.

3.   L-awtorità rikjesta għandha minnufih tgħarraf lill-awtorità applikanti bi kwalunkwe azzjoni meħuda dwar it-talba tagħha għan-notifika u, aktar minn hekk, bid-data tan-notifika tad-dokument lid-destinatarju.

Artikolu 9

Mezzi ta’ notifika

1.   L-awtorità rikjesta għandha tiżgura li n-notifika li ssir fl-Istat Membru rikjest issir f’konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi nazzjonali fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest.

2.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr ħsara għal kwalunkwe forma oħra ta’ notifika li tkun saret minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru applikanti f’konformità mar-regoli fis-seħħ f’dak l-Istat Membru.

Awtorità kompetenti stabbilita fl-Istat Membru applikanti tista’ tinnotifika kwalunkwe dokument direttament bil-posta reġistrata jew inkella bil-posta elettronika lil persuna ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

KAPITLU IV

MIŻURI TA’ IRKUPRU JEW TA’ PREKAWZJONI

Artikolu 10

Talba għall-irkupru

1.   Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tirkupra talbiet li huma s-suġġett ta’ strument li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti.

2.   Hekk kif l-awtorità applikanti ssir taf b’xi informazzjoni rilevanti relatata mas-suġġett li ta lok għat-talba għall-irkupru, hija għandha tgħaddiha lill-awtorità rikjesta.

Artikolu 11

Kondizzjonijiet li jirregolaw talba għall-irkupru

1.   L-awtorità applikanti ma tistax tagħmel talba għall-irkupru jekk u sakemm it-talba u/jew l-istrument li jippermetti l-infurzar tiegħu fl-Istat Membru applikanti jiġu kkontestati f’dak l-Istat Membru, għajr f’każijiet fejn japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(4).

2.   Qabel ma l-awtorità applikanti tagħmel talba għall-irkupru, għandhom jiġu applikati l-proċeduri xierqa ta’ rkupru li jkunu disponibbli fl-Istat Membru applikanti, għajr fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

fejn ikun ovvju li m’hemm l-ebda assi għall-irkupru fl-Istat Membru applikanti jew li dawn il-proċeduri mhumiex ser jirriżultaw fi ħlas totali tat-talba, u l-awtorità applikanti għandha informazzjoni speċifika li tindika li l-persuna kkonċernata jkollha assi fl-Istat Membru rikjest;

(b)

fejn ir-rikors għal tali proċeduri fl-Istat Membru applikanti jagħti lok għal diffikultà sproporzjonata.

Artikolu 12

Strument li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest u dokumenti oħra ta’ akkumpanjament

1.   Kwalunkwe talba għall-irkupru għandha tkun akkumpanjata minn strument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest.

Dan l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest għandu jirrifletti l-kontenuti sostanzjali tal-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar, u jikkostitwixxi l-unika bażi għall-miżuri ta’ rkupru u ta’ prekawzjoni li jittieħdu fl-Istat Membru rikjest. Dan m’għandux ikun soġġett għal kwalunkwe att ta’ rikonoxximent, ta’ supplement jew ta’ sostituzzjoni f’dak l-Istat Membru.

L-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar għandu jkun fih tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni rilevanti għall-identifikazzjoni tal-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar, deskrizzjoni tat-talba, inkluża n-natura tagħha, il-perijodu kopert mit-talba, kwalunkwe dati ta’ rilevanza għall-proċess tal-infurzar, u l-ammont tat-talba u l-komponenti differenti tagħha bħal dak prinċipali, l-imgħax akkumulat, eċċ;

(b)

l-isem u data oħra rilevanti għall-identifikazzjoni tad-debitur;

(c)

l-isem, l-indirizz u dettalji ta’ kuntatt oħra rigward:

(i)

l-uffiċċju responsabbli għall-valutazzjoni tat-talba, u, jekk differenti,

(ii)

l-uffiċċju fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni dwar it-talba jew il-possibbiltajiet biex l-obbligu ta’ ħlas jiġi kkontestat.

