This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32009D1041
Decision No 1041/2009/EC of the European Parliament and of the Council of 21 October 2009 establishing an audiovisual cooperation programme with professionals from third countries (MEDIA Mundus)
Deċiżjoni Nru 1041/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi programm ta’ koperazzjoni fis-settur awdjoviżiv ma’ professjonisti minn pajjiżi terzi (MEDIA Mundus)
Deċiżjoni Nru 1041/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi programm ta’ koperazzjoni fis-settur awdjoviżiv ma’ professjonisti minn pajjiżi terzi (MEDIA Mundus)
ĠU L 288, 4.11.2009, p. 10–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1295
4.11.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 288/10 |
DEĊIŻJONI Nru 1041/2009/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Ottubru 2009
li tistabbilixxi programm ta’ koperazzjoni fis-settur awdjoviżiv ma’ professjonisti minn pajjiżi terzi
(MEDIA Mundus)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 150(4) u 157(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),
Billi:
(1) |
Is-settur awdjoviżiv jikkontribwixxi għall-ksib tal-għanijiet tal-Aġenda ta’ Lisbona, jiġifieri biex jissaħħu l-kompetittività, il-ħiliet, it-tkabbir u l-impjiegi f’ekonomija bbażata fuq l-għarfien. Huwa għandu rwol ewlieni fil-kuntest tal-inizjattiva i2010 — il-politika li tiġbor fiha l-politiki Ewropej dwar is-soċjetà tal-informazzjoni u tal-midja — fil-qafas tal-Aġenda ta’ Lisbona. |
(2) |
Il-Parlament Ewropew dejjem enfasizza l-fatt li s-settur awdjoviżiv jagħti kontribuzzjoni importanti lill-ekonomija kreattiva u ta’ għarfien Ewropea u li għandu rwol ċentrali fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u fil-pluraliżmu, kif ukoll iservi bħala pjattaforma importanti għal-libertà tal-espressjoni. |
(3) |
Is-setturi kulturali u kreattivi jagħtu kontribut sostanzjali lill-ekonomija kulturali Ewropea u fl-2004 l-industriji kreattivi impjegaw mill-inqas 5,8 miljun persuna, ekwivalenti għal 3.1 % mill-popolazzjoni totali impjegata tal-UE25. |
(4) |
L-appoġġ Komunitarju lis-settur awdjoviżiv jieħu kont tal-Artikolu 151 tat-Trattat, li jiddikjara li l-Komunità u l-Istati Membri għandhom irawmu l-koperazzjoni mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kultura, u li l-Komunità għandha tieħu kont tal-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha, partikolarment sabiex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha. |
(5) |
Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura (4), il-Kunsill ikkunsidra li l-kultura kienet element vitali tar-relazzjonijiet internazzjonali u enfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-irwol tagħha fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u fil-politika tal-iżvilupp. Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2008 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura f’dinja globalizzata, enfasizza wkoll, fir-rigward tal-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, l-importanza tal-integrazzjoni tad-dimensjoni kulturali fil-politiki u l-programmi kollha, inklużi politiki esterni u żvilupp. |
(6) |
Fil-21 ta’ Novembru 2008 il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, adottaw konklużjonijiet dwar il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha (5). |
(7) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju dwar l-‘Ewropa fid-dinja’ tenfasizza r-rabta qawwija bejn il-politiki interni u esterni tal-UE, u tisħaq li l-Ewropa għandha l-potenzjal li tagħti sehemha fl-opportunitajiet il-ġodda maħluqin mis-swieq emerġenti u mill-globalizzazzjoni, minħabba li għandha soċjetà miftuħa li tista’ tassorbi n-nies, l-ideat u t-teknoloġiji l-ġodda. |
(8) |
