EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1342

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat- 18 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004

ĠU L 348, 24.12.2008, p. 20–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 04/08/2018; Imħassar b' 32018R0973

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1342/oj

24.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 348/20


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1342/2008

tat-18 ta’ Diċembru 2008

li jistabbilixxi pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2004 tas-26 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi miżuri għall-irkuprar ta' l-istokkijiet ta' merluzz (2) huwa maħsub sabiex jiżgura l-irkupru sigur tal-istokkijiet tal-merluzz, fil-Kattegat, il-Baħar tat-Tramuntana inkluż is-Skagerrak u l-Kanal tal-Lvant, lejn il-Punent tal-Iskozja u l-Baħar Irlandiż, għad-daqs ta’ stokkijiet ta’ prekawzjoni rrakkomandat mix-xjenzati fi żmien perijodu ta' minn ħames sa għaxar snin.

(2)

Parir xjentifiku reċenti tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (International Council for the Exploration of the Sea, ICES) indika li t-tnaqqis fil-qbid tal-merluzz li jirriżulta mill-effett kollettiv tal-qabdiet totali permissibbli (TACs), il-miżuri tekniċi u l-miżuri komplimentari tal-ġestjoni tal-isforzi, inkluż il-monitoraġġ u l-kontroll għall-prevenzjoni tal-qbid u l-iżbark ta' merluzz maqbud b'sajd illegali, mhux irraportat u mhux regolat, u ma kienu suffiċjenti xejn sabiex inaqqsu l-mortalità mis-sajd għal-livelli meħtieġa sabiex jippermettu li l-istokkijiet tal-merluzz jerġgħu jikbru u l-ebda wieħed mill-erba' stokkijiet tal-merluzz koperti mir-Regolament (KE) Nru 423/2004 mhu qed juri sinjali ċari ta’ rkupru, għalkemm l-istokkijiet fil-Baħar tat-Tramuntana qed juru xi sinjali ta' titjib.

(3)

Jidher meħtieġ li r-reġim jiġi rrinfurzat u li jiddaħħal pjan għal perijodu fit-tul sabiex jinkiseb sfruttar sostenibbli tal-istokkijiet tal-merluzz abbażi ta' rendiment sostenibbli massimu.

(4)

Abbażi ta' preżentazzjonijiet xjentifiċi reċenti, partikolarment dwar ix-xejriet fit-tul ta’ ekosistemi marini, il-livelli mixtieqa ta’ bijomassa ma jistgħux jiġu stabbiliti bi preċiżjoni għal perijodu fit-tul. B'konsegwenza, l-objettiv tal-pjan għal perijodu fit-tul għandu jinbidel minn mira bbażata fuq il-bijomassa għal mira bbażata fuq il-mortalità mis-sajd, li għandu jkun applikat ukoll għal-livelli permessi tal-isforz tas-sajd.

(5)

L-istokk tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana huwa kondiviż man-Norveġja u huwa konġuntement ġestit. Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament għandhom jieħdu kont dovut ta' konsultazzjonijiet man-Norveġja konformement mal-Ftehim dwar is-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (3).

(6)

F’każ li l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries, STECF) ma jkunx jista’ jagħti parir dwar TAC minħabba nuqqas ta’ informazzjoni preċiża u rappreżentattiva biżżejjed, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet sabiex ikun żgurat li jista' jiġi stabbilit TAC b’mod konsistenti wkoll f’kondizzjonijiet ta’ data insuffiċjenti.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-miri ta’ mortalità mis-sajd jintlaħqu, u sabiex jiġi minimizzat ir-rimi, l-opportunitajiet tas-sajd fir-rigward tal-isforz tas-sajd għandhom ukoll ikunu stabbiliti f’livelli li jkunu konsistenti mal-istrateġija pluriennali. Opportunitajiet ta’ sajd bħal dawn għandhom, kemm jista’ jkun, jiġu definiti relattivament għat-tipi ta’ rkaptu tas-sajd abbażi tal-prattika attwali tas-sajd. Huwa meħtieġ li tiġi prevista reviżjoni perjodika tal-effikaċja tas-sistema ta' ġestjoni u li jiġi żgurat partikolarment li, meta l-istokkijiet tal-merluzz ikunu laħqu livelli li jippermettu sfruttament li jagħti rendiment sostenibbli massimu, is-sistema ta' regolamentazzjoni tal-isforz tas-sajd tiġi riveduta.

