Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0009

    2010/9/UE: Dċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Jannar 2010 dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal sedili tal-banju, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet u saqajn tagħhom għat-trabi u t-tfal iż-żgħar skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2009) 10290) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 3, 7.1.2010, p. 23–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/9(1)/oj

    7.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 3/23


    DĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-6 ta’ Jannar 2010

    dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal sedili tal-banju, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet u saqajn tagħhom għat-trabi u t-tfal iż-żgħar skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument numru C(2009) 10290)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2010/9/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u partikolarment l-Artikolu 4(1)(a) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2001/95/KE tipprevedi l-istandards Ewropej li għandhom jiġu stabbiliti mill-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni. Dawn l-istandards għandhom jiżguraw li l-prodotti jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali tad-Direttiva.

    (2)

    Skont id-Direttiva 2001/95/KE, prodott jitqies mingħajr periklu, sa fejn għandhom x’jaqsmu r-riskji u l-kategoriji ta’ riskji koperti mill-istandards nazzjonali, meta jkun konformi mal-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej.

    (3)

    Fl-2006 l-Kummissjoni kkummissjonat studju (2) biex tivverifika s-sikurezza ta’ bosta oġġetti ta’ kura tat-tfal li jintużaw spiss għall-kura tat-trabi u t-tfal iż-żgħar li għandhom bejn żero u ħames snin, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, korpi nazzjonali ta’ standardizzazzjoni, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, organizzazzjonijiet ta’ sikurezza tal-prodotti, operaturi ekonomiċi u laboratorji ta’ ttestjar.

    (4)

    Għal dawn il-prodotti, l-istudju ġabar statistika rilevanti fuq aċċidenti u korrimenti fl-UE u madwar id-dinja kollha u wettaq stima kompluta tar-riskju, abbażi ta’ identifikazzjoni tal-perikli ewlenin u valutazzjoni tax-xenarji ta’ espożizzjoni.

    (5)

    Sedili tal-banju, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet, kemm jekk bis-saqajn kif ukoll mingħajrhom, huma fost il-prodotti vvalutati mill-istudju. Dawn il-prodotti jintużaw biex jinħaslu t-trabi u t-tfal iż-żgħar u ġew identifikati li għandhom riskji serji, fil-biċċa l-kbira ta’ aċċidenti ta’ għarqa li spiss iwasslu għal mewt, minħabba l-età żgħira tal-utenti.

    (6)

    L-evidenza u l-istatistika miġbura mill-aċċidenti konsistentement urew li r-riskju ta’ għarqa huwa dovut għal twissijiet u struzzjonijiet insuffiċjenti, inkonklussivi u li ma jagħtux fil-għajn dwar l-użu bla periklu ta’ prodotti u minħabba l-integrità u r-reżistenza strutturali dgħajfa. Aċċidenti u l-istatistika żvelaw ukoll riskji ta’ waqgħat, korrimenti u inġestjoni ta’ partijiet żgħar assoċjati mal-użu ta’ dawn il-prodotti kif ukoll superviżjoni mhux adattata min-naħa ta’ min jieħu ħsiebhom.

    (7)

    Għalkemm teżisti informazzjoni estensiva madwar id-dinja dwar l-aċċidenti ta’ għarqa fil-banju fit-tfulija bikrija, korrelazzjoni diretta bejn l-użu tat-tagħmir awżiljari tal-banju u l-imwiet u l-aċċidenti fil-banju mhijiex konfermata. Ir-riċerkaturi u l-letteratura xjentifika mad-dinja kollha jaqblu li ma hemm l-ebda evidenza deċisiva li turi r-rabta bejn iż-żieda tal-għadd ta’ aċċidenti u l-użu tat-tagħmir awżiljari tal-banju. (3) Uħud mir-riċerkaturi, waqt li kienu qed jeżaminaw l-aħħar xejriet taż-żieda fil-bejgħ ta’ sedili tal-banju u t-tnaqqis fl-aċċidenti relatati mal-banjijiet u l-għarqa, saħansitra sostnew “effett protettiv ċkejken” minħabba l-użu tas-sedili tal-banju. (4)

    (8)

    Ma jeżisti l-ebda standard Ewropew għal dawn it-tliet tipi ta’ prodotti. Għalhekk jeħtieġ li jiġu determinati r-rekwiżiti speċifiċi skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2001/95/KE, bil-ħsieb li l-korpi ta’ standardizzazzjoni jintalbu jiżviluppaw standards biex inaqqsu r-riskji assoċjati mal-użu tas-sedili tal-banjijiet, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet (kemm jekk għandhom is-saqajn kif ukoll jekk ma għandhomx) waqt li t-trabi jew it-tfal iż-żgħar ikunu qed jingħataw banju. L-istandards għandhom jiġu żviluppati skont il-proċedura stipulata fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni. (5) Ir-referenza tal-istandard adottat għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE.