L-Unjoni Ewropea kellha sehem ewlieni fil-proċess li wassal għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali li daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Marzu 2007, wara r-ratifika mill-Kommunità Ewropea u minn 13-il Stat Membru fit-18 ta’ Diċembru 2006. L-għan tal-Konvenzjoni hu li tissaħħaħ il-koperazzjoni u s-solidarjetà internazzjonali sabiex tiffavorixxi l-espressjonijiet kulturali tal-pajjiżi kollha. Skont l-Artikolu 12(e) tal-Konvenzjoni, il-partijiet tal-Konvenzjoni ‘għandhom iħeġġu l-konklużjoni tal-ftehimiet dwar il-koproduzzjoni u l-kodistribuzzjoni’. |
(9) |
Numru ta’ attivitajiet tal-Istati Membri għandhom l-għan li jżidu l-koperazzjoni bejn l-industriji awdjoviżivi tal-pajjiżi Ewropej u dawk ta’ pajjiżi terzi, bħal ma huma l-fondi internazzjonali għall-koproduzzjoni u t-trattati dwar il-koproduzzjoni. L-appoġġ Komunitarju ser ikun kumplimentari għal tali azzjonijiet. |
(10) |
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fl-Artikolu 11 tirrikonoxxi l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja. |
(11) |
Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-programm MEDIA Plus identifika l-importanza tas-swieq internazzjonali sabiex jingħelbu l-problemi tal-industrija awdjoviżiva Ewropea. |
(12) |
Ix-xenarju awdjoviżiv internazzjonali nbidel b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar żewġ deċenni u attwalment qed jiffaċċja sfidi ġodda, speċjalment taħt l-impatt tal-iżviluppi teknoloġiċi bħalma huma l-projezzjoni diġitali taċ-ċinema, il-filmati fuq talba (“video-on-demand”) (VOD) jew it-televiżjoni diġitali b’ħafna stazzjonijiet. Dan ġab miegħu tkabbir finanzjarju b’saħħtu kif ukoll investimenti li jippromettu u konsegwentement, domanda b’saħħitha u li qiegħda dejjem tikber għal aktar kontenut awdjoviżiv, li joffri għadd kbir ta’ opportunitajiet għall-kumpanniji. Għaldaqstant, hemm interess qawwi u li qiegħed dejjem jiżdied fi proġetti li qed jiżviluppaw li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet diġitali varji. Barra minn hekk, hemm rabta qawwija bejn il-koperazzjoni internazzjonali fuq il-proġetti u l-abbiltà tal-Unjoni li fid-dinja tippromwovi l-mudell regolatorju tagħha dwar il-kwistjonijiet awdjoviżivi u l-konverġenza bejn il-komunikazzjonijiet awdjoviżivi u dawk elettroniċi. |
(13) |
Minħabba l-importanza li qiegħda dejjem tiżdied tad-dimensjoni internazzjonali tal-politika awdjoviżiva, fit-13 ta’ Diċembru 2007 il-Parlament Ewropew adotta, fil-baġit tal-2008, azzjoni ta’ tħejjija msejħa “MEDIA International”, li tiffoka fuq l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tal-Unjoni mas-swieq awdjoviżivi ta’ pajjiżi terzi, u li tipprovdi l-opportunità għall-istrutturar u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet u tan-netwerks bejn il-professjonisti Ewropej u dawk ta’ pajjiżi terzi fis-settur awdjoviżiv għall-benefiċċju reċiproku tal-industrija Ewropea u tal-pajjiżi terzi involuti. Is-sejħa sussegwenti għall-proposti qajmet interess kbir kemm mill-professjonisti Ewropej kif ukoll minn dawk ta’ pajjiżi terzi. Intgħażlu tmintax-il proġett għall-appoġġ. B’hekk, l-ewwel sena tal-azzjoni ta’ tħejjija MEDIA International ikkonfermat l-interessi u l-bżonnijiet tas-settur fil-qasam internazzjonali kif ukoll in-neċessità għal azzjoni Komunitarja. |
(14) |
Il-Parlament Ewropew ġedded l-azzjoni ta’ tħejjija MEDIA International b’baġit miżjud għas-sena 2009. |
(15) |
Fid-19 ta’ Mejju 2008, f’laqgħa informali f’Cannes, il-Ministri responsabbli għall-kwistjonijiet awdjoviżivi minn numru ta’ Stati Membri laqgħu l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew dwar l-azzjoni ta’ tħejjija MEDIA International u ħeġġew lill-Kummissjoni ‘sabiex tfittex li tiżviluppa din l-inizjattiva u teżamina kemm huwa mixtieq u kemm huwa possibbli li titressaq proposta għall-programm ta’ appoġġ sabiex ikun hemm il-promozzjoni tal-koperazzjoni bejn il-professjonisti tal-industrija awdjoviżiva Ewropea u l-professjonisti tal-industrija f’pajjiżi terzi għall-benefiċċju reċiproku tal-parteċipanti kollha’. |
(16) |