(8)

Għandhom jiġu introdotti mekkaniżmi ġodda sabiex is-sajjieda jkunu mħeġġa jissieħbu fi programmi għall-prevenzjoni tal-qbid tal-merluzz. Kwalunkwe tali programm għall-prevenzjoni tal-qbid tal-merluzz jew għat-tnaqqis tar-rimi jkollu aktar opportunità li jirnexxi jekk jiġi żviluppat f'kooperazzjoni mal-industrija tas-sajd; għalhekk, tali programmi żviluppati mal-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala mezz effettiv għall-promozzjoni tas-sostenibbiltà u l-iżvilupp tagħhom għandu jiġi inkoraġġut. Barra minn dan, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-poter tagħhom sabiex jallokaw aċċess għas-sajd tal-istokkijiet tal-merluzz sabiex is-sajjieda tagħhom jistadu ikunu mħeġġa b'modi li jirriżultaw f'sajd aktar selettiv u anqas ta' ħsara għall-ambjent.

(9)

L-istabbiliment u l-allokazzjoni tal-limiti tal-qbid, l-iffissar tal-livelli minimi u ta' prekawzjoni tal-istokkijiet u tal-livell tar-rati ta' mortalità mis-sajd, kif ukoll l-isforz massimu permissibbli għal kull grupp ta' sforz mill-Istat Membru u l-esklużjoni ta' ċerti gruppi ta' bastimenti mir-reġim tal-isforz stabbilit f'dan ir-Regolament huma miżuri ta' importanza ewlenija fil-Politika Komuni tas-Sajd. Huwa adatt li l-Kunsill għandu jżomm id-dritt huwa stess sabiex jeżerċita direttament il-poteri implimentattivi fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet speċifiċi.

(10)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari, dawk relatati għall-adattamenti tal-limiti tal-isforz tas-sajd fi ħdan l-isforz massimu permissibbli stabbilit mill-Kunsill għandhom jiġu adottati konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (4).

(11)

Għandhom jiġu introdotti miżuri ta’ kontroll flimkien ma’ dawk li stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll applikabbli għall-politika tas-sajd komuni (5) sabiex tiġi żgurata konformità mal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(12)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli sabiex jikkwalifikaw il-pjan għal perijodu fit-tul introdott b'dan ir-Regolament, b'kont meħud tas-sitwazzjoni tal-istokkijiet rilevanti, bħala pjan ta' rkupru fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd taħt il-Politika Komuni dwar is-Sajd (6), u għall-finijiet tal-Artikolu 21(a)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (7) jew, bħala alternattiva, bħala pjan ta' ġestjoni fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, u għall-finijiet tal-Artikolu 1(a)(iv) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006.

(13)

Ir-Regolament (KE) Nru 423/2004 għandu jitħassar u jiġi sostitwit b'dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan għal erba' stokkijiet ta' merluzz li jikkorrispondu għaż-żoni ġeografiċi li ġejjin:

(a)

il-Kattegat;

(b)

il-Baħar tat-Tramuntana, is-Skagerrak u l-Kanal tal-Lvant;

(c)

il-Punent tal-Iskozja;

(d)

il-Baħar Irlandiż.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, flimkien mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“grupp ta' sforz” tfisser unità ta' ġestjoni ta' Stat Membru li għaliha jkun stabbilit sforz tas-sajd massimu permissibbli. Huwa definit minn grupp ta' rkaptu u żona kif stabbilit fl-Anness I;

(b)

“grupp ta' sforz aggregat” tfisser il-kombinazzjoni tal-grupp ta' sforz tal-Istati Membri kollha li għandhom l-istess grupp ta' rkaptu u żona;

(c)

“qabda għal kull unità ta' sforz” (CPUE) tfisser il-kwantità ta' merluzz maqbuda u espressa f'piż ħaj b'unità waħda ta' sforz tas-sajd espressa f'KW/jiem matul sena waħda;

(d)

“gruppi ta' età adatti” tfisser etajiet bejn 3, 4 u 5 snin għall-merluzz fil-Kattegat; età ta' 2, 3 u 4 snin għall-merluzz fil-Baħar Irlandiz, fil-Baħar tat-Tramuntana, Skagerrak u l-Kanal tal-Lvant; età ta' 2, 3, 4 u 5 snin għall-merluzz fil-Punent tal-Iskozja; jew gruppi ta' età oħrajn kif rakkommandat bħala adatti mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF).