    (9)

    Meta l-istandards rilevanti jkunu disponibbli, u bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tippubblika r-referenza tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, sedili tal-banju, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet (kemm jekk bis-saqajn kif ukoll mingħajrhom) manifatturati b’konformità ma’ standards bħal dawn għandhom jitqiesu li jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali tad-Direttiva 2001/95/KE, sal-punt fejn huma kkonċernati r-rekwiżiti ta’ sikurezza koperti mill-istandards.

    (10)

    Biex jittejbu l-livelli attwali ta’ sikurezza waqt l-użu ta’ dawn il-prodotti jeħtieġ, kemm li tittieħed azzjoni fuq standards u tingħata informazzjoni lill-ġenituri u lill-adulti inkarigati mit-tfal dwar l-iskop u l-użu bla periklu ta’ dawn il-prodotti.

    (11)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-definizzjonijiet

    Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

    sedili għat-trabi” (“siġġu għall-banju”) tfisser prodotti li jżommu lit-tfal f’pożizzjoni sedentarja waqt li jkunu qed jinħaslu. Dawn il-prodotti huma maħsuba għall-użu biss fil-każ ta’ tfal li kapaċi joqogħdu bilqiegħda b’mod wieqaf mingħajr għajnuna u ma għandhomx jintużaw meta t-tfal jibdew jistiraw biex iqumu bilwieqfa.

    strumenti awżiljari tal-banju għat-trabi” tfisser prodotti li jippermettu li t-tfal jinżammu f’pożizzjoni inklinata jew mimdudin waqt li qed jieħdu l-banju. Dawn il-prodotti maħsuba għall-użu mit-twelid sakemm it-tfal ikunu kapaċi joqogħdu bilqiegħda f’mod wieqaf mingħajr għajnuna.

    banjijiet għat-trabi u t-tfal iż-żgħar” tfisser prodotti mfassla biex jinħaslu t-tfal mit-twelid sa 12-il xahar. Dawn il-prodotti jistgħu jintużaw bħala prodotti separati, imqiegħda fix-xoffa ta’ banju regolari jew fuqha inkella mal-art, jew inkella jitwaħħlu bis-saqajn.

    Artikolu 2

    Ir-rekwiżiti

    Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li għandhom jintlaħqu mill-istandards Ewropej skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/95/KE għandhom jiġu stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Pubblikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, is-6 ta’ Jannar 2010.

    Għall-Kummissjoni

    José Manuel BARROSO

    Il-President


    (1)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

    (2)  http://ec.europa.eu/consumers/safety/projects/ongoing-projects_en.htm#project_results

    (3)  “Drowning of babies in bath seats: do they provide false reassurance?” fir-Royal Society for the Prevention of Accidents (UK). Frar 2005.

    http://www.rospa.com/productsafety/info/bathseats_drowning.pdf

    (4)  Comments to CPSC on Advance Notice of Proposed Rulemaking on baths seats and rings by Harvard School of Public Health — Department of Health Policy and Management. Mejju 2001. http://www.cpsc.gov/LIBRARY/FOIA/foia01/pubcom/commenta.pdf

    (5)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.


    ANNESS

    Ir-rekwiżiti speċjali ta’ sikurezza għas-sedili tal-banju

    IR-RISKJI: Ir-riskju ewlieni assoċjat mal-prodott huwa ta’ għarqa.