Konsultazzjoni pubblika miftuħa uriet li hemm appoġġ b’saħħtu għall-koperazzjoni msaħħa bejn il-professjonisti Ewropej u dawk ta’ pajjiżi terzi fis-settur awdjoviżiv, partikolarment fl-oqsma tat-taħriġ, il-faċilitazzjoni tal-koproduzzjonijiet, fit-tqassim u ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi (inklużi pjattaformi ġodda, bħalma huma l-VOD, u l-IPTV), kif ukoll fl-għarfien dwar il-films. |
(17) |
L-aċċess għas-swieq awdjoviżivi fil-pajjiżi terzi għandu jiġi ffaċilitat bid-disseminazzjoni tal-għarfien dwar is-suq fost il-professjonisti li joperaw f’dawk is-swieq u bil-ħolqien ta’ netwerks bejniethom. Għal dawk l-għanijiet, għandhom ikunu appoġġati proġetti li jipprovdu t-taħriġ fi ħdan il-qafas ta’ programm. |
(18) |
Is-settur tad-distribuzzjoni jiddetermina d-diversità tax-xogħlijiet awdjoviżivi offruti u l-għażla tal-konsumatur. Id-distributuri Ewropej huma kumpanniji żgħar, u minħabba l-istruttura u l-frammentazzjoni tas-suq għall-kuntrarju tal-kompetituri kbar tagħhom li huma integrati b’mod vertikali, huma mhumiex attrezzati tajjeb sabiex jiksbu aċċess għas-swieq internazzjonali. Barra minn hekk, tfaċċaw parteċipanti u pjattaformi ta’ distribuzzjoni ġodda li jħeġġu jew jeħtieġu aktar kontenut awdjoviżiv. Għalhekk huwa adatt li jittieħdu miżuri sabiex jitjiebu d-distribuzzjoni, iċ-ċirkolazzjoni u l-wiri tax-xogħlijiet Ewropej f’pajjiżi terzi u dawk ta’ pajjiżi terzi fl-Ewropa. |
(19) |
Għaldaqstant hemm il-ħtieġa li jiġi stabbilit programm Komunitarju għas-settur awdjoviżiv, li jipprovdi appoġġ finanzjarju għal proġetti fl-oqsma tal-iskambju tal-informazzjoni u tat-taħriġ, il-kompetittività, it-tqassim, iċ-ċirkulazzjoni u l-wiri tal-kontenut awdjoviżiv. |
(20) |
Sabiex jiġi żgurat il-vantaġġ reċiproku massimu u tiġi ssimplifikata l-amministrazzjoni, proġetti taħt il-programm għandhom jiġu proposti u implimentati b’mod konġunt minn professjonisti tal-Unjoni u minn pajjiżi terzi u għandhom jippromwovu effett ta’ netwerk internazzjonali. Sabiex tiġi ssimplifikata l-amministrazzjoni, il-proġetti għandhom ikunu kkoordinati minn professjonist stabbilit f’pajjiż li jkun qed jieħu sehem fil-programm. |
(21) |
Għandhom jiġu mfassla u implimentati miżuri xierqa sabiex jiġu evitati l-irregolaritajiet u l-frodi u biex jiġu rkuprati l-fondi li jkunu ġew mitlufa jew trasferiti jew użati ħażin. |
(22) |
Huwa adatt li tul il-programm kollu jiġi stabbilit qafas finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza ewlenija għall-awtorità baġitarja, fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (6). |
(23) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi konferiti lill-Kummissjoni (7). |
(24) |
L-arranġamenti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm għandhom jinkludu rapporti annwali dettaljati kif ukoll għanijiet u indikaturi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jistgħu jintlaħqu kif ukoll li jkunu rilevanti u marbuta biż-żmien. |
(25) |
Ġaladarba l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura transnazzjonali u internazzjonali tal-azzjonijiet proposti, u jistgħu għalhekk minħabba l-iskala u l-effett ta’ dawk l-azzjonijiet, jinkisbu aħjar f’livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet, |
IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Stabbiliment u għanijiet tal-programm
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-programm MEDIA Mundus (“il-programm”) għall-iffinanzjar ta’ proġetti għall-koperazzjoni internazzjonali fis-settur awdjoviżiv għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2013.
2. L-għanijiet tal-programm huma li tiżdied il-kompetittività tal-industrija awdjoviżiva Ewropea, biex l-Ewropa tkun tista’ twettaq l-irwol kulturali u politiku tagħha fid-dinja b’mod aktar effettiv u li tiżdied l-għażla tal-konsumaturi u d-diversità kulturali. Il-programm ser ifittex li jtejjeb l-aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi u li jibni l-fiduċja u relazzjonijiet tax-xogħol fit-tul.