Artikolu 3

Definizzjonijiet ġeografiċi

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ġeografiċi ta' żoni ġeografiċi li ġejjin:

(a)

“Kattegat” tfisser dik il-parti tad-Diviżjoni IIIa, kif iddelineata mill-ICES, b'konfini min-naħa tat-Tramuntana b'linja mill-fanal tal-port fi Skagen sal-fanal tal-port f'Tistlarna u minn din il-ponta sal-eqreb ponta fil-kosta Svediża u min-naħa ta' Nofsinhar b'linja minn Hasenore sa Gnibens Spids, minn Korshage sa Spodsbjerg u minn Gilbjerg Hoved sa Kullen;

(b)

“Baħar tat-Tramuntana” tfisser is-Subżona IV tal-ICES u dik il-parti tad-Diviżjoni IIIa tal-ICES li mhijiex koperta mis-Skagerrak u l-Kattegat u dik il-parti tad-Diviżjoni IIA tal-ICES li qiegħda fl-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' Stati Membri;

(c)

“Skagerrak” tfisser dik il-parti tad-Diviżjoni IIIa tal-ICES b'konfini min-naħa tal-Punent b'linja mill-fanal tal-port f'Hanstholm sal-fanal tal-port f'Lindesnes u min-naħa ta' Nofsinhar b'linja mill-fanal tal-port fi Skagen sal-fanal tal-port f'Tistlarna u minn dik il-ponta sal-eqreb ponta fil-kosta Svediża;

(d)

“Kanal tal-Lvant” tfisser id-Diviżjoni VIId tal-ICES;

(e)

“Baħar Irlandiż” tfisser id-Diviżjoni VIIa tal-ICES;

(f)

“Punent tal-Iskozja” tfisser id-Diviżjoni VIa tal-ICES u dik il-parti tad-Diviżjoni Vb tal-ICES li tinsab fl-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' Stati Membri.

Artikolu 4

Kalkolu tal-isforz tas-sajd

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-isforz tas-sajd użat minn grupp ta' bastimenti għandu jkun ikkalkolat bħala somma tal-prodotti tal-valuri tal-kapaċità espressa f'kW għal kull bastiment u l-għadd ta' jiem li kull bastiment kien preżenti f'żona kif stabbilit fl-Anness I. Jum preżenti f’żona għandu jkun kwalunkwe perijodu kontinwu ta’ 24 siegħa (jew parti minnu) li matulu bastiment ikun preżenti fiż-żona u assenti mill-port.

Artikolu 5

Objettiv tal-pjan

1.   Il-pjan imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jiżgura l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet ta' merluzz abbażi ta' rendiment sostenibbli massimu.

2.   L-objettiv imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkiseb waqt li tinżamm il-mortalità, hawn taħt indikata, mis-sajd fir-rigward tal-merluzz fi gruppi adatti ta' età:

Stokk

Rata ta' mortalità mis-sajd

Merluzz fil-Kattegat

0,4

Merluzz lejn il-Punent tal-Iskozja

0,4

Merluzz fil-Baħar Irlandiż

0,4

3.   Għall-istokk tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, is-Skagerrak u l-Kanal tal-Lvant, l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jintlaħaq filwaqt li tinżamm il-mortalità mis-sajd għall-merluzz fi gruppi adatti ta' età msemmija fl-Artikolu 8.