    1.   IR-REKWIŻITI TA’ SIKUREZZA

    (1)   Ir-rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali

    Il-prodotti ma għandhomx jipperikolaw is-sikurezza jew is-saħħa tat-tfal jew ta’ min jieħu ħsiebhom meta jintużaw kif suppost jew b’mod prevedibbli, billi titqies dejjem l-imġiba normali tat-tfal. Għandha titqies il-kapaċità tat-tfal u ta’ min jieħu ħsiebhom, b’mod partikolari, għal oġġetti li, minħabba l-funzjonijiet, dimensjonijiet u karatteristiċi tagħhom, ikunu maħsuba biex jintużaw minn tfal taħt l-għaxar xhur. It-tikketti fuq l-oġġetti jew l-imballaġġi tagħhom u l-istruzzjonijiet dwar l-użu li jkun hemm magħhom għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-utenti jew ta’ min jieħu ħsieb it-tfal rigward il-perikli u r-riskji ta’ deni inerenti ta’ ħsara involuti fl-użu tal-oġġetti u l-modi kif għandhom jiġu evitati.

    (2)   Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza

    Ir-rekwiżiti kimiċi

    Is-sedili tal-banju għandu jikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

    Il-proprjetajiet tan-nar u dawk termali

    Biex jipprevjenju r-riskju li persuna tinstamat minn ilma li ħiereġ mill-vit, għandhom jingħataw struzzjonijiet lil persuna li tieħu ħsieb it-tfal biex toqgħod attenta għat-temperatura tal-ilma u ma tħallix li t-tifel/it-tifla jkollu/ikollha aċċess għall-vit.

    Il-proprjetajiet fiżiċi u mekkaniċi

    Il-perikli ta’ qbid f’nassa minn spazji u fetħiet

    L-oġġetti għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati biex jipprevjenu:

    Kemm jista jkun il-qbid f’nassa tas-swaba’,

    Il-qbid f’nassa tas-saqajn li jżommu t-tifel/it-tifla taħt l-ilma f’fetħa li minnha t-tifel/it-tifla rnexxielu/rnexxielha jgħaddi/tgħaddi.

    Perikli minn partijiet li jiċċaqilqu

    Oġġetti mfassla biex jinqaflu għandu jkollhom mekkaniżmu li jaqfel l-oġġett li ma jistax jinxtegħel mit-tfal jew minn azzjoni involontarja min-naħa ta’ min jieħu ħsiebhom. Ma għandux ikun possibbli li l-prodott jintrama mingħajr ma jiġi attivat il-mekkaniżmu li jaqfel l-oġġett. Tibdil fis-separazzjoni fiżika minħabba l-moviment tat-tfal, partikolarment meta l-piż tagħhom jiċċaqlaq min-naħa għall-oħra (bejn il-bażi tas-sedil u l-banju) għandu jiġi evitat u ma għandux jikkawża pressjoni kbira perikoluża. Bażijiet li jduru tas-sedili għandhom jitfasslu kemm jista’ jkun b’tali mod li jevitaw laċerazzjonijiet u pressjoni kbira fuq it-tifel/tifla meta jitħaddmu.

    Il-perikli ta’ waqgħa

    Biex jitnaqqs ir-riskju ta’ waqgħa li tista’ twassal għal għarqa; l-oġġett u l-parti tiegħu mwaħħla mal-banju għandhom ikunu kapaċi jifilħu għal forzi interni u esterni applikati mit-tfal li jistgħu jwassluh biex jinqaleb. B’mod partikolari, l-oġġett ma għandux jinqaleb meta t-tfal jisporġu ruħhom fi kwalunkwe direzzjoni, jippruvaw iqumu bilwieqfa jew jimbuttaw is-sedil ’il barra.

    Il-perikli ta’ fgar

    Biex jitnqqas ir-riskju ta’ fgar, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jidħlu kompletament f’ħalq tifel/tifla. Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ fgar, il-materjali li minnhom magħmul l-oġġett li għandhom riskju ta’ fgar ma għandhomx isiru aċċessibbli meta jaqilgħu fuqhom forza li t-tfal jistgħu japplikaw, b’mod partikolari permezz tal-gdim.

    Il-periklu ta’ soffokazzjoni

    L-oġġett ma għandux jinkludi prodotti tad-dekalkomanija tal-plastik li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw jew kwalunkwe kisi impermeabbli ieħor tas-sedil tal-banju li jista’ jgħatti kemm l-imnieħer kif ukoll il-ħalq u jikkostitwixxi periklu ta’ soffokazzjoni. L-imballaġġ li jżomm fih l-oġġetti ma jridx jikkostitwixxi riskju ta’ soffokazzjoni billi jimblokka l-passaġġi tan-nifs tal-imnieħer u l-ħalq.