Artikolu 2
Ambitu tal-programm
Il-programm huwa indirizzat lil professjonisti Ewropej u minn pajjiżi terzi.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
1. |
“professjonist Ewropew” tfisser professjonist li:
|
2. |
“professjonist minn pajjiż terz” tfisser professjonist li m’huwiex professjonist Ewropew; |
3. |
“pajjiż terz” tfisser pajjiż ieħor minbarra dawk imsemmijin fil-paragrafu 1, subparagrafu (a) punt (i), jew dawk li jissodisfaw ir-rekwiżiti mniżżlin fil-paragrafu 1, subparagrafu (a) punti (ii) jew (iii); |
4. |
“Xogħol awdjoviżiv” tfisser sett ta’ stampi li jiċċaqalqu bil-ħoss jew mingħajru. Eżempji ta’ xogħlijiet awdjoviżivi jinkludu films, dokumentarji u films ta’ animazzjoni; |
5. |
“Xogħlijiet Ewropej” tfisser xogħlijiet awdjoviżivi li joriġinaw mill-pajjiżi msemmijin fil-paragrafu 1, subparagrafu (a) punti (i), (ii) jew (iii). |
Artikolu 4
Kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-programm
1. Il-proġetti għandhom ikunu proposti u implimentanti b’mod konġunt minn professjonisti Ewropej u minn pajjiżi terzi sabiex ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt il-programm.
2. Kull proġett għandu jfittex li jippromwovi effett ta’ netwerk internazzjonali. Għal dan il-għan, kull proġett għandu jkollu minimu ta’ tlett isħab. Madankollu, proġetti b’żewġt isħab biss jistgħu jiġu ammessi meta l-effett ta’ netwerk meħtieġ ikun iggarantit.
3. Kull proġett għandu jkun ikkoordinat minn professjonist Ewropew u għandu jinkludi mill-inqas imsieħeb wieħed minn pajjiż terz. Il-koordinatur għandu jkun responsabbli għat-tressiq tal-proposta, għall-ġestjoni tal-proġett u għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni finanzjarja tiegħu.
KAPITOLU II
L-GĦANIJIET SPEĊIFIĊI TAL-PROGRAMM
Artikolu 5
L-għan speċifiku 1: L-iskambju tal-informazzjoni,it-taħriġ u l-għarfien tas-suq
Fil-qasam tal-iskambju tal-informazzjoni u t-taħriġ, l-għan operattiv tal-programm għandu jkun t-tisħiħ tal-ħiliet tal-professjonisti Ewropej u dawk ta’ pajjiżi terzi, partikolament billi:
(a) |
jitjieb il-fehim tal-professjonisti, partikolarment, tal-kondizzjonijiet operattivi, tal-oqfsa legali, (inkluż fil-qasam tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali), tas-sistemi finanzjarji u tal-possibilitajiet ta’ koperazzjoni tas-swieq awdjoviżivi rispettivi tagħhom; |
(b) |
tiġi ggarantita u ffaċilitata l-koperazzjoni awdjoviżiva bejn il-professjonisti billi jitjieb il-livell tal-għarfien tagħhom tas-swieq awdjoviżivi; |
(c) |
jiġi ffaċilitat in-netwerking u jinħolqu relazzjonijiet ta’ ħidma fit-tul, partikolarment permezz ta’ boroż ta’ studju; jew |
(d) |
jiġi appoġġat it-taħriġ professjonali inizjali u kontinwu. |
Artikolu 6
L-għan speċifiku 2: Kompetittività u Distribuzzjoni
Rigward it-titjib tal-kompetittività tal-industrija awdjoviżiva Ewropea u d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej barra mill-Ewropa u dawk ta’ pajjiżi terzi fl-Ewropa, l-għanijiet operattivi tal-programm għandhom ikunu sabiex:
(a) |
jiġi iffaċilitat it-tiftix għal sħab minn pajjiżi terzi għal xogħlijiet Ewropej. Il-programm għandu jappoġġa l-organizzazzjoni tas-swieq tal-koproduzzjoni kif ukoll l-avvenimenti ta’ tfittxija tal-isħab (il-preżentazzjoni fil-qosor ta’ ideat għal films), li jimmiraw li jingħaqdu flimkien l-imsieħba possibbli (pereżempju awturi tal-iskritti, diretturi, atturi, produtturi u distributuri); |
(b) |