KAPITOLU II

QABDIET TOTALI PERMISSIBBLI

Artikolu 6

Livelli minimi u prekawzjonarji

Il-livell minimu ta' bijomassa riproduttiva u l-livell prekawzjonarju ta' bijomassa riproduttiva għal kull wieħed mill-istokkijiet ta' merluzz għandhom ikunu kif ġej:

Stokk

Livelli Minimi ta' Bijomassa riproduttiva

f'tunnellati metriċi

Livelli Prekawzjonarji ta' Bijomassa riproduttiva

f'tunnellati metriċi

Merluzz fil-Kattegat

6 400

10 500

Merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, is-Skagerrak u l-Kanal tal-Lvant

70 000

150 000

Merluzz lejn il-Punent tal-Iskozja

14 000

22 000

Merluzz fil-Baħar Irlandiż

6 000

10 000

Artikolu 7

Proċedura għall-istabbiliment tat-TAC għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Kattegat, il-Punent tal-Iskozja u l-Baħar Irlandiż

1.   Kull sena, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-TAC għas-sena ta' wara għal kull wieħed mill-istokkijiet ta' merluzz fil-Kattegat, il-Punent tal-Iskozja u l-Baħar Irlandiż.It-TAC għandu jkun ikkalkulat billi jitnaqqsu l-kwantitajiet li ġejjin mit-total ta' merluzz imwarrab previst mill-STECF bħala li jkun jikkorrispondi għar-rati ta' mortalità mis-sajd imsemmijin fil-paragrafi 2 u 3:

(a)

kwantità ta' ħut ekwivalenti għar-rimi mistenni ta' merluzz mill-istokk ikkonċernat;

(b)

fejn u kif meħtieġ, kwantità li tikkorrispondi għal sorsi oħrajn ta' mortalità tal-merluzz, ikkawżat mis-sajd li għandha tkun stabbilita abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

2.   It-TAC għandu, abbażi tal-parir tal-STECF, jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

jekk id-daqs tal-istokk fl-1 ta’ Jannar tas-sena ta' applikazzjoni tat-TAC ikun previst mill-STECF li jkun anqas mil-livell minimu tal-bijomassa riproduttiva stabbilit fl-Artikolu 6, ir-rata ta' mortalità mis-sajd għandha titnaqqas b'25 % fis-sena ta' applikazzjoni tat-TAC kif imqabbla mar-rata ta' mortalità mis-sajd fis-sena preċedenti;

(b)

jekk id-daqs tal-istokk fl-1 ta’ Jannar tas-sena ta' applikazzjoni tat-TAC ikun previst mill-STECF li jkun anqas mil-livell minimu tal-bijomassa riproduttiva stabbilit fl-Artikolu 6 u ogħla jew daqs il-livell minimu tal-bijomassa riproduttiva stabbilit fl-Artikolu 6, ir-rata ta' mortalità mis-sajd għandha titnaqqas bi 15 % fis-sena ta' applikazzjoni tat-TAC kif imqabbla mar-rata ta' mortalità mis-sajd fis-sena preċedenti; u

(c)

jekk id-daqs tal-istokk fl-1 ta’ Jannar tas-sena ta' applikazzjoni tat-TAC ikun previst mill-STECF li jkun ogħla jew daqs il-livell prekawzjonarju tal-bijomassa riproduttiva stabbilit fl-Artikolu 6, ir-rata ta' mortalità mis-sajd għandha titnaqqas b'10 % fis-sena ta' applikazzjoni tat-TAC kif imqabbla mar-rata ta' mortalità mis-sajd fis-sena preċedenti;

3.   Jekk, abbażi tal-parir tal-STECF, l-applikazzjoni tal-paragrafu 2(b) u (c) tirriżulta f'rata ta' mortalità mis-sajd aktar baxxa mir-rata ta' mortalità mis-sajd speċifikata fl-Artikolu 5(2), il-Kunsull għandu jiffissa t-TAC f'livell li jirriżulta f'rata ta' mortalità mis-sajd kif speċifikat f'dak l-Artikolu.

4.   Meta jagħti l-parir tiegħu taħt il-paragrafi 2 u 3, l-STECF għandu jassumi li fis-sena preċedenti għas-sena ta' applikazzjoni tat-TAC l-istokk ikun instad b'aġġustament fil-mortalità mis-sajd ugwali għat-tnaqqis fl-isforz tas-sajd massimu permissibbli li japplika f'dik is-sena.

5.   Minkejja l-paragrafu 2(a), (b) u (c) u l-paragrafu 3, il-Kunsill m'għandux jistabbilixxi t-TAC f'livell li jkun aktar minn 20 % taħt jew 'il fuq mit-TAC stabbilit fis-sena preċedenti.