    Il-perikli ta’ inġestjoni

    Biex jitnqqas ir-riskju ta’ bligħ, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet separati jew żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jgħaddu għal ġewwa l-esofagu.

    It-truf perikolużi

    It-trufijiet aċċessibbli għandhom jitfasslu biex jipprevjenu laċerazzjonijiet u ġrieħi, b’mod speċjali trufijiet f’kuntatt dirett mal-ġilda tat-tfal.

    L-integrità strutturali

    Tagħmir li jżomm l-oġġett milli jiċċaqlaq (saqajn li jeħlu bil-vaku ma’ superfiċje jew mezzi oħra) li huwa essenzjali biex il-prodott joqgħod f’postu għandu jikkonserva l-prestazzjoni kemm għandu ħajja l-prodott.

    Biex jiġi evitat li jinkisru komponenti li jkunu probabbli li jikkawżaw ħsara fiżika, l-oġġetti għandhom ikunu kapaċi jifilħu għall-pressjoni mekkanika li jirċievu meta jintużaw.

    Il-funzjoni protettiva

    Biex jipprevjenu soffokazzjoni permezz ta’ għarqa, l-oġġetti għandhom jitfasslu biex jakkomodaw it-tfal f’pożizzjoni ta’ bilqiegħda biss. Id-disinn għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-dejta antropometriċi rilevanti għall-firxa tal-età. Il-funzjoni protettiva trid tippermetti li t-tfal jitneħħew b’mod faċli f’sitwazzjoni ta’ emerġenza.

    Il-perikli li jirriżultaw minn azzjoni tat-tfal fuq it-tagħmir li jżomm l-oġġetti milli jiċċaqilqu

    Biex jipprevjeni l-perikli ta’ għarqa, it-tagħmir li jżomm l-oġġett milli jiċċaqlaq ma għandux ikun jista’ jiġi attivat mit-tfal jew minn azzjoni involontarja min-naħa ta’ min jieħu ħsiebhom.

    It-twissijiet speċifiċi għall-oġġett

    It-twissijiet u l-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jiddikjaraw b’mod ċar li:

    il-persuna li tieħu ħsieb it-tfal għandha tkun il-ħin kollu f’kuntatt mat-tifel/tifla,

    it-tfal jistgħu jegħrqu fi żmien qasir ħafna u f’ilma baxx ħafna (± 2 ċm),

    l-oġġett ma jagħti l-ebda sikurezza ulterjuri relatata mal-perikli mill-perikli tal-ilma u kien hemm min għereq bl-użu tas-sedili tal-banjijiet.

    It-twissijiet u t-tagħrif għandhom jidhru b’mod evidenti fuq l-imballaġġ, fuq il-prodott u fil-mument tal-bejgħ u għandhom ikunu komplemenati b’pittogrammi.

    It-tabella tat-twissija għandha tkun reżiljenti u għandha tibqa’ viżibbli meta t-tfal ikunu qegħdin fis-sedil tal-banju.

    L-informazzjoni dwar l-età vulnerabbli tat-tfal (minn ħames sa għaxar xhur) għandha tingħata lil min jieħu ħsiebhom.

    L-iġjene

    Is-sedili tal-banjijiet għandhom jitfasslu b’mod li jkunu jistgħu jinħaslu u li jistgħu jitnixxfu.

    Ir-rekwiżiti speċjali ta’ sikurezza għall-istrumenti awżiljari tal-banju

    IR-RISKJI: Ir-riskju ewlieni assoċjat mal-prodott huwa ta’ għarqa.

    2.   IR-REKWIŻITI TA’ SIKUREZZA

    (1)   Ir-rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali

    Il-prodotti ma għandhomx jipperikolaw is-sikurezza jew is-saħħa tat-tfal jew ta’ min jieħu ħsiebhom meta jintużaw kif suppost jew b’mod prevedibbli, billi titqies dejjem l-imġiba normali tat-tfal. Għandha titqies il-kapaċità tat-tfal u ta’ min jieħu ħsiebhom, b’mod partikolari, għal oġġetti li, minħabba l-funzjonijiet, dimensjonijiet u karatteristiċi tagħhom, ikunu maħsuba biex jintużaw minn tfal li għandhom inqas minn disa’ xhur. It-tikketti fuq l-oġġetti jew l-imballaġġi tagħhom u l-istruzzjonijiet dwar l-użu li jkun hemm magħhom għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-utenti jew ta’ min jieħu ħsieb it-tfal rigward il-perikli u r-riskji ta’ deni inerenti ta’ ħsara involuti fl-użu tal-oġġetti u l-modi kif għandhom jiġu evitati.

    (2)   Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza

    Ir-rekwiżiti kimiċi

    L-istrumenti awżiljari tal-banju għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

    Il-proprjetajiet tan-nar u dawk termali

    Biex jipprevjenju r-riskju li persuna tinstamat minn ilma li ħiereġ mill-vit, għandhom jingħataw struzzjonijiet lil persuna li tieħu ħsieb it-tfal biex toqgħod attenta għat-temperatura tal-ilma u ma tħallix li t-tifel/it-tifla jkollu/jkollha aċċess għall-vit.

    Il-proprjetajiet fiżiċi u mekkaniċi

    Il-perikli ta’ qbid f’nassa minn spazji u fetħiet

    L-oġġetti għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati biex jipprevjenu l-qbid f’nassa tas-swaba’.

    L-istrangolazzjoni

    L-oġġetti għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati biex jipprevjenu strangolazzjoni.

    Il-perikli ta’ waqgħa

    Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ waqgħa li tista’ twassal għal għarqa, l-oġġett u l-parti tiegħu mwaħħla mal-banju għandhom ikunu kapaċi jifilħu għal forzi interni u esterni applikati mit-tfal li jistgħu jwassluh biex jinqaleb. B’mod partikolari l-oġġett ma għandux jinqaleb meta t-tfal jisporġu ruħhom fi kwalunkwe direzzjoni, jippruvaw iqumu bilwieqfa jew jimbuttaw is-sedil ’il barra.

    Il-perikli ta’ fgar

    Biex jitnqqas ir-riskju ta’ fgar, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jidħlu kompletament f’ħalq tifel/tifla. Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ fgar, il-materjali li minnhom magħmul l-oġġett li għandhom riskju ta’ fgar ma għandhomx isiru aċċessibbli meta jaqilgħu fuqhom forza li t-tfal jistgħu japplikaw, b’mod partikolari permezz tal-gdim.

    Il-periklu ta’ soffokazzjoni

    L-oġġett ma għandux jinkludi prodotti tad-dekalkomanija tal-plastik li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw, jew kwalunkwe kisi impermeabbli ieħor tal-istrument awżiljari tal-banju li jista’ jgħatti kemm l-imnieħer kif ukoll il-ħalq u jikkostitwixxi periklu ta’ soffokazzjoni. L-imballaġġ li jżomm fih l-oġġetti ma jridx jikkostitwixxi riskju ta’ soffokazzjoni billi jimblokka l-passaġġi tan-nifs tal-imnieħer u l-ħalq.

    Il-perikli ta’ inġestjoni

    Biex jitnqqas ir-riskju ta’ inġestjoni, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet separati jew żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jgħaddu għal ġewwa l-esofagu.

    It-truf perikolużi

    It-trufijiet aċċessibbli għandhom jitfasslu biex jipprevjenu laċerazzjonijiet u ġrieħi, b’mod speċjali trufijiet f’kuntatt dirett mal-ġilda tat-tfal.

    L-integrità strutturali

    Biex jiġi evitat li jinkisru komponenti li jkunu probabbli li jikkawżaw ħsara fiżika, l-oġġetti għandhom ikunu kapaċi jifilħu għall-pressjonijiet mekkaniċi li jirċievu meta jintużaw.

    It-twissijiet speċifiċi għall-oġġett

    It-twissijiet u l-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jiddikjaraw b’mod ċar li:

    il-persuna li tieħu ħsieb it-tfal għandha tkun il-ħin kollu f’kuntatt mat-tifel/tifla,

    it-tfal jistgħu jegħrqu fi żmien qasir ħafna u f’ilma baxx ħafna (± 2 ċm),

    il-livell massimu tal-ilma biex jiġi evitat li t-tfal jibilgħu l-ilma,

    l-oġġett ma jagħti l-ebda sikurezza ulterjuri relatata mal-perikli mill-perikli tal-ilma u kien hemm min għereq bl-użu tal-istrumenti awżiljari tal-banju.