jiġi inkoraġġit il-bejgħ u l-promozzjoni internazzjonali ta’ xogħlijiet Ewropej fis-swieq ta’ pajjiżi terzi u ta’ xogħlijiet awdjoviżivi minn pajjiżi terzi fl-Ewropa. Il-programm għandu jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn gruppi ta’ detenturi tad-drittijiet/aġenti tal-bejgħ/distributuri sabiex ikunu żgurati d-distribuzzjoni (pereżempju fiċ-ċinema, fuq it-televiżjoni, fuq l-IPTV, fuq il-Web TV u fuq pjattaformi ta’ VOD) u l-promozzjoni. |
Artikolu 7
L-għan speċifiku 3: Iċ-ċirkolazzjoni
Sabiex jittejbu ċ-ċirkolazzjoni u l-viżibbiltà ta’ xogħlijiet Ewropej f’pajjiżi terzi u dawk ta’ pajjiżi terzi fl-Ewropa u biex tiżdied id-domanda pubblika għal kontenut awdjoviżiv kulturalment divers, partikolarment fost iż-żgħażagħ, l-għanijiet operattivi tal-programm għandhom ikunu sabiex:
(a) |
iħeġġu lill-operaturi taċ-ċinema f’pajjiżi Ewropej u f’pajjiżi terzi sabiex iżidu reċiprokament il-kondizzjonijiet tal-ipprogrammar u tal-wiri (it-tul, l-espożizzjoni u l-għadd ta’ wirjiet) tal-ewwel wiri esklussiv ta’ xogħlijiet awdjoviżivi. Il-programm għandu jappoġġa proġetti ppreżentati min-netwerks taċ-ċinema bi skrins fl-Ewropa u f’pajjiżi terzi li jipprogrammaw numru sinifikanti ta’ xogħlijiet awdjoviżivi fit-territorju/i tas-sieħeb/sħab tagħhom; |
(b) |
jiżdied il-forniment tal-kontenut awdjoviżiv u jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xandir u tat-tqassim għax-xogħlijiet awdjoviżivi minn pajjiżi terzi fuq l-istazzjonijiet tat-tqassim Ewropej (il-pjattaformi tat-TV, tal-IPTV, tal-Web TV u tal-VOD) u għal xogħlijiet Ewropej fuq l-istazzjonijiet tat-tqassim internazzjonali. Il-programm għandu jappoġġa sħubijiet bejn ix-xandara (jew il-pjattaformi tal-VOD) u d-detenturi tad-drittijiet li jimmiraw għal xandir ta’ pakkett ta’ xogħlijiet jew għat-tqassim ta’ katalogu ta’ xogħlijiet fuq pjattaformi tal-VOD; |
(c) |
jiffaċilitaw l-organizzazzjoni tal-avvenimenti u tal-inizjattivi għall-għarfiern dwar il-films, speċjalment dawk immirati għal udjenza żagħżugħa, maħsuba għall-promozzjoni internazzjonali tad-diversità tax-xogħlijiet awdjoviżivi u għaż-żieda tad-domanda pubblika għal kontenut awdjoviżiv kulturalment differenti. |
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI U ARRANĠAMENTI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM
Artikolu 8
Dispożizzjonijiet finanzjarji
1. Il-miżuri ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni għandhom jiġu implimentati skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (9).
2. F’konformità mal-Artikolu 176(2) u (4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (10), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, skont il-benefiċjarji u t-tip ta’ azzjoni, jekk jistgħux jiġu eżentati mill-verifika tal-kompetenzi professjonali u l-kwalifiki meħtieġa sabiex azzjoni jew programm ta’ ħidma jitlestew b’suċċess.
3. Skont in-natura tal-azzjoni, l-għajnuniet finanzjarji jistgħu jkunu fil-forma ta’ sussidji (rimborsabbli skont il-kontribuzzjoni tal-programm, eskluż l-appoġġ għall-qlib minn lingwa għal oħra/għall-għoti tas-sottotitoli) jew ta’ boroż ta’ studju. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tagħti premjijiet għall-attivitajiet jew għall-proġetti tal-programm. F’konformità mal-Artikolu 181 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, u skont in-natura tal-azzjoni, jistgħu jiġu awtorizzati finanzjament b’rata fissa jew l-użu ta’ skali ta’ spejjeż unitarji.