Artikolu 8

Proċedura għall-istabbiliment tat-TACs għall-istokk tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, l-Iskagerrak u l-Kanal tal-Lvant

1.   Kull sena l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-TACs għall-istokk tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, l-Iskagerrak u l-Kanal tal-Lvant. Il-TACs għandhom jiġu kkalkulati billi jiġu applikati r-regoli ta' tnaqqis stabbiliti fil-paragrafu 1 (a) u (b) tal-Artikolu 7.

2.   It-TACs għandhom inizjalment jiġu kkalkulati konformement mal-paragrafi 3 u 5. Mis-sena li fiha t-TACs li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-paragrafi 3 u 5 jkunu inqas mit-TACs li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-paragrafi 4 u 5, it-TACs għandhom jiġu kkalkulati konformement mal-paragrafi 4 u 5.

3.   Inizjalment, it-TACs ma għandhomx jeċċedu l-livell korrispondenti għall-mortalità mis-sajd li huwa frazzjoni tal-istima tal-mortalità mis-sajd fir-rigward ta' gruppi ta' etajiet adatti fl-2008 kif ġej: 75 % għat-TACs fl-2009, 65 % għat-TACs fl-2010, u applikazzjoni ta' tnaqqis suċċessiv ta' 10 % kull sena għas-snin ta' wara.

4.   Sussegwentement, jekk id-daqs tal-istokk fl-1 ta’ Jannar tas-sena ta' qabel is-sena tal-applikazzjoni tat-TACs huwa:

a)

ogħla mil-livell prekawzjonarju tal-bijomassa riproduttiva, it-TACs għandhom jikkorrispondu għar-rata ta' mortalità mis-sajd ta' 0,4 fir-rigward ta' gruppi ta' etajiet adatti;

b)

bejn il-livell minimu tal-bijomassa riproduttiva u l-livell prekawzjonarju tal-bijomassa riproduttiva, it-TACs m'għandhomx jeċċedu livell li jikkorrispondi għar-rata ta' mortalità mis-sajd fir-rigward ta' gruppi ta' etajiet adatti ugwali għall-formola li ġejja:

0,4 - (0,2 *(Livell prekawzjonarju tal-bijomassa riproduttiva - bijomassa riproduttiva) / (Livell prekawzjonarju tal-bijomassa riproduttiva - livell minimu ta' bijomassa riproduttiva))

c)

fil-limitu tal-livell tal-bijomassa riproduttiva jew inqas, it-TAC m'għandux ikun iżjed minn livell li jikkorrispondi għar-rata ta' mortalità mis-sajd ta' 0,2 fir-rigward ta' gruppi ta' etajiet adatti.

5.   Minkejja l-paragrafi 3 u 4, il-Kunsill m'għandux jistabbilixxi t-TACs għall-2010 u s-snin sussegwenti f'livell li jkun aktar minn 20 % taħt jew 'il fuq mit-TACs stabbiliti fis-sena preċedenti.

6.   Fejn l-istokk tal-merluzz imsemmi fil-paragrafu 1 ikun ġie sfruttat f'rata ta' mortalità mis-sajd qrib 0.4 matul tliet snin suċċessivi, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu u, fejn adatt, tipproponi miżuri rilevanti sabiex dan jiġi emendat sabiex jiġi żgurat sfruttament fir-rendiment sostenibbli massimu.

Artikolu 9

Proċedura għall-istabbiliment ta' TACs f'kondizzjonijiet ta' data insuffiċjenti

Fejn, minħabba nuqqas ta' informazzjoni mhix preċiża u rappreżentattiva biżżejjed, l-STECF ma jkunx jista' jagħti parir li jippermetti lill-Kunsill jistabbilixxi t-TACs taħt l-Artikolu 7 jew 8, il-Kunsill għandu jiddeċiedi kif ġej:

(a)

fejn l-STECF jagħti parir li l-qabdiet tal-merluzz għandhom jitnaqqsu għal-livell l-aktar baxx possibbli, it-TACs għandu jkun stabbilit abbażi ta' tnaqqis ta' 25 % mqabbel mat-TAC fis-sena preċedenti;

(b)

fil-każijiet l-oħra kollha t-TACs għandu jkun iffissat abbażi ta' tnaqqis ta' 15 % mqabbel mat-TAC fis-sena ta' qabel, sakemm l-STECT ma jagħtix parir li dan ma huwiex opportun.