2.   Ir-rikjesta għall-irkurpru ta’ talba tista’ tkun akkumpanjata minn dokumenti oħra relatati mat-talba maħruġa fl-Istat Membru applikanti.

Artikolu 13

Eżekuzzjoni tat-talba għall-irkupru

1.   Għall-fini tal-irkupru fl-Istat Membru rikjest, kwalunkwe talba li għaliha tkun saret rikjesta għall-irkupru għandha tiġi ttrattata daqslikieku kienet talba tal-Istat Membru rikjest, għajr fejn huwa pprovdut mod ieħor f’din id-Direttiva. L-awtorità rikjesta għandha tagħmel użu mis-setgħat u l-proċeduri pprovduti taħt il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istat Membru rikjest li japplikaw għal talbiet li jikkonċernaw l-istess taxxa jew dazju, jew fin-nuqqas ta’ dawn, taxxi jew dazji simili, għajr fejn huwa pprovdut mod ieħor f’din id-Direttiva.

Jekk l-awtorità rikjesta tqis li l-istess taxxi jew dazji jew oħrajn simili ma jiġux imposti fit-territorju tiegħu, għandħa tagħmel użu mis-setgħat u l-proċeduri pprovduti lilha taħt il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istat Membru rikjest li japplikaw għal talbiet dwar it-taxxa imposta fuq id-dħul personali, għajr fejn huwa pprovdut mod ieħor f’ din id-Direttiva.

L-Istat Membru rikjest m’għandux ikun obbligat li jagħti lit-talbiet ta’ Stati Membri oħrajn il-preferenzi li jagħti lil talbiet simili li jirriżultaw f’dak l-Istat Membru, għajr fejn huwa maqbul mod ieħor bejn l-Istati Membri kkonċernati jew previst fil-liġi tal-Istat Membru rikjest. Stat Membru li jagħti l-preferenzi lit-talbiet ta’ Stat Membru ieħor ma jistax jirrifjuta li jagħti l-istess preferenzi lill-istess talbiet jew lil dawk simili ta’ Stati Membri oħrajn bl-istess kondizzjonijiet.

L-Istat Membru rikjest għandu jirkupra t-talba fil-munita tiegħu stess.

2.   L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti b’diliġenza dovuta bi kwalunkwe azzjoni li tkun ħadet dwar it-talba għall-irkupru.

3.   Sa mid-data minn meta tiġi rċevuta t-talba għall-irkupru, l-awtorità rikjesta għandha żżomm imgħax fuq ħlas li jsir tard f’konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest.

4.   L-awtorità rikjesta tista’, safejn jippermettu l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest, tagħti lid-debitur żmien sabiex iħallas jew inkella tawtorizza l-ħlas bin-nifs u tista’ żżomm imgħax f’dak ir-rigward. Hija għandha sussegwentement tgħarraf lill-awtorità applikanti b’kwalunkwe deċiżjoni bħal din.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20(1), l-awtorità rikjesta għandha tibgħat lill-awtorità applikanti l-ammonti rkuprati fir-rigward tat-talba u l-imgħax imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 14

Tilwim

1.   Tilwim dwar it-talba, l-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti jew l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest u tilwim dwar il-validità ta’ notifika li tkun saret minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru applikanti għandhom jaqgħu taħt il-kompetenza tal-korpi kompetenti tal-Istat Membru applikanti. Jekk, waqt il-proċess tal-proċedura tal-irkupru, it-talba, l-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti jew l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest jiġi kkonstestat minn parti interessata, l-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lil dik il-parti li din tal-aħħar għandha tressaq it-tali azzjoni quddiem il-korp kompetenti tal-Istat Membru applikanti f’konformità mal-liġijiet fis-seħħ hemmhekk.

2.   Tilwim dwar il-miżuri ta’ infurzar li jittieħdu fl-Istat Membru rikjest jew dwar il-validità ta’ notifika li tkun saret minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest għandhom jitressqu quddiem il-korp kompetenti ta’ dak l-Istat Membru skont il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

3.   Meta azzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 tkun tressqet quddiem il-korp kompetenti tal-Istat Membru applikanti, l-awtorità applikanti għandha tgħarraf lill-awtorità rikjesta dwar dan u għandha tindika safejn it-talba mhix ikkontestata.

