Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0767

    2009/767/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Ottubru 2009 li tistipula miżuri li jiffaċilitaw l-użu ta’ proċeduri b’mezzi elettroniċi permezz tal- punti ta’ kuntatt waħdieni skont id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern (notifikata bid-dokument numru C(2009) 7806) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 274, 20.10.2009, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/02/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/767/oj

    20.10.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 274/36


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-16 ta’ Ottubru 2009

    li tistipula miżuri li jiffaċilitaw l-użu ta’ proċeduri b’mezzi elettroniċi permezz tal-“punti ta’ kuntatt waħdieni” skont id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern

    (notifikata bid-dokument numru C(2009) 7806)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2009/767/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-obbligi ta’ simplifikazzjoni amministrattiva mqiegħda fuq lill-Istati Membri fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2006/123/KE, b’mod partikulari l-Artikoli 5 u 8 tagħha, jinkludu l-obbligu li jiġu ssimplifikati l-proċeduri u l-formalitajiet applikabbli għall-aċċess u għat-twettiq ta’ attività ta’ servizz, kif ukoll l-obbligu li jiġi żgurat li dawk il-proċeduri u formalitajiet ikunu jistgħu jitwettqu mill-fornituri ta’ servizzi mill-bogħod u b’mod elettroniku permezz ta’ “punti ta’ kuntatt waħdieni”.

    (2)

    It-twettiq tal-proċeduri u tal-formalitajiet permezz tal-“punti ta’ kuntatt waħdieni” għandu jkun possibbli bejn il-fruntieri tal-Istati Membri, kif inhu stipulat fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/123/KE.

    (3)

    Biex jaqdu l-obbligu ta’ simplifikazzjoni tal-proċeduri u tal-formalitajiet, u biex jiffaċilitaw l-użu transkonfinali tal-“punti ta’ kuntatt waħdieni”, il-proċeduri b’mezzi elettroniċi għandhom jissejsu fuq soluzzjonijiet sempliċi, inkluż fejn jidħol l-użu ta’ firem elettroniċi. F’każijiet fejn, wara valutazzjoni xierqa tar-riskji ta’ proċeduri u formalitajiet konkreti, jitqies meħtieġ livell għoli ta’ sigurtà jew ekwivalenza għal firma bil-miktub, għal ċerti proċeduri u formalitajiet, il-fornituri ta’ servizzi jistgħu jitolbu firem elettroniċi avvanzati msejsa fuq ċertifikat ikkwalifikat, kemm bl-użu ta’ tagħmir għall-ħolqien tal-firem sikuri kif ukoll mingħajru.

    (4)

    Il-qafas Komunitarju għall-firem elettroniċi ġie stabbilit fid-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar kwadru [qafas] tal-Komunità għall-firem elettroniċi (2). Sabiex jitħaffef l-użu transkonfinali effikaċi tal-firem elettroniċi avvanzati msejsa fuq ċertifikat ikkwalifikat, għandha tissaħħaħ il-fiduċja f’dawn il-firem elettroniċi irrispettivament mill-Istat Membru li fih huwa stabbiliti l-firmatarju jew il-fornitur tas-servizz ta’ ċertifikazzjoni li joħroġ iċ-ċertifikat ikkwalifikat. Dan jista’ jinkiseb billi t-tagħrif meħtieġ għall-ivvalidar tal-firem elettroniċi jsir aktar disponibbli u f’forma li wieħed jista’ joqgħod fuqha, partikularment tagħrif marbut mal-fornituri ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni li huma sorveljati/akkreditati fi Stat Membru, kif ukoll mas-servizzi li dawn joffru.

    (5)

    Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-Istati Membri jqiegħdu dan it-tagħrif għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ mudell komuni, bil-għan li jitħaffef l-użu tiegħu, u biex jiġi żgurat livell xieraq ta’ dettall li jippermetti lill-parti riċevituri tivvalida l-firma elettronika,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Użu u aċċettazzjoni tal-firem elettroniċi

    1.   Jekk ikun iġġustifikat abbażi ta’ valutazzjoni xierqa tar-riskji involuti, u skont l-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva 2006/123/KE, l-Istati Membri jistgħu jitolbu, għat-twettiq ta’ ċerti proċeduri u formalitajiet permezz tal-punti ta’ kuntatt waħdieni skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/123/KE, l-użu mill-fornitur tas-servizz ta’ firem elettroniċi avvanzati msejsa fuq ċertifikat ikkwalifikat, flimkien ma’ tagħmir għall-ħolqien tal-firem sikuri jew mingħajru, kif iddefinit u rregolat mid-Direttiva 1999/93/KE.

    2.   L-Istati Membri għandhom jaċċettaw kull firma elettronika avvanzata msejsa fuq ċertifikat ikkwalifikat, flimkien ma’ tagħmir għall-ħolqien tal-firem sikuri jew mingħajru, għat-twettiq tal-proċeduri u l-formalitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, mingħajr ħsara għall-possibbiltà li l-Istati Membri jillimitaw din l-aċċettazzjoni għall-firem elettroniċi avvanzati msejsa fuq ċertifikat ikkwalifikat u maħluqa minn mekkanizmu ta’ sikurezza għall-ħolqien tal-firem, dejjem jekk dan ikun skont il-valutazzjoni tar-riskji msemmija fil-paragrafu 1.

    3.   L-Istati Membri m’għandhomx irendu l-aċċettazzjoni tal-firem elettroniċi avvanzati msejsa fuq ċertifikat ikkwalifikat, flimkien ma’ tagħmir għall-ħolqien tal-firem sikuri jew mingħajru, soġġetta għal rekwiżiti li joħolqu xkiel għall-użu, mill-fornituri ta’ servizzi, ta’ proċeduri b’mezzi elettroniċi permezz tal-punti ta’ kuntatt waħdieni.

    4.   Il-paragrafu 2 ma jżommx lill-Istati Membri milli jaċċettaw firem elettroniċi differenti minn dawk avvanzati msejsa fuq ċertifikat ikkwalifikat, flimkien ma’ tagħmir għall-ħolqien tal-firem sikuri jew mingħajru.

    Artikolu 2

    L-istabbiliment, iż-żamma u l-pubblikazzjoni ta’ listi ta’ fiduċja

    1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi, iżomm u jippubblika, skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness, “lista ta’ fiduċja” bit-tagħrif minimu rigward il-fornituri ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni li joħorġu ċertifikati kkwalifikati lill-pubbliku u li huma sorveljati jew akkreditati mill-istess Stat Membru.

    2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw, bħala minimu, forma tal-lista ta’ fiduċja li tista’ tinqara mill-bniedem, skont l-ispeċifikazzjonijiet stipulati fl-Anness.

    3.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-entità responsabbli għall-istabbiliment, iż-żamma u l-pubblikazzjoni tal-lista ta’ fiduċja, il-post fejn il-lista ta’ fiduċja tiġi ppubblikata, u kwalunkwe tibdil li jsir fiha.

    Artikolu 3

    Applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-28 ta’ Diċembru 2009.

    Artikolu 4

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Charlie McCREEVY

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

    (2)  ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.


    Top