Artikolu 10

Adattament tal-miżuri

1.   Meta tintlaħaq ir-rata ta' mortalità mis-sajd kif imsemmija fl-Artikolu 5(2) jew f'każ li l-STECF jagħti parir li din il-mira jew il-livelli minimi u prekawzjonarji tal-bijomassa riproduttiva fl-Artikolu 6 jew il-livelli tar-rati ta' mortalità mis-sajd mogħti fl-Artikolu 7(2) ma jkunux aktar adatti sabiex ir-riskju li l-istokkijiet jiġu eżawriti jinżamm baxx u sabiex jinżamm rendiment sostenibbli massimu, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar valuri ġodda għal dawn il-livelli.

2.   F'każ li l-STECF jagħti parir li xi wieħed mill-istokkijiet ta' merluzz ikun qed jonqos li jirkupra sewwa, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni li:

(a)

tistabbilixxi t-TAC għall-istokk rilevanti f'livell aktar baxx minn dak previst fl-Artikoli 7, 8 u 9;

(b)

tistabbilixxi l-isforz tas-sajd massimu permissibbli f'livell aktar baxx minn dak previst fl-Artikolu 12;

(c)

tistabbilixxi kondizzjonijiet assoċjati kif opportun.

KAPITOLU III

LIMITAZZJONI TAL-ISFORZ TAS-SAJD

Artikolu 11

Reġim tal-isforz tas-sajd

1.   It-TACs stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9 għandhom ikunu kkomplementati minn reġim tal-isforz tas-sajd li bih opportunitajiet fis-sajd f'termini ta' sforz tas-sajd huma allokati lil Stati Membri fuq bażi annwali.

2.   Il-Kunsill jista', filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri u tal-parir tal-STECF msemmi fil-paragrafu 3, jeskludi ċerti gruppi ta' bastimenti mill-applikazzjoni tar-reġim tal-isforz dment li:

a)

tkun disponibbli data adatta dwar qabdiet u rimi ta' merluzz sabiex l-STECF ikun jista' jivvaluta l-persentaġġ ta' qabdiet ta' merluzz minn kull grupp ta' bastimenti involuti;

b)

il-persentaġġ ta' qabdiet ta' merluzz kif ivvalutat mill-STECF ma jeċċedix 1,5 % tal-qabdiet totali għal kull grupp ta' bastimenti involuti; u

c)

l-inklużjoni ta' dawn il-gruppi ta' bastimenti fir-reġim tal-isforz ikun jikkostitwixxi piż amministrattiv sproporzjonat għall-impatt ġenerali fuq l-istokkijiet ta' merluzz.

Jekkk l-STECF mhux f'pożizzjoni li jivvaluta li dawn il-kondizzjonijiet ser jibqgħu jiġu sodisfatti, il-Kunsill għandu jinkludi kull grupp ta' bastimenti involuti fir-reġim tal-isforz.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu annwalment informazzjoni adatta lill-Kummissjoni u lill-STECF sabiex jiġi stabbilit li l-kondizzjonijiet ta' hawn fuq huma u jibqgħu sodisfatti konformement mar-regoli ddettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 12

Allokazzjonijiet ta' sforz tas-sajd

1.   Kull sena, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-isforz massimu permissibbli tas-sajd għal kull grupp ta' sforz minn Stat Membru.

2.   L-isforz tas-sajd massimu permissibbli għandu jkun ikkalkulat permezz ta' valur ta' riferiment stabbilit kif ġej:

(a)

għall-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament il-valur ta' riferiment għandu jkun stabbilit għal kull grupp ta' sforz bħala l-isforz medju f'kW-jiem matul is-snin 2004-2006 jew 2005-2007, abbażi tal-preferenza tal-Istat Membru involut, abbażi tal-parir tal-STECF;

(b)

għas-snin sussegwenti ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-valur ta' riferiment għandu jkun ugwali għall-isforz tas-sajd massimu permissibbli tas-sena preċedenti.