4. Il-finanzjament li jingħata taħt il-programm ma jistax jaqbeż il-50 % tal-ispejjeż finali tal-proġett li ser jiġi ffinanzjat. Madankollu, fil-każijiet li dwarhom hemm dispożizzjoni ċara fil-programm annwali ta’ ħidma u fis-sejħa għall-proposti, il-finanzjament jista’ jasal sa 80 %.
5. Skont l-Artikolu 113 paragrafu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u flimkien mal-Artikolu 172 paragrafu 1 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarji tista’ tingħata jew kollha jew parzjalment mhux fi flus jekk il-valur tal-kontribuzzjoni jista’ jiġi stabbilit abbażi tal-ispejjeż li jkunu ġġarrbu fil-verità u jkunu kkorroborati kif xieraq minn dokumenti, jew l-ispejjeż ikunu ġeneralment aċċettati fis-suq ikkonċernat. Il-postijiet li jkunu saru disponibbli għal skopijiet ta’ taħriġ jew ta’ promozzjoni jistgħu jiġu inklużi f’tali kontribuzzjonijiet.
6. Skont l-Artikolu 112 paragrafu 1 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, il-Kummissjoni tista’, fejn previst fil-programm annwali ta’ ħidma u fis-sejħa għall-proposti, tiddeċiedi li l-ispejjeż marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-proġett huma eliġibbli għall-finanzjament anke jekk ikunu ġġarrbu parzjalment mill-benefiċjarju qabel il-proċedura tal-għażla.
Artikolu 9
Implimentazzjoni tal-programm
1. Il-Kummissjoni hi responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness. Il-Kummissjoni għandha tieħu passi sabiex tiżgura li l-azzjonijiet appoġġati taħt l-għanijiet speċifiċi kif stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 7 jikkumplimentaw lil xulxin.
2. Il-miżuri li ġejjin għall-implimentazzjoni tal-programm għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2):
(a) |
pjan annwali ta’ ħidma, inklużi l-prijoritajiet; |
(b) |
analiżi statistika annwali interna tar-riżorsi tal-programm, inkluż it-tqassim bejn il-miżuri f’oqsma differenti; |
(c) |
il-linji gwida ġenerali għall-implimentazzjoni tal-programm; |
(d) |
il-kontenut tas-sejħiet għall-proposti, id-definizzjoni tal-kriterji u l-proċeduri għall-għażla tal-proġetti; |
(e) |
għażla tal-proposti għall-allokazzjoni ta’ fondi Komunitarji li jeċċedu:
|
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet tal-għażla oħrajn barra dawk elenkati fil-paragrafu 2(e). Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Kumitat u lill-Parlament Ewropew bl-informazzjoni rilevanti kollha inklużi d-deċiżjonijiet dwar l-għażla li jittieħdu f’konformità ma’ dan il-paragrafu fi żmien jumejn ta’ ħidma wara l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.
Artikolu 10
Proċedura ta’ Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE b’kont meħud tal-Artikolu 8 tagħha.
3. Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahrejn.
Artikolu 11
Il-kontribut tal-programm għal politiki u prinċipji Komunitarji oħra
Il-programm għandu jgħin fit-tisħiħ tal-politiki u prinċipji orizzontali tal-Komunità billi:
(a) |
jikkontribwixxi għad-dibattitu u għall-informazzjoni dwar l-Unjoni bħala żona ta’ paċi, prosperità u sigurtà; |
(b) |
jippromwovi l-prinċipju fundamentali tal-libertà tal-espressjoni; |
(c) |
jqajjem kuxjenza dwar l-importanza tad-diversità kulturali, tal-valuri komuni, tad-djalogu interkulturali u l-multilingwiżmu fid-dinja; |
(d) |
isaħħaħ il-bażi ta’ għarfien tal-ekonomija Ewropea u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività globali tal-Unjoni; u |
(e) |
jgħin fil-ġlieda kontra kull xorta ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbilitajiet, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. |
Artikolu 12
Konsistenza u komplementarjetà
Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-konsistenza u l-komplimentarjetà bejn il-programm u politiki, strumenti u azzjonijiet Komunitarji rilevanti oħra, partikolarment il-koordinazzjoni ma’, u l-implimentazzjoni tal-programm MEDIA 2007 u programmi esterni ta’ koperazzjoni fis-setturi awdjoviżivi u kulturali ma’ pajjiżi terzi.
