EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0405

2010/405/: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 12 Lulju 2010 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali

ĠU L 189, 22.7.2010, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/405/oj

22.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-12 Lulju 2010

li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali

(2010/405/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 329(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talbiet magħmulin mir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Latvja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, Malta, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija u r-Repubblika tas-Slovenja,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

L-Unjoni għandha l-objettiv li żżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fih tiġi żgurata l-libertà ta’ moviment tal-persuni. Għall-istabbiliment progressiv ta’ dan l-ispazju, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili b’implikazzjonijiet transkonfini, partikolarment meta dan ikun meħtieġ għall-funzjonament adatt tas-suq intern.

(2)

Skont l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawk il-miżuri għandhom jinkludu l-promozzjoni tal-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri dwar il-konflitt tal-liġijiet, inklużi l-miżuri dwar il-liġi tal-familja b’implikazzjonijiet transkonfini.

(3)

Fis-17 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 fir-rigward tal-ġurisdizzjoni u l-introduzzjoni tar-regoli dwar il-liġi applikabbli fi kwistjonijiet matrimonjali (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament propost”).

(4)

Fil-laqgħa tiegħu tal-5 u s-6 ta’ Ġunju 2008 l-Kunsill adotta linji gwida politiċi li rreġistraw li ma kienx hemm l-unanimità biex jipproċedi bir-Regolament propost u li kienu jeżistu diffikultajiet li ma setgħux jintgħelbu, li jagħmluha impossibbli li tinkiseb unanimità kemm f’dak il-mument kif ukoll fil-futur prevedibbli. Huwa stabbilixxa li l-objettivi tar-Regolament propost ma setgħux jinkisbu f’perijodu ta’ żmien raġonevoli bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

(5)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Greċja, Spanja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Awstrija, ir-Rumanija u s-Slovenja indirizzaw talba lill-Kummissjoni permezz ta’ ittri datati t-28 ta’ Lulju 2008 fejn indikaw li kienu biħsiebhom jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli fi kwistjonijiet matrimonjali u li l-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għal dak il-għan. Il-Bulgarija indirizzat talba identika lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra datata t-12 ta’ Awwissu 2008. Franza ngħaqdet mat-talba permezz ta’ ittra datata t-12 ta’ Jannar 2009, il-Ġermanja permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ April 2010, il-Belġju permezz ta’ ittra datata t-22 ta’ April 2010, il-Latvja permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Mejju 2010, Malta permezz ta’ ittra datata l-31 ta’ Mejju 2010 u l-Portugall matul il-laqgħa tal-Kunsill tal-4 ta’ Ġunju 2010. Fit-3 ta’ Marzu 2010, il-Greċja rtirat it-talba tagħha. B’kollox, erbatax-il Stat Membru talbu l-kooperazzjoni msaħħa.

(6)

Il-kooperazzjoni msaħħa għandha tipprovdi qafas legali ċar u komprensiv fil-qasam tad-divorzju u tas-separazzjoni legali fl-Istati Membri parteċipanti u għandha tiżgura li jkun hemm soluzzjonijiet adatti għaċ-ċittadini f’termini ta’ ċertezza legali, prevedibbiltà u flessibbiltà u tevita li wieħed jgħaġġel biex jagħmel rikors il-qorti.

(7)

Il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 326 u 329 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma rispettati.

(8)

Il-qasam tal-kooperazzjoni msaħħa, jiġifieri l-liġi li tapplika għad-divorzju u s-separazzjoni legali, hija identifikata mill-Artikolu 81(2)(c) u l-Artikolu 81(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bħala wieħed mill-oqsma koperti mit-Trattati.

(9)

Ir-rekwiżit tal-aħħar għażla fl-Artikolu 20(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huwa rrispettat fis-sens li f’Ġunju 2008 l-Kunsill stabbilixxa li l-objettivi tar-Regolament propost ma jistgħux jitwettqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni sħiħa.

(10)

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u s-separazzjoni legali għandha l-għan li tiżviluppa l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfini, abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi, u li tiżgura l-kompatibbiltà tar-regoli li japplikaw għall-Istati Membri fir-rigward tal-konflitt tal-liġijiet. Għalhekk, hija tavvanza l-objettivi tal-Unjoni, tipproteġi l-interessi tagħha u ssaħħaħ il-proċess tal-integrazzjoni tagħha kif meħtieġ mill-Artikolu 20(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(11)

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali tikkonforma mat-Trattati u mal-liġi tal-Unjoni, u ma timminax is-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Hija ma tikkostitwixxix ostaklu għall-kummerċ jew diskriminazzjoni fih bejn l-Istati Membri u ma tfixkilx il-kompetizzjoni bejniethom.

(12)

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fiha. Ir-regoli komuni dwar il-konflitt tal-liġijiet fl-Istati Membri parteċipanti ma jaffettwawx ir-regoli tal-Istati Membri non-parteċipanti. Il-qrati tal-Istati Membri non-parteċipanti jkomplu japplikaw ir-regoli domestiċi eżistenti tagħhom dwar il-konflitt tal-liġijiet biex jiddeterminaw il-liġi li tapplika għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali.

(13)

B’mod partikolari, il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, fis-sens li l-kooperazzjoni msaħħa ma taffettwa l-ebda acquis preeżistenti.

(14)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet, il-prinċipji u l-libertajiet rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha.

(15)

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali hi miftuħa fi kwalunkwe żmien għall-Istati Membri kollha, f’konformità mal-Artikolu 328 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Latvja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, Malta, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija u r-Repubblika tas-Slovenja huma b’dan awtorizzati li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali, permezz tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LARUELLE


Top