3.   Il-gruppi ta' sforz li għalihom għandu japplika aġġustament annwali fl-isforz tas-sajd massimu permissibbli għandhom jiġu deċiżi abbażi ta' li ġej:

(a)

il-qabdiet ta' merluzz maqbudin minn bastimenti f'kull wieħed mill-gruppi ta' sforz għandhom jiġu evalwati abbażi tad-data ppreżentata mill-Istati Membri taħt l-Artikoli 18, 19 u 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (8);

(b)

għandha tiġi kkumpilata lista għal kull żona definita fl-Anness I ta' dan ir-Regolament tal-gruppi ta' sforz aggregati u l-qabdiet ta' merluzz korrispondenti tagħhom, inkluż il-ħut li jintrema. Din il-lista għandha tinkiteb f'ordni axxendenti tal-qabda tal-merluzz f'kull grupp ta' sforz;

(c)

il-qabdiet ta' merluzz kumulattivi fil-listi stabbiliti taħt il-punt (b) għandhom jiġi kkalkulati bil-mod li ġej. Għal kull grupp ta' sforz aggregat, is-somma għandha tkun ikkalkulata mill-qabda tal-merluzz minn dak il-grupp ta' sforz u l-qabdiet tal-merluzz magħmulin mill-gruppi kollha ta' sforz aggregat fl-iskrizzjonijiet preċedenti fil-lista;

(d)

il-qabdiet kumulattivi kkalkulati taħt il-punt (c) għandhom jiġu kkalkulati bħala perċentwal tal-qabda totali tal-merluzz mill-gruppi ta' sforz aggregati kollha fl-istess żona.

4.   Għal gruppi ta' sforz aggregat fejn il-qabda kumulattiva kkalkulata taħt il-paragrafu 3(b) hija ugwali għal jew teċċedi l-20 %, l-aġġustamenti annwali għandhom japplikaw għall-gruppi ta' sforz ikkonċernat. L-isforz tas-sajd massimu permissibbli tal-gruppi kkonċernati għandu jkun ikkalkulat kif ġej:

(a)

fejn japplika l-Artikolu 7 jew 8, bl-applikazzjoni għall-valur ta' riferiment tal-istess aġġustament perċentwali bħal dak stabbilit f'dawk l-Artikoli għall-mortalità mis-sajd;

(b)

fejn japplika l-Artikolu 9, bl-applikazzjoni għall-valur ta' riferiment tal-istess aġġustament perċentwali fl-isforz tas-sajd bħat-tnaqqis tat-TAC.

5.   Għal gruppi ta' sforz barra dawk imsemmijin fil-paragrafu 4, l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għandu jinżamm fil-livell tal-valur ta' riferiment.

Artikolu 13

Allokazzjoni ta' sforz tas-sajd addizzjonali għal irkaptu selettiv ħafna u vjaġġi tas-sajd li jevitaw il-merluzz

1.   L-Istati Membri jistgħu iżidu l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għal gruppi ta' sforz li għalihom ġie aġġustat l-isforz taħt l-Artikolu 12(4) u suġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7.

2.   L-isforz tas-sajd massimu permissibbli tas-sajd jista' jiżdied fi grupp ta' sforz fejn l-attività tas-sajd ta' bastiment wieħed jew aktar:

(a)

titwettaq b'irkaptu regolat wieħed biss abbord li, abbażi ta' studju xjentifiku evalwat mill-STECF, il-karatterisċi tekniċi tiegħu jirriżultaw fil-qbid ta' anqas minn 1 % ta' merluzz (rkaptu selettiv ħafna);

(b)

tirriżulta f'kompożizzjoni tal-qabda ta' anqas minn 5 % ta' merluzz għal kull vjaġġ ta' sajd (vjaġġi ta' sajd li jevitaw il-merluzz);

(c)

titwettaq abbażi ta' pjan għall-prevenzjoni tal-qbid tal-merluzz jew għat-tnaqqis tar-rimi li jnaqqas il-mortalità mis-sajd għall-merluzz fost il-bastimenti parteċipanti b'mill-inqas daqs l-isforz ta' aġġustament imsemmi fl-Artikolu 12(4); jew

(d)

titwettaq fiż-żona tal-Punent tal-Iskozja lejn il-Punent ta' linja mpinġija billi l-linji ta’ rombu jingħaqdu sekwenzjalment mal-pożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV mkejlin taħt is-sistema ta' koordinati WGS84, sakemm il-bastimenti parteċipanti jkunu mgħammra b'sistemi ta' monitoraġġ tal-bastimenti bbażati fuq satellita (VMS).