Artikolu 13
Monitoraġġ u evalwazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-proġetti regolarment. Ir-riżultati tal-proċess ta’ monitoraġġ għandhom jiġu kkunsidrati fl-implimentazzjoni tal-programm.
2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-programm jiġi evalwat esternament u indipendentement.
3. Il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni:
(a) |
komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni possibbli tal-programm sal-31 ta’ Jannar 2012; |
(b) |
rapport ta’ evalwazzjoni ex post sal-31 ta’ Diċembru 2015. |
Artikolu 14
Baġit
1. Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-programm għall-perijodu stabbilit fl-Artikolu 1(1) huwa stabbilit għal EUR 15 000 000.
2. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.
KAPITLU IV
DĦUL FIS-SEĦĦ
Artikolu 15
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2011.
Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Ottubru 2009.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
C. MALMSTRÖM
(1) Opinjoni tal-25 ta’ Marzu 2009 (ĠU C 228, 22.9.2009, p. 100).
(2) Opinjoni tal-21 ta’ April 2009 (ĠU C 200, 25.8.2009, p. 51).
(3) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Mejju 2009 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2009.
(4) ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.
(5) ĠU C 320, 16.12.2008, p. 10.
(6) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(7) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(8) Id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 12).
(9) Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248 16.9.2002, p. 1).
(10) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jistipula regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1).
ANNESS
AZZJONIJIET LI GĦANDHOM JIĠU IMPLIMENTATI
1. Għan Speċifiku 1: tisħiħ tal-iskambju tal-informazzjoni, tat-taħriġ u tal-għarfien tas-suq
Għan operattiv:
It-tisħiħ tal-ħiliet tal-professjonisti Ewropej u ta’ dawk ta’ pajjiżi terzi u t-titjib tal-livell ta’ informazzjoni u għarfien.
Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati:
— |
L-appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-moduli tat-taħriġ inklużi l-persuni li jkunu qed jitħarrġu u dawk li jagħtu t-taħriġ minn pajjiżi Ewropej u pajjiżi terzi; b’enfasi fuq il-kondizzjonijiet tal-produzzjoni, tal-koproduzzjoni, tad-distribuzzjoni, tal-wiri u tad-disseminazzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi fis-swieq internazzjonali rilevanti. |
— |
L-appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-moduli tat-taħriġ inklużi l-persuni li jkunu qed jitħarrġu u dawk li jagħtu t-taħriġ minn pajjiżi Ewropej u pajjiżi terzi, b’enfasi fuq l-inklużjoni ta’ teknoloġiji ġodda għall-produzzjoni, għal wara l-produzzjoni, għad-distribuzzjoni (inklużi l-pjattaformi l-ġodda għad-distribuzzjoni, bħalma huma l-VOD, l-IPTV, u l-Web TV), għall-kummerċjalizzazzjoni u l-arkivjar tax-xogħlijiet awdjoviżivi. |
— |
Inkoraġġiment għal skambji bejn l-istituzzjonijiet u/jew attivitajiet ta’ taħriġ kontinwu eżistenti. |
— |
Kontribut għat-taħriġ ta’ min iħarreġ. |
2. Għan Speċifiku 2: kompetittività u distribuzzjoni
(1) Għan operattiv:
Il-faċilitazzjoni tat-tiftix għal imsieħba għal koproduzzjonijiet.
Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati:
— |
Appoġġ għall-organizzazzjoni tal-fora għall-iżvilupp, il-finanzjament, il-koproduzzjoni u l-bejgħ minn qabel ta’ koproduzzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari s-swieq ta’ koproduzzjoni u l-avvenimenti għat-tfittxija tal-isħab (il-preżentazzjoni fil-qosor ta’ ideat għal films), bil-ħsieb li jingħaqdu flimkien l-isħab possibbli (pereżempju awturi tal-iskritti, diretturi, atturi, produtturi u distributuri). |
(2) Għan operattiv:
L-inkoraġġiment tal-bejgħ u l-promozzjoni internazzjonali ta’ xogħlijiet awdjoviżivi.
Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati:
— |
Inkoraġġiment għall-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn gruppi ta’ detenturi tad-drittijet/aġenti tal-bejgħ/distributuri Ewropej u minn pajjiżi terzi sabiex tiġi żgurata d-distribuzzjoni (pereżempju fiċ-ċinema, fuq it-televiżjoni, u fil-pjattaformi tal-IPTV, tal-Web TV u tal-VOD) tax-xogħlijiet awdjoviżivi rispettivi tagħhom fit-territorju/i tas-sieħeb/sħab tagħhom. |
— |
Sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, permezz ta’ kampanji ta’ promozzjoni rinfurzati, tar-rilaxx ta’ films minn pajjizi Ewropej fid-dinja kollha, kif ukoll ir-rilaxx ta’ films minn pajjiżi terzi fl-Ewropa. |
— |
Appoġġ għall-qlib minn lingwa għall-oħra u għall-għoti tas-sottotitoli għad-distribuzzjoni u d-disseminazzjoni, bil-modi disponibbli kollha, ta’ xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u dawk minn pajjiżi terzi għall-benefiċċju tal-produtturi, tad-distributuri u tax-xandara. |
— |
Inkoraġġiment għall-ħolqien u l-konsolidament ta’ netwerks ta’ koperazzjoni artistika u industrijali bejn id-detenturi tad-drittijiet/l-aġenti tal-bejgħ/id-distributuri Ewropej u dawk minn pajjiżi terzi. |
3. Għan Speċifiku 3: appoġġ għaċ-ċirkulazzjoni
(1) Għan operattiv:
L-inkoraġġiment tal-operaturi taċ-ċinema f’pajjiżi Ewropej u f’pajjiżi terzi sabiex iżidu reċiprokament il-kondizzjonijiet tal-ipprogrammar u tal-wiri tal-ewwel wirijiet esklussivi ta’ xogħlijiet awdjoviżivi.
Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati:
— |
Appoġġ għal proġetti ppreżentati mis-sidien taċ-ċinemas Ewropej u ta’ pajjiżi terzi fl-ipprogrammar ta’ sehem sinifikanti ta’ films Ewropej u ta’ pajjiżi terzi rispettivament f’ċinemas kummerċjali għall-ewwel wiri għal tul minimu definit. L-appoġġ mogħti se jiġi ddeterminat b’mod partikolari skont it-tul, l-espożizzjoni u l-għadd ta’ wirjiet magħmula minn dawn iċ-ċinemas għal films ta’ pajjiżi terzi (jew għal films Ewropej fil-każ ta’ sidien ta’ ċinema ta’ pajjiż terz) matul perijodu ta’ referenza. |
— |
Appoġġ għall-ħolqien u l-konsolidament ta’ netwerks tas-sidien taċ-ċinema Ewropej u ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jiżviluppaw azzjonijiet komuni għal dan it-tip ta’ pprogrammar. |
(2) Għan operattiv
Iż-żieda fil-provvista ta’ kontenut awdjoviżiv u t-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xandir u tad-distribuzzjoni għal xogħlijiet awdjoviżivi minn pajjiżi terzi fuq l-istazzjonijiet tad-distribuzzjoni Ewropej u għal xogħlijiet Ewropej fuq l-stazzjonijiet tad-distribuzzjoni ta’ pajjiżi terzi.
Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati:
— |
Appoġġ għal sħubijiet bejn xandara (jew pjattaformi tal-VOD eċċ.) u detenturi tad-drittijiet Ewropej u minn pajjiżi terzi li jimmiraw għal xandir ta’ pakkett ta’ xogħlijiet Ewropej u minn pajjiżi terzi jew għat-tqassim ta’ katalogu ta’ xogħlijiet Ewropej u minn pajjiżi terzi fuq pjattaformi tal-VOD. |
— |
Bini ta’ fiduċja u relazzjonijiet tax-xogħol fit-tul bejn xandara Ewropej u minn pajjiżi terzi, pjattaformi tal-VOD u detenturi tad-drittijiet. |
(3) Għan operattiv:
Il-faċilitazzjoni tal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti u ta’ inizjattivi ta’ għarfien dwar il-films.
Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati:
— |
Appoġġ għal netwerking ta’ inizjattivi Ewropej u ta’ pajjiżi terzi ta’ għarfien dwar il-films, b’mod partikolari dawk immirati għal telespettaturi żgħażagħ, għall-promozzjoni internazzjonali tad-diversità ta’ xogħlijiet awdjoviżivi. |
— |
Appoġġ għal sħubijiet bejn xandara Ewropej u dawk ta’ pajjiżi terzi għax-xandir ta’ xogħlijiet awdjoviżivi ddedikati lil telespettaturi żgħażagħ. |