    It-twissijiet u t-tagħrif għandhom jidhru b’mod evidenti fuq l-imballaġġ, fuq il-prodott u fil-mument tal-bejgħ u għandhom ikunu komplemenati b’pittogrammi.

    It-tabella tat-twissija għandha tkun reżiljenti u għandha tibqa’ viżibbli meta t-tfal ikunu qegħdin fl-istrumenti awżiljari tal-banju.

    L-informazzjoni dwar l-età vulnerabbli tat-tfal (mit-twelid sa 9 xhur) għandha tingħata lil min jieħu ħsiebhom.

    L-iġjene

    L-oġġetti għandhom jitfasslu b’mod li jkunu jistgħu jitnaddfu u li jistgħu jitnixxfu b’mod faċli.

    Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza għal banjijiet għat-trabi u s-saqajn tal-banjijiet

    IR-RISKJI: Ir-riskji ewlienin assoċjati mal-prodott huwa ta’ għarqa u ta’ waqgħa meta l-banju tat-tarbija jaqa’ mis-saqajn jew l-appoġġ tiegħu.

    3.   IR-REKWIŻITI TA’ SIKUREZZA

    (1)   Ir-rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali

    Il-prodotti ma għandhomx jipperikolaw is-sikurezza jew is-saħħa tat-tfal jew ta’ min jieħu ħsiebhom meta jintużaw kif suppost jew b’mod prevedibbli, billi titqies dejjem l-imġiba normali tat-tfal. Għandha titqies il-kapaċità tat-tfal u ta’ min jieħu ħsiebhom, b’mod partikolari, għal oġġetti li, minħabba l-funzjonijiet, dimensjonijiet u karatteristiċi tagħhom, ikunu maħsuba biex jintużaw minn tfal taħt it-12-il xhar. It-tikketti fuq l-oġġetti jew l-imballaġġi tagħhom u l-istruzzjonijiet dwar l-użu li jkun hemm magħhom għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-utenti jew ta’ min jieħu ħsieb it-tfal rigward il-perikli u r-riskji ta’ deni inerenti ta’ ħsara involuti fl-użu tal-oġġetti u l-modi kif għandhom jiġu evitati.

    (2)   Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza

    Ir-rekwiżiti kimiċi

    Il-banjijiet tat-trabi u s-saqajn tagħhom għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

    Il-proprjetajiet tan-nar u dawk termali

    Biex jipprevjenju r-riskju li persuna tinstamat minn ilma li ħiereġ mill-vit, għandhom jingħataw struzzjonijiet lil persuna li tieħu ħsieb it-tfal biex toqgħod attenta għat-temperatura tal-ilma u ma tħallix li t-tifel/it-tifla jkollu/jkollha aċċess għall-vit.

    Il-proprjetajiet fiżiċi u mekkaniċi

    Il-perikli ta’ qbid f’nassa minn spazji u fetħiet

    L-oġġetti għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati b’tali mod li jevitaw kemm jista’ jkun il-qbid f’nassa tas-swaba’.

    L-istrangolazzjoni

    L-oġġetti għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati biex jipprevjenu strangolazzjoni

    Perikli minn partijiet li jiċċaqilqu

    Oġġetti mfassla biex jintwew għandu jkollhom mekkaniżmu li jitwi l-oġġett li ma jistax jinxtegħel mit-tfal jew minn azzjoni involontarja min-naħa ta’ min jieħu ħsiebhom. Ma għandux ikun possibbli li l-prodott jintrama mingħajr ma jiġi attivat il-mekkaniżmu li jaqfel l-oġġett. Tibdil fis-separazzjoni fiżika minħabba l-moviment tat-tfal, partikolarment meta l-piż tagħhom jiċċaqlaq min-naħa għall-oħra għandu għandu jkun ipprojbit biex jipprevjeni pressjoni kbira.

    Il-perikli ta’ waqgħa

    Biex jevita stabilita inadegwata, il-banju u s-saqajn tiegħu għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati biex ikunu jifilħu kemm il-piż tat-tarbija kif ukoll il-piż tal-ilma ta’ ġewwa l-banju. Il-banju u s-saqajn tiegħu ma għandhomx jinqalbu mill-pressjoni li toriġina miċ-ċaqliq tat-tarbija jew minn moviment mhux intenzjonat ta’ min qed jieħu ħsiebha. B’mod partikolari, l-oġġett ma għandux jinqaleb meta t-tfal jisporġu ruħhom fi kwalunkwe direzzjoni, jew jippruvaw iqumu bilwieqfa.