3.   Il-bastimenti msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu suġġetti għal frekwenza akbar ta' monitoraġġ, li jikkonċernaw b'mod partikolari:

(a)

l-użu esklussiv ta' rkaptu selettiv ħafna matul il-vjaġġi tas-sajd ikkonċernati taħt il-paragrafu 2(a);

(b)

l-ammont ta' rimi f'konformità mal-paragrafu 2(b);

(c)

it-tnaqqis fil-mortalità mis-sajd taħt il-paragrafu 2(c);

(d)

l-ammont ta' qabdiet u rimi li jsir fil-Punent tal-linja speċifikata fil-paragrafu 2(d),

u suġġetti għal arranġamenti għall-forniment regolari ta' data lill-Istat Membri rigward ir-rispett tal-kondizzjonijiet speċjali stabbiliti f'dawk il-punti.

4.   Iż-żieda fl-isforz tas-sajd taħt dan l-Artikolu għandha tiġi kkalkolata għal kull bastiment fil-gruppi ta' sforz ikkonċernati li joperaw taħt kondizzjonijiet speċjali msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a), (b), (c) u (d), u ma għandhiex tkun aktar mill-ammont meħtieġ sabiex jikkumpensa l-aġġustament tal-isforz imsemmi fl-Artikolu 12(4) għall-irkaptu involut f'dawk l-azzjonijiet.

5   Kwalunkwe żieda fl-allokazzjoni ta' sforz tas-sajd imwettqa mill-Istati Membri għandha tkun innotifikata lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ April tas-sena li matula għandu jseħħ il-kumpens għall-aġġustament tal-isforz. In-notifika għandha tinkludi dettalji tal-bastimenti li qed joperaw taħt il-kondizzjonijiet speċjali msemmijin fil-punti (a), (b), (c) u (d) tal-paragrafu 2, l-isforz tas-sajd għal kull grupp ta' sforz li l-Istat Membru jistenna li jitwettaq minn dawk il-bastimenti matul dik is-sena, u l-kondizzjonijiet li taħthom qed ikun immonitorjat l-isforz tal-bastimenti, inklużi l-arranġamenti ta' kontroll.

6.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kull sena sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu dwar l-ammonti ta' sforz użati fl-azzjonijiet matul is-sena preċedenti.

7.   Il-Kummissjoni għandha titlob lill-STECF sabiex kull sena jqabbel it-tnaqqis fil-mortalità tal-merluzz li tkun tirriżulta mill-applikazzjoni tal-punt (c) tal-paragrafu 2 mat-tnaqqis li jkun mistenni li jseħħ bħala riżultat tal-aġġustament tal-isforz imsemmi fl-Artikolu 12(4). Fid-dawl ta' dan il-parir, il-Kummissjoni tista' tipproponi aġġustamenti fl-isforz li jistgħu jiġu applikati għall-gruppi rilevanti ta' rkaptu s-sena ta' wara.

Artikolu 14

Obbligi ta' Stat Membru

1.   Għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, kull Stat Membru għandu jiddeċiedi dwar metodu ta' allokazzjoni ta' sforz tas-sajd massimu permissibbli lill-bastimenti individwali jew grupp ta' bastimenti, fid-dawl ta' għadd ta' kriterji, inkluż, pereżempju:

(a)

promozzjoni ta' prattiki tajbin tas-sajd, inkluż it-titjib tal-ġbir ta' data, tnaqqis ta' rimi u minimizzazzjoni tal-impatt fuq ħut li għadu qed jikber;

(b)

parteċipazzjoni fi programmi ta' kooperazzjoni sabiex ikun evitat qbid każwali mhux meħtieġ ta' merluzz;

(c)

impatt baxx fuq l-ambjent, inkluż il-konsum ta' fjuwil u emissjonijiet ta' gassijiet serra;

(d)

proporzjonalità fir-rigward ta' allokazzjoni ta' opportunitajiet fis-sajd f'termini ta' kwota ta' sajd.

2.   Għal kull żona stabbilita fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu joħroġ permessi speċjali tas-sajd konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1627/94 tas-27 ta’ Ġunju 1994 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet rigward permessi speċjali tas-sajd (9) għal bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu li jwettqu attivitajiet ta' sