This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0788
Council Decision 2010/788/CFSP of 20 December 2010 concerning restrictive measures against the Democratic Republic of the Congo and repealing Common Position 2008/369/CFSP
Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal- 20 ta’ Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK
Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal- 20 ta’ Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK
ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30–42
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/07/2024
21.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 336/30 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/788/PESK
tal-20 ta’ Diċembru 2010
dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fl-14 ta' Mejju 2008, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (1) wara l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fil-31 ta' Marzu 2008 tar-Riżoluzzjoni 1807 (2008) (“UNSCR 1807 (2008)”). |
(2) |
Fl-1 ta' Diċembru 2010, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1533 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR 1533 (2004)”) emenda l-lista ta' persuni u entitajiet li kienu soġġetti għal miżuri restrittivi. |
(3) |
Il-proċedura biex jiġi emendat l-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha tinkludi l-għoti, lill-persuni u l-entitajiet magħżula, tar-raġunijiet għall-elenkar sabiex tingħatalhom l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet. Fejn jintbagħtu osservazzjonijiet jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jerġa’ jeżamina d-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta' dawk l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata kif meħtieġ. |
(4) |
Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u notevolment id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata f'konformità ma' dawk id-drittijiet u prinċipji. |
(5) |
Din id-Deċiżjoni tirrispetta bis-sħiħ ukoll l-obbligi tal-Istati Membri skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u n-natura legalment vinkolanti tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà. |
(6) |
Il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK għandha għalhekk titħassar u tiġi sostitwita b’din id-Deċiżjoni. |
(7) |
Il-miżuri implimentattivi tal-Unjoni huma mniżżla fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 889/2005 tat-13 ta' Ġunju 2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 tat-18 ta' Lulju 2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi ristrettivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (3), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' armi u kwalunkwe materjal relatat ta' kull tip, direttament jew indirettament, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet ta' rikambju għal dak imsemmi qabel lill-entitajiet kollha mhux governattivi u lill-individwi li joperaw fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) minn ċittadini ta' Stati Membri jew mit-territorji ta' Stati Membri, jew bl-użu ta' bastimenti jew inġenji tal-ajru li jużaw il-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom kif ukoll jekk le.
2. Għandu wkoll ikun ipprojbit li:
(a) |
jingħataw, jinbiegħu, isir forniment jew trasferiment ta' għajnuna teknika, servizzi ta' senserija u servizzi oħrajn relatati ma' attivitajiet militari u mal-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armi u materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u partijiet ta' rikambju għal dak imsemmi qabel, direttament jew indirettament lill-entitajiet kollha mhux governattivi u lill-individwi kollha li joperaw fit territorju tar-RDK; |
(b) |
jingħata finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatata ma' attivitajiet militari, inkluż b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi jew materjal relatat, jew għal kwalunkwe għotja, bejgħ, provvista, jew trasferiment ta' għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija u servizzi oħrajn, direttament jew indirettament lill-entitajiet mhux governattivi u l-individwi kollha li joperaw fit-territorju tar-RDK. |
Artikolu 2
1. L-Artikolu 1 m’għandux japplika għal:
(a) |
il-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' armi u kwalunkwe materiel relatat jew l-għoti ta' għajnuna teknika, servizzi ta' senserija finanzjarja u servizzi oħrajn relatati mal-armi u materjal relatat maħsubin biss għas-sostenn ta' jew l-użu mill-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-RDK (MONUC); |
(b) |
il-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' lbies protettiv, inklużi ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn ir-RDK minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, rappreżentanti tal-mezzi tax-xandir u ħaddiema umanitarji u fil-qasam tal-iżvilupp u persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss; |
(c) |
il-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' tagħmir militari non-letali maħsub biss għall-użu umanitarju jew protettiv, jew l-għoti ta' għajnuna u taħriġ tekniku, relatati ma' tali tagħmir non-letali. |
2. Il-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' armi u ta' kwalunkwe materjal relatat jew l-għoti ta' servizzi jew għajnuna u taħriġ tekniku msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.
3. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit skont il-UNSCR 1533 (2004) (Kumitat tas-Sanzjonijiet) notifika minn qabel ta' kull kunsinna ta' armi u materjal relatat għar-RDK, jew b’kwalunkwe għoti ta' għajnuna teknika, finanzjarja, servizzi ta' senserija u servizzi oħrajn relatati ma' attivitajiet militari fir-RDK, minbarra dawk imsemmijin fil-paragrafi 1 (a) u (b). Tali notifika għandu jkun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha, inkluż, fejn xieraq, l-utent aħħari, id-data proposta għall-kunsinna u l-itinerarju ta' kunsinni bil-baħar.
4. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kunsinni taħt il-paragrafu 1 fuq bażi ta' każ b’każ, b’kont sħiħ meħud tal-kriterji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (4). L-Istati Membri għandhom jeħtieġu salvagwardji adegwati kontra l-użu ħażin tal-awtorizzazzjonijiet mogħtijin skont il-paragrafu 2 u, fejn ikun adatt, jieħdu provvedimenti għar-ripatrijazzjoni tal-armi u l-materjal relatat ikkonsenjati.
Artikolu 3
Il-miżuri restrittivi kif previsti fl-Artikoli 4(1) u 5(1) u (2) għandhom jiġu imposti kontra l-persuni u, kif ikun adatt, l-entitajiet, indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li ġejjin:
— |
persuni jew entitajiet li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi u l-miżuri relatati kif imsemmijin fl-Artikolu 1, |
— |
mexxejja politiċi u militari ta' gruppi armati barranin li joperaw fir-RDK li jimpedixxu d-diżarmament u r-ripatrijazzjoni volontarja jew is-sistemazzjoni mill-ġdid tal-kombattenti li jagħmlu parti minn dawk il-gruppi, |
— |
mexxejja politiċi u militari ta' milizzji Kongoliżi li jirċievu appoġġ minn barra r-RDK, li jimpedixxu l-parteċipazzjoni tal-kombattenti tagħhom fil-proċessi tad-diżarmament, id-demobilitazzjoni u reintegrazzjoni, |
— |
mexxejja politiċi u militari li joperaw fir-RDK u jirreklutaw jew jużaw it-tfal f’konflitti armati bi ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli, |
— |
individwi li joperaw fir-RDK u jwettqu ksur serju tal-liġi internazzjonali li jinvolvi li jkunu mmirati tfal jew nisa f’sitwazzjonijiet ta' konflitt armat, inklużi qtil u mankament, vjolenza sesswali, ħtif u spostament furzat, |
— |
individwi li jostakolaw l-aċċess għall-għajnuna umanitarja jew id-distribuzzjoni tagħha fil-parti tal-Lvant tar-RDK, |
— |
individwi jew entitajiet li jappoġġaw lill-gruppi armati illegali fil-parti tal-Lvant tar-RDK permezz tal-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali. |
Il-persuni u l-entitajiet rilevanti huma elenkati fl-Anness.
Artikolu 4
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, tal-persuni msemmijin fl-Artikolu 3.
2. Il-paragrafu 1 m'għandux jobbliga lil Stat Membru li jiċħad id-dħul taċ-ċittadini tiegħu stess fit-territorju tiegħu.
3. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika meta l-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
(a) |
jiddetermina minn qabel u fuq bażi ta' każ b’każ li d-dħul jew it-transitu ikun ġustifikat għal raġunijiet ta' bżonn umanitarju, inkluż obbligu reliġjuż, |
(b) |
jikkonkludi li eżenzjoni tkun qed tiffavorixxi l-objettivi tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà, jiġifieri l-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali fir-RDK u l-istabbiltà fir-reġjun, |
(c) |
jawtorizza minn qabel u fuq bażi ta' każ b’każ it-transitu ta' individwi li sejrin lura lejn it-territorju tal-Istat tan-nazzjonalità tagħhom jew li qed jieħdu sehem fi sforzi biex jitressqu lejn il-ġustizzja persuni li wettqu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-liġi umanitarja internazzjonali. |
4. F’każijiet fejn, skont il-paragrafu 3, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-transitu minnu, ta' persuni indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih tingħata u għall-persuni konċernati minnha.
Artikolu 5
1. Il-fondi, l-assi finanzjarji l-oħrajn u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà ta' jew huma kkontrollati direttament jew indirettament mill-persuni jew l-entitajiet msemmijin fl-Artikolu 3 jew li huma fil-pussess ta' entitajiet li huma l-proprjetà ta' jew huma kkontrollati direttament jew indirettament minnhom jew minn kwalunkwe persuna jew entità li taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, kif identifikati fl-Anness, għandhom ikunu ffriżati.
2. Fl-ebda każ m'għandhom fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lill-persuni jew l-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 jew għall-benefiċċju tagħhom.
3. L-Istati Membri jistgħu jippermettu eżenzjonijiet mill-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta' fondi, assi finanzjarji oħrajn u riżorsi ekonomiċi li huma:
(a) |
meħtieġa għal spejjeż bażiċi, inkluż ħlasijiet ta' oġġetti tal-ikel, kiri jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, premji tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet għal servizzi pubbliċi; |
(b) |
maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' onorarji professjonali raġonevoli u r-rimborż ta' spejjeż assoċjati mal-għoti ta' servizzi legali; |
(c) |
maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' onorarji jew kontijiet għal servizz, skont il-liġi nazzjonali, għal servizzi ta' rutina fiż-żamma jew il-manteniment ta' fondi ffriżati, jew assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra; |
(d) |
meħtieġa għal spejjeż straordinarji, wara notifika mill-Istat Membru konċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u approvazzjoni minn dan tal-aħħar; |
(e) |
is-suġġett ta' rahan jew sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, f’liema każ il-fondi, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi l-oħrajn jistgħu jintużaw biex jissodisfaw dak ir-rahan jew dik is-sentenza bil-kondizzjoni li r-rahan jew is-sentenza kienu ddaħħlu qabel l-inklużjoni mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-persuna jew l-entità kkonċernata, u mhix għall-benefiċċju ta' persuna jew entità msemmija fl-Artikolu 3, wara notifika mill-Istat Membru konċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet. |
4. L-eżenzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3(a), (b) u (c) jistgħu jsiru wara notifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet mill-Istati Membru konċernat tal-intenzjoni tiegħu li jawtorizza, fejn ikun adatt, l-aċċess għal tali fondi, assi finanzjarji oħrajn u riżorsi ekonomiċi, u fin-nuqqas ta' deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien erbat ijiem tax-xogħol minn tali notifika.
5. Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta’:
(a) |
imgħax jew introjti oħrajn fuq dawk il-kontijiet; jew |
(b) |
ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehim jew obbligi li ġew konklużi jew seħħew qabel id-data meta dawk il-kontijiet saru soġġetti għal miżuri restrittivi, |
bil-kondizzjoni li kull tali imgħax, qligħ u ħlasijiet oħrajn ikomplu jkunu soġġetti għall-paragrafu 1.
Artikolu 6
Il-Kunsill għandu jemenda l-lista li tinsab fl-Anness abbażi tad-determinazzjonijiet li jsiru mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.
Artikolu 7
1. Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenkaw persuna jew entità, il-Kunsill għandu jinkludi dik il-persuna jew entità fl-Anness. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, sabiex b'hekk tali persuna jew entità tingħata l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.
2. Fejn jintbagħtu osservazzjonijiet jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jerġa’ jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata kif meħtieġ.
Artikolu 8
1. L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet elenkati kif ipprovduti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet.
2. L-Anness għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li tkun meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward ta' persuni, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju. L-Anness għandu jinkludi wkoll id-data tal-inklużjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.
Artikolu 9
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta, emendata jew mħassra kif ikun adatt, kif iddeterminat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
Artikolu 10
Il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK hija b’dan imħassra.
Artikolu 11
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
J. SCHAUVLIEGE
(1) ĠU L 127, 15.5.2008, p. 84.
(2) ĠU L 152, 15.6.2005, p. 1.
(3) ĠU L 193, 23.7.2005, p. 1.
(4) ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.
ANNESS
a) |
Lista ta’ persuni msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5
|
b) |
Lista ta’ entitajiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4, u 5
|