4.   Hekk kif l-awtorità rikjesta tkun irċeviet l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jew mill-awtorità applikanti jew mill-parti interessata, hija għandha tissospendi l-proċedura ta’ infurzar, safejn tikkonċerna parti kkontestata tat-talba, sakemm tinqata’ d-deċiżjoni tal-korp kompetenti fil-kwistjoni, għajr meta l-awtorità applikanti titlob mod ieħor f’konformità mat-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, jew fejn jitqies meħtieġ mod ieħor mill-awtorità rikjesta, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, l-awtorità rikjesta tista’ tieħu miżuri ta’ prekawzjoni biex tiggarantixxi l-irkupru safejn il-liġijiet jew ir-regolamenti fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest jippermettu azzjoni bħal din.

L-awtorità applikanti tista’, f’konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru applikanti, titlob lill-awtorità rikjesta biex tirkupra talba kkontestata jew il-parti kkontestata ta’ talba, safejn azzjoni bħal din hija permessa mil-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi rilevanti fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest. Kwalunkwe talba ta’ dan it-tip għandha tkun iġġustifikata. Jekk ir-riżultat tal-kontestazzjoni jkun sussegwentement favorevoli għad-debitur, l-awtorità applikanti għandha tkun responsabbli għar-rimborż ta’ kull somma rkuprata, flimkien ma’ kull kumpens dovut, b’mod konformi mal-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru applikanti jew l-Istat Membru rikjest ikunu nedew proċedura ta’ ftehim reċiproku, u l-eżitu tal-proċedura jista’ jaffettwa t-talba li għaliha ntalbet l-assistenza, il-miżuri ta’ rkupru għandhom jiġu sospiżi jew jitwaqqfu sakemm dik il-proċedura tkun intemmet, sakemm ma tikkonċernax każ ta’ urġenza immedjata minħabba frodi jew insolvenza. Jekk il-miżuri ta’ rkupru jiġu sospiżi jew jitwaqqfu, għandu japplika t-tieni subparagrafu.

Artikolu 15

Emenda jew tneħħija tat-talba għal assistenza għall-irkupru

1.   L-awtorità applikanti għandha tgħarraf lill-awtorità rikjesta immedjatament b’kull emenda sussegwenti fuq it-talba tagħha għall-irkupru jew għat-tneħħija fuq rikjesta tagħha stess, billi tindika r-raġunijiet għall-emenda jew għat-tneħħija.

2.   Jekk l-emenda tat-talba tkun ikkawżata minn deċiżjoni tal-korp kompetenti msemmi fl-Artikolu 14(1), l-awtorità applikanti għandha tikkomunika din id-deċiżjoni flimkien ma’ strument uniformi rivedut li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest. L-awtorità rikjesta għandha mbagħad tipproċedi bil-miżuri addizzjonali ta’ rkupru abbażi tal-istrument rivedut.

Il-miżuri ta’ rkupru jew ta’ prekawzjoni li jkunu diġà ttieħdu abbażi tal-istrument uniformi oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest jistgħu jitkomplew abbażi tal-istrument rivedut, sakemm l-emenda tat-talba ma ssirx minħabba l-invalidità tal-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti jew tal-istrument uniformi oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest.

L-Artikoli 12 u 14 għandhom japplikaw fir-rigward tal-istrument rivedut.

Artikolu 16

Talba għal miżuri ta’ prekawzjoni

1.   Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tieħu miżuri ta’ prekawzjoni, jekk permessa bil-liġi nazzjonali tagħha u f’konformità mal-prassi amministrattivi tagħha, biex tiżgura l-irkupru meta talba jew l-istrument li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti huwa kkontestat fiż-żmien meta ssir it-talba, jew meta t-talba li għadha mhix is-suġġett ta’ strument li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti, safejn miżuri ta’ prekawzjoni huma wkoll possibbli, f’sitwazzjoni simili, skont il-liġi nazzjonali u l-prattiki amministrattivi tal-Istat Membru applikanti.

Id-dokument imfassal biex jippermetti miżuri ta’ prekawzjoni fl-Istat Membru applikanti u li huwa relatat mat-talba li għaliha qed tintalab l-assistenza reċiproka, fejn meħtieġ, għandu jiġi mehmuż mat-talba għal miżuri ta’ prekawzjoni fl-Istat Membu rikjest. Dan id-dokument m’għandu jkun soġġett għall-ebda att ta’ rikonoxximent, ta’ suppliment jew ta’ sostituzzjoni fl-Istat Membru rikjest.

2.   It-talba għall-miżuri ta’ prekawzjoni tista’ tkun akkumpanjata minn dokumenti oħra relatati mat-talba, maħruġa fl-Istat Membru applikanti.

Artikolu 17

Regoli li jirregolaw it-talba għal miżuri ta’ prekawzjoni

Sabiex jingħata effett lill-Artikolu 16, l-Artikoli 10(2), 13(1) u (2), 14, u 15 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 18

Limiti għall-obbligi tal-awtorità rikjesta

1.   L-awtorità rikjesta m’għandhiex tkun obbligata li tagħti l-assistenza prevista fl-Artikoli 10 sa 16 jekk l-irkupru tat-talba, minħabba s-sitwazzjoni tad-debitur, jikkawża diffikultajiet ekonomiċi jew soċjali serji fl-Istat Membru rikjest, safejn il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi fis-seħħ f’dak l-Istat Membru jippermettu tali eċċezzjoni fil-każ ta’ talbiet nazzjonali.

2.   L-awtorità rikjesta m’għandhiex tkun obbligata tagħti l-assistenza prevista fl-Artikoli 5 u 7 sa 16, jekk it-talba inizjali għal assistenza skont l-Artikoli 5, 7, 8, 10 jew 16 issir fir-rigward ta’ talbiet li jkunu ilhom aktar minn ħames snin, mid-data dovuta tat-talba fl-Istat Membru applikanti sad-data tat-talba inizjali għal assistenza.

Madankollu, f’każijiet fejn it-talba jew l-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti jiġu kkontestati, il-perijodu ta’ ħames snin għandu jitqies li jibda mill-mument meta jiġi stabbilit fl-Istat Membru applikanti li t-talba jew l-istrument li jippermetti l-infurzar ma jistax jiġi kkontestat aktar.

Barra minn hekk, f’każijiet meta jingħata posponiment tal-pagament jew tal-pjan ta’ ħlas bin-nifs mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru applikanti, il-perijodu ta’ ħames snin għandu jitqies li jibda mill-mument meta jkun intemm il-perijodu sħiħ tal-ħlas.

Madankollu, f’dawk il-każijiet l-awtorità rikjesta m’għandhiex tkun obbligata tagħti l-assistenza fir-rigward ta’ talbiet li għandhom aktar minn għaxar snin, mid-data dovuta tat-talba fl-Istat Membru applikanti.

3.   Stat Membru m’għandux ikun obbligat li jagħti assistenza jekk l-ammont totali tat-talbiet koperti b’din id-Direttiva, li għalih hija mitlub l-assistenza, ikun inqas minn EUR 1 500.

4.   L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti bir-raġunijiet għaliex tkun ċaħdet xi talba għal assistenza.

Artikolu 19

Kwistjonijiet ta’ preskrizzjoni

1.   Kwistjonijiet dwar perijodi ta’ preskrizzjoni għandhom ikunu rregolati biss mil-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru applikanti.

2.   Rigward is-sospensjoni, l-interruzzjoni jew it-titwil tal-perijodi ta’ preskrizzjoni, kull pass li jittieħed fl-irkurpu ta’ talbiet minn jew f’isem l-awtorità rikjesta fir-rigward ta’ talba għal assistenza li għandu l-effett li jissospendi, jinterrompi jew itawwal il-perijodu ta’ preskrizzjoni skont il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest, għandu jitqies li għandu l-istess effett fl-Istat Membru applikanti, bil-kondizzjoni li jkun previst l-effett korrispondenti skont il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru applikanti.

Jekk is-sospensjoni, l-interruzzjoni jew it-titwil tal-perijodu ta’ preskrizzjoni ma jkunux possibbli skont il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest, kull pass li jittieħed fl-irkurpu ta’ talbiet minn jew f’isem l-awtorità rikjesta fir-rigward ta’ talba għal assistenza li, jekk ikun twettaq minn jew f’isem l-awtorità applikanti fl-Istat Membru tagħha, kien ikollu l-effett li jissospendi, jinterrompi jew itawwal il-perijodu ta’ preskrizzjoni skont il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru applikanti għandu jitqies li jkun ittieħed fl-Istat tal-aħħar, safejn huwa kkonċernat dak l-effett.

L-ewwel u t-tieni subparagrafi m’għandhomx jaffettwaw id-dritt tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru applikanti li jieħdu miżuri biex jissospendu, jinterrompu jew itawlu l-perijodu ta’ preskrizzjoni f’konformità mal-liġijiet fis-seħħ f’dak l-Istat Membru.

3.   L-awtorità applikanti u l-awtorità rikjesta għandhom jgħarrfu lil xulxin bi kwalunkwe azzjoni li tinterrompi, tissospendi jew ittawwal il-perijodu ta’ preskrizzjoni tat-talba li għaliha ntalbu l-miżuri ta’ rkupru jew ta’ prekawzjoni, jew li jista’ jkollha dan l-effett.

Artikolu 20

Spejjeż

1.   Minbarra l-ammonti msemmija fl-Artikolu 13(5), l-awtorità rikjesta għandha tfittex li tirkupra mill-persuna kkonċernata u żżomm l-ispejjeż marbuta mal-irkupru li hi tkun ġarrbet, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Membru rikjest.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw il-talbiet kollha li jkollhom fuq xulxin għar-rimborż tal-ispejjeż li jirriżultaw minn kwalunkwe assistenza reċiproka li huma jagħtu lil xulxin skont din id-Direttiva.

Madankollu, fejn l-irkupru joħloq problema speċifika, jinvolvi ammont kbir ħafna fi spejjeż jew fejn huwa relatat mal-kriminalità organizzata, l-awtoritajiet applikanti u rikjesti jistgħu jiftiehmu dwar arranġamenti speċifiċi ta’ rimborż għall-każijiet inkwistjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, l-Istat Membru applikanti għandu jibqa’ responsabbli fil-konfront tal-Istat Membru rikjest għal kwalunkwe spiża u telf imġarrba bħala riżultat ta’ azzjonijiet meqjusa bħala mhux iġġustifikati, safejn huma kkonċernati s-sustanza tat-talba jew il-validità tal-istrument li jippermetti l-infurzar u/jew il-miżuri ta’ prekawzjoni maħruġa mill-awtorità applikanti.

KAPITOLU V

REGOLI ĠENERALI LI JIRREGOLAW KULL TIP TA’ TALBA GĦALL-ASSISTENZA

Artikolu 21

Formoli standard u mezzi ta’ komunikazzjoni

1.   It-talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 5(1), it-talbiet għal notifika skont l-Artikolu 8(1), it-talbiet għall-irkupru skont l-Artikolu 10(1) jew it-talbiet għal miżuri ta’ prekawzjoni skont l-Artikolu 16(1) għandhom jintbagħtu b’mezzi elettroniċi, bl-użu ta’ formola standard, sakemm dan ma jkunx prattiku għal raġunijiet tekniċi. Safejn ikun possibbli, dawn il-formoli għandhom jintużaw ukoll għal kwalunkwe komunikazzjoni addizzjonali fir-rigward tat-talba.

L-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest, id-dokument li jippermetti l-miżuri ta’ prekawzjoni fl-Istat Membru applikanti u d-dokumenti l-oħra msemmija fl-Artikoli 12 u 16, għandhom ukoll jintbagħtu b’mezzi elettroniċi, sakemm dan ma jkunx prattiku għal raġunijiet tekniċi.