    Il-perikli ta’ fgar

    Biex jitnqqas ir-riskju ta’ fgar, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jidħlu kompletament f’ħalq tifel/tifla. Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ fgar, il-materjali li minnhom magħmul l-oġġett li għandhom riskju ta’ fgar ma għandhomx isiru aċċessibbli meta jaqilgħu fuqhom forza li t-tfal jistgħu japplikaw, b’mod partikolari permezz tal-gdim.

    Il-periklu ta’ soffokazzjoni

    L-oġġett ma għandux jinkludi prodotti tad-dekalkomanija tal-plastik li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw jew kwalunkwe kisi impermeabbli tal-banju li jista’ jgħatti kemm l-imnieħer kif ukoll il-ħalq u jikkostitwixxi periklu ta’ soffokazzjoni. L-imballaġġ li jżomm fih l-oġġetti ma jridx jikkostitwixxi riskju ta’ soffokazzjoni billi jimblokka l-passaġġi tan-nifs tal-imnieħer u l-ħalq.

    Il-perikli ta’ inġestjoni

    Biex jitnqqas ir-riskju ta’ bligħ, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet separati jew żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jgħaddu għal ġewwa l-esofagu.

    It-truf perikolużi

    It-trufijiet aċċessibbli għandhom jitfasslu biex jipprevjenu laċerazzjonijiet u ġrieħi, b’mod speċjali trufijiet f’kuntatt dirett mal-ġilda tat-tfal.

    L-integrità strutturali

    Biex jiġi evitat li jiddiżintegraw jew jinkisru komponenti li jkunu probabbli li jikkawżaw ħsara fiżika, l-oġġett għandu jkunu kapaċi jiflaħ għall-pressjoni mekkanika li jirċievi meta jintuża. Biex tiġi evitata d-deterjorazzjoni ta’ komponenti li probabbli jikkawżaw ħsara, il-materjal użat għall-manifattura tal-banjijiet u s-saqajn għandu jkollu karatteristiċi li jippreżervaw il-prestazzjoni matul il-ħajja tal-prodott, partikolarment filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bidliet termali.

    Il-perikli minħabba l-kombinazzjoni ta’ żewġ oġġetti differenti

    It-tagħmir li jżomm il-banju mwaħħal mas-saqajn għandu jkun jiflaħ għall-pressjoni mekkanika li jkunu soġġetti għaliha meta jintużaw. Għas-saqajn u l-banjijiet li jinbiegħu separatament, it-twissijiet u l-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jindikaw ir-referenzi ta’ prodotti li jistgħu jintużaw magħhom bla periklu.

    It-twissijiet speċifiċi għall-oġġett

    It-twissijiet u l-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jiddikjaraw b’mod ċar li:

    il-persuna li tieħu ħsieb it-tfal għandha tkun il-ħin kollu f’kuntatt mat-tifel/tifla,

    it-tfal jistgħu jegħrqu fi żmien qasir ħafna u f’ilma baxx ħafna (± 2 ċm),

    l-oġġetti ma jagħtu l-ebda sikurezza ulterjuri relatata mal-perikli tal-ilma u kien hemm min għereq fil-banjijiet.

    It-twissijiet u t-tagħrif għandhom jidhru b’mod evidenti fuq l-imballaġġ, fuq il-prodott u fil-mument tal-bejgħ u għandhom ikunu komplemenati b’pittogrammi.

    It-tabella tat-twissija għandha tkun reżiljenti u għandha tibqa’ viżibbli meta t-tfal ikunu qegħdin fil-banju.

    L-informazzjoni dwar l-età vulnerabbli tat-tfal (inqas minn 12-il xahar) għandha tingħata lil min jieħu ħsiebhom.

    Il-banjijiet għandu jkollhom twissija biex min jieħu ħsieb it-tfal ma jqiegħedx il-banjijiet f’pożizzjoni elevata flimkien ma’ oġġetti bħal ma huma mwejjed.

    L-iġjene

    L-oġġetti għandhom jitfasslu b’mod li jkunu jistgħu jinħaslu u li jistgħu jitnixxfu b’mod faċli.


    Top