Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0887

    2009/887/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ Novembru 2009 dwar in-noninklużjoni tal-bifenthrin fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza (notifikata bid-dokument numru C(2009) 9196) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 318, 4.12.2009, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/887/oj

    4.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 318/41


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-30 ta’ Novembru 2009

    dwar in-noninklużjoni tal-bifenthrin fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza

    (notifikata bid-dokument numru C(2009) 9196)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2009/887/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipula li matul perjodu ta’ 12-il sena wara n-notifika ta’ din id-Direttiva Stat Membru jista’ jawtorizza t-tqegħid fis-suq fit-territorju tiegħu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jinsabux fl-Anness I ta’ din id-Direttiva u li jkunu diġà ilhom fis-suq sentejn wara n-notifika, fil-waqt li s-sustanzi jkunu qed jiġu investigati gradwalment fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

    (2)

    Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 1490/2002 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bl-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi l-bifenthrin.

    (3)

    Għall-bifenthrin, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew ivvalutati skont id-dispożizzjonijiet stipulati bir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 1490/2002 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawn ir-Regolamenti jinnominaw lill-Istati Membri relaturi li għandhom iressqu r-rapporti ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002. Rigward il-bifenthrin, l-Istat Membru relatur kien Franza u l-informazzjoni kollha rilevanti tressqet fil-15 ta’ Diċembru 2005.

    (4)

    Ir-rapport ta’ valutazzjoni saritlu reviżjoni inter pares mill-Istati Membri u l-EFSA fl-Evalwazzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma u ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Settembru 2008 fil-format tal-konklużjoni tal-EFSA fir-rigward tar-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva bifenthrin (4). Dan ir-rapport ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali u ġie ffinalizzat fit-12 ta’ Marzu 2009 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-bifenthrin.

    (5)

    Matul il-valutazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, ġie identifikat xi tħassib. Dan kien partikolarment minħabba li, skont id-dejta mdaħħla min-notifikant fiż-żmien stipulat mil-liġi ma kinitx possibbli evalwazzjoni tal-kontaminazzjoni potenzjali tal-ilma ta’ taħt l-art minn prodott prinċipali li jiddegrada l-ħamrija (L-aċtu TFP). Barra minn hekk, ħareġ tħassib dwar nuqqas possibbli ta’ valutazzjoni korretta tar-riskji għall-konsumaturi, minħabba n-numru limitat tad-dejta dwar ir-residwi li huma disponibbli u minħabba n-nuqqas ta’ investigazzjoni dwar il-mudell ta’ metabolismu taż-żewġ isomeri li jikkostitwixxu l-bifenthrin. Fir-rigward tal-ekotossikoloġija, ir-riskju għall-vertebrati akkwatiċi ma weriex li jiġġenera użi aċċettabbli, u sadattant għad hemm l-inċertezza dwar l-effetti mġarrba tal-bijoakkumulazzjoni tas-sustanza attiva fil-ħut. Barra minn hekk, ġew identifikati riskji kbar għall-mammali (riskju fuq medda twila ta’ żmien u avvelenament sekondarju), għall-ħniex tal-art (riskju fuq medda twiela ta’ żmien) u artropodi barra mill-mira (fil-post), filwaqt li r-riskju għall-pjanti u għall-makroorganiżmi tal-ħamrija barra mill-mira għadu ma ġiex indirizzat biżżejjed. Konsegwentement, ma kienx possibbli li tintlaħaq konklużjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien legalment stipulat, li l-bifenthrin laħaq il-kriterji għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (6)

    Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni inter pares u dwar jekk kienx biħsiebu jkompli jappoġġa s-sustanza jew le. In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu li ġew studjati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, it-tħassib identifikat baqa’ ma ġiex solvut, u l-valutazzjonijiet li kienu msejsa fuq it-tagħrif ippreżentat u vvalutat matul il-laqgħat ta’ esperti tal-EFSA ma wrewx li, fil-kundizzjonijiet proposti ta’ użu, il-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-bifenthrin ikunu jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (7)

    Għalhekk, il-bifenthrin ma għandux ikun inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (8)

    Għandhom jittieħdu l-miżuri li jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom il-bifenthrin jiġu rtirati f’perjodu ta’ żmien preskritt u ma jiġġeddux, u li ma jingħatawx awtorizzazzjonijiet ġodda għal dan it-tip ta’ prodotti.

    (9)

    Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti minn Stat Membru għar-rimi, il-ħażna, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-bifenthrin, għandu jkun limitat għal perjodu ta’ tnax-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jkunu użati fi staġun ieħor tat-tkabbir, li jiżgura li l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-bifenthrin jistgħu jibqgħu jinkisbu mill-bdiewa sa 18-il xahar wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċizjoni.

    (10)

    Din id-deċiżjoni hija bla ħsara għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-bifenthrin skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, li r-regoli ta’ implimentazzjoni ddettaljati tagħha tniżżlu fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (5) fid-dawl ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I tagħha.

    (11)

    Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma tax opinjoni dwar il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu u l-Kummissjoni b’hekk bagħtet proposta lill-Kunsill relatata ma’ dawn il-miżuri. Peress li, mal-iskadenza tal-perjodu stipulat fit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, il-Kunsill la kien adotta l-miżuri proposti u lanqas ma indika li hu kontrihom, dawn għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Bifenthrin mhux se jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    (a)

    l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-bifenthrin se jiġu irtirati sat-30 ta’ Mejju 2010;

    (b)

    l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-bifenthrin ma tingħata jew tiġi mġedda mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi mhux aktar tard mit-30 ta’ Mejju 2011.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

    (2)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

    (3)  ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.

    (4)  Ir-Rapport Xjentifiku tal-EFSA(2008) 186. Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni dwar ir-riskju marbut mal-pestiċidi tas-sustanza attiva bifenthrin, konkluż fit-30 ta’ Settembru 2008.

    (5)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.


    Top