Fejn adatt, il-formoli standard jistgħu jkunu akkumpanjati minn rapporti, dikjarazzjonijiet u kwalunkwe dokument ieħor, jew kopji ċċertifikati jew estratti ta’ dawn, li għandhom ukoll jintbagħtu b’mezzi elettroniċi, sakemm dan ma jkunx prattiku għal raġunijiet tekniċi.

Il-formoli standard u l-komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi jistgħu wkoll jintużaw għall-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 6.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni miksuba permezz tal-preżenza fl-uffiċċji amministrattivi fi Stat Membru ieħor jew permezz tal-parteċipazzjoni f’indaġnijiet amministrattivi fi Stat Membru ieħor, f’konformità mal-Artikolu 7.

3.   Jekk il-komunikazzjoni ma ssirx permezz ta’ mezzi elettroniċi jew bl-użu ta’ formoli standard, dan m’għandux jaffettwa l-validità tal-informazzjoni miksuba jew tal-miżuri li jittieħdu fl-eżekuzzjoni ta’ talba għall-assistenza.

Artikolu 22

Użu tal-lingwi

1.   It-talbiet għall-assistenza, il-formoli standard għan-notifika u l-istrumenti uniformi kollha li jippermettu l-infurzar fl-Istati Membri rikjesti għandhom jintbagħtu fil-lingwa uffiċjali jew ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali, jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali, tal-Istat Membru rikjest. Il-fatt li ċerti partijiet minnhom ikunu miktubin f’lingwa differenti mil-lingwa uffiċjali, jew xi waħda mil-lingwi uffiċjali, tal-Istat Membru rikjest, m’għandhiex taffettwa l-validità tagħhom jew il-validità tal-proċedura, sakemm dik il-lingwa l-oħra tkun waħda maqbula bejn l-Istati Membri kkonċernati.

2.   Id-dokumenti li għalihom tintalab notifika skont l-Artikolu 8 jistgħu jintbagħtu lill-awtorità rikjesta f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru applikanti.

3.   Meta talba tiġi akkumpanjata minn dokumenti għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-awtorità rikjesta tista’, fejn meħtieġ, tirrikjedi mill-awtorità applikanti traduzzjoni ta’ tali dokumenti fil-lingwa uffiċjali, jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru rikjest, jew fi kwalunkwe lingwa oħra maqbula bilateralment bejn l-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 23

Żvelar ta’ informazzjoni u dokumenti

1.   L-informazzjoni kkomunikata fi kwalunkwe forma skont din id-Direttiva għandha tkun koperta bl-obbligu ta’ segretezza uffiċjali u tgawdi mill-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li rċevieha.

Tali informazzjoni tista’ tintuża għall-fini li jiġu applikati l-infurzar jew il-miżuri ta’ prekawzjoni fir-rigward ta’ talbiet koperti minn din id-Direttiva. Tista’ tintuża wkoll għall-valutazzjoni u l-infurzar ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali.

2.   Il-persuni debitament akkreditati mill-Awtorità ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea jistgħu jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni biss safejn din tkun meħtieġa għall-kura, għall-manutenzjoni u għall-iżvilupp tan-netwerk CCN.

3.   L-Istat Membru li jkun qiegħed jipprovdi l-informazzjoni għandu jippermetti l-użu tagħha għal finijiet oħra minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fl-Istat Membru li jkun qiegħed jirċievi l-informazzjoni, jekk, skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li jkun qiegħed jipprovdi l-informazzjoni, l-informazzjoni tista’ tintuża għal finijiet simili.

4.   Meta l-awtorità applikanti jew dik rikjesta tqis li l-informazzjoni miksuba skont din id-Direttiva x’aktarx li tkun utli għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għal Stat Membru terz, hija tista’ tittrasmetti dik l-informazzjoni lill-Istat Membru terz, bil-kondizzjoni li din it-trasmissjoni tkun f’konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti f’din id-Direttiva. Hija għandha tinforma lill-Istat Membru tal-oriġini bl-informazzjoni dwar l-intenzjoni tagħha li tikkondividi dik l-informazzjoni ma’ Stat Membru terz. L-Istat Membru tal-oriġini tal-informazzjoni jista’ jopponi din il-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mid-data li fiha jkun irċieva l-komunikazzjoni mill-Istat Membru li jkun jixtieq jikkondividi l-informazzjoni.

5.   Il-permess biex tintuża informazzjoni skont il-paragrafu 3 li tkun ġiet trasmessa skont il-paragrafu 4 jista’ jingħata biss mill-Istat Membru li minnu toriġina l-informazzjoni.

6.   L-informazzjoni kkomunikata fi kwalunkwe forma skont din id-Direttiva tista’ tiġi invokata jew użata bħala evidenza mill-awtoritajiet kollha fl-Istat Membru li jirċievi l-informazzjoni fuq l-istess bażi bħal informazzjoni simili miksuba f’dak l-Istat.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

Applikazzjoni ta’ ftehimiet oħra dwar l-assistenza

1.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ kwalunkwe obbligu sabiex tiġi pprovduta assistenza aktar wiesgħa li tirriżulta minn ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali, inkluż għan-notifika ta’ atti ġuridiċi jew extra-ġuridiċi.

2.   Meta l-Istati Membri jikkonkludu tali ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali dwar kwistjonijiet oħra koperti b’din id-Direttiva minbarra t-trattament ta’ każijiet individwali, huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

3.   Meta jipprovdu għajnuna reċiproka ta’ dan il-qies akbar taħt ftehim jew arranġament bilaterali jew multilaterali, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu min-netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika u l-formoli standard adottati għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 25

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Irkupru.

2.   Fil-każ li ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu msemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

Artikolu 26

Dispożizzjonijiet implimentattivi

Il-Kummissjoni għandha tadotta, f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2), regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 4(2), (3) u (4), l-Artikolu 5(1), l-Artikoli 8, 10, 12(1), l-Artikolu 13(2), (3), (4) u (5), l-Artikoli 15, 16(1) u 21(1).

Dawn ir-regoli għandhom tal-anqas ikun relatati ma’ dan li ġej:

(a)

l-arranġamenti prattiċi fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-kuntatti bejn l-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament, l-uffiċċji ta’ kollegament u d-dipartimenti ta’ kollegament l-oħrajn, imsemmija fl-Artikolu 4(2), (3) u (4), ta’ Stati Membri differenti, u l-kuntatti mal-Kummissjoni;

(b)

il-mezzi li permezz tagħhom jistgħu jiġu trasmessi l-komunikazzjonijiet bejn l-awtoritajiet;

(c)

il-format u dettalji oħrajn tal-formoli standard li għandhom jintużaw għall-finijiet tal-Artikolu 5(1), l-Artikoli 8, 10(1), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 16(1);

(d)

il-konverżjoni tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati u t-trasferiment tal-ammonti rkuprati.

Artikolu 27

Rappurtar

1.   Kul Stat Membru għandu kull sena u sal-31 ta’ Marzu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

(a)

l-għadd ta’ talbiet għal informazzjoni, notifika u rkupru jew għal miżuri ta’ prekawzjoni li jibgħat lil kull Stat Membru rikjest u li jirċievi kull sena minn kull Stat Membru applikanti;

(b)

l-ammont tat-talbiet li għalihom tintalab l-assistenza għall-irkupru u l-ammonti rkuprati.

2.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ tkun utli għall-evalwazzjoni tal-għoti tal-assistenza reċiproka taħt din id-Direttiva.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport kull ħames snin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim tal-arranġamenti stabbiliti minn din id-Direttiva.

Artikolu 28

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jaddottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2012.

Meta dawk id-dispożizzjonijiet jiġu adottati mill-Istati Membri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha ssir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 29

Tħassir tad-Direttiva 2008/55/KE

Id-Direttiva 2008/55/KE hija mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 31

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)  L-Opinjoni tal-10 ta’ Frar 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni tas-16 ta’ Lulju 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 73, 19.3.1976, p. 18.

(4)  ĠU L 150, 10.6.2008, p. 28.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


Top