Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0143

    Direttiva tal-Kunsill 2009/143/KE tas- 26 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2009/29/KE fir-rigward tad-delega tad-doveri tal-ittestjar fil-laboratorju

    ĠU L 318, 4.12.2009, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019: This act has been changed. Current consolidated version: 04/12/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/143/oj

    4.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 318/23


    DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2009/143/KE

    tas-26 ta’ Novembru 2009

    li temenda d-Direttiva 2009/29/KE fir-rigward tad-delega tad-doveri tal-ittestjar fil-laboratorju

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Skont id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti u għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (2), l-entitajiet uffiċjali responsabbli fl-Istati Membri jistgħu biss jiddelegaw id-doveri stipulati fid-Direttiva, inkluż l-ittestjar fil-laboratorju, lil persuna ġuridika li skont il-kostituzzjoni uffiċjalment approvata tagħha hija inkarigata esklussivament b'funzjonijiet pubbliċi speċifiċi.

    (2)

    It-testijiet tal-laboratorju li għandhom jitwettqu fil-qafas tad-Direttiva 2000/29/KE huma ta’ natura teknika ħafna u jikkonċernaw oqsma xjentifiċi differenti. Testijiet bħal dawn jirrikjedu firxa wiesgħa ta’ faċilitajiet tekniċi differenti u għaljin flimkien ma’ persunal tal-laboratorju speċjalizzat ħafna li kapaċi jadatta għall-iżvilupp rapidu tal-metodoloġija dijanjostika. L-għadd ta’ testijiet li għandhom jitwettqu kien qed jikber matul dawn l-aħħar snin. Minħabba f’dan, qiegħda dejjem tikber id-diffikultà li jinstabu persuni ġuridiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha meħtieġa.

    (3)

    Għal dawn ir-raġunijiet, huwa xieraq li jiġi previst li t-testijiet laboratorji numerużi u diversi li huma meħtieġa skont id-Direttiva 2000/29/KE jistgħu, minbarra lil persuni ġuridiċi li huma esklussivament fdati b'funzjonijiet pubbliċi speċifiċi, jiġu delegati lil persuni ġuridiċi li ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit, bħal universitajiet, istituti ta’ riċerka jew laboratorji privati fi kwalunkwe forma ġuridika rikonoxxuta fl-Istat Membru f'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, bil-kondizzjoni li dawn jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet.

    (4)

    Huwa xieraq li l-korpi uffiċjali responsabbli jivverifikaw li l-persuni ġuridiċi, li lilhom hija ddelegata l-eżekuzzjoni tal-ittestjar fil-laboratorju, jistgħu jiżguraw il-kwalità. Huma għandhom, pereżempju, ikunu imparzjali, ħielsa minn kunflitt ta’ interessi u kapaċi jiżguraw riżultati affidabbli u protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali.

    (5)

    Fl-istess ħin, huwa xieraq li persuni ġuridiċi li jwettqu doveri delegati skont id-Direttiva 2000/29/KE jitħallew jużaw il-laboratorji tagħhom għal attivitatjiet tal-ittestjar li ma jagħmlux parti mill-funzjonijiet pubbliċi speċifiċi tagħhom.

    (6)

    Il-kwistjoni ta' infrastruttura dianjostika xierqa hija waħda mill-kwistjonijiet indirizzati fl-evalwazzjoni kurrenti tal-leġislazzjoni dwar is-saħħa tal-pjanti. Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-eżitu tar-reviżjoni, fuq perijodu ta' żmien qasir huwa xieraq li r-rekwiżiti dwar id-delega tat-testijiet tal-laboratorju jiġu mmodifikati għall-ħtiġijiet eżistenti.

    (7)

    Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Direttiva 2000/29/KE għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

    (8)

    F'konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (3), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess li juru, safejn hu possibbli, l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u li jagħmluhom pubbliċi,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Direttiva 2000/29/KE għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “Il-korpi uffiċjali responsabbli fi Stat Membru jistgħu, f'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali, jiddelegaw id-doveri previsti f'din id-Direttiva li għandhom jitwettqu bl-awtorità u s-superviżjoni tagħhom lil persuna ġuridika, kemm jekk irregolata mil-liġi pubblika kemm jekk mil-liġi privata, bil-kondizzjoni li din il-persuna, u l-membri tagħha, ma jkollhiex interess personali fir-riżultat tal-miżuri li tieħu.

    Il-korpi uffiċjali responsabbli fl-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna ġuridika msemmija fit-tieni subparagrafu hija, skont il-kostituzzjoni uffiċjali approvata tagħha, fdata esklussivament b'funzjonijiet pubbliċi speċifiċi, bl-eċċezzjoni tal-ittestjar fil-laboratorju li persuna ġuridika bħal din tista’ twettaq anki fejn l-ittestjar fil-laboratorju ma jagħmilx parti mill-funzjonijiet pubbliċi speċifiċi tagħha.

    Minkejja t-tielet subparagrafu, il-korpi uffiċjali responsabbli fi Stat Membru jistgħu jiddelegaw l-ittestjar fil-laboratorju previst f’din id-Direttiva lil persuna ġuridika li ma tikkonformax ma’dik id-dispożizzjoni.

    L-ittestjar fil-laboratorju jista' jkun iddelegat biss jekk il-korp uffiċjali responsabbli jiżgura tul iż-żmien kollu tad-delega li l-persuna ġuridika li lilha huwa jiddelega l-ittestjar fil-laboratorju tista' tiżgura l-imparzjalità, il-kwalità u l-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, u li ma jeżisti l-ebda kunflitt ta’ interess bejn l-eżerċizzju tad-doveri delegati lilha u l-attivitajiet l-oħra tagħha.”.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta' Jannar 2011. Dawn għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

    Meta dawn jiġu adottati mill-Istati Membri, dawk il-miżuri dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BJÖRKLUND


    (1)  L-Opinjoni tal-20 ta' Ottubru 2009 (għadha m'hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

    (3)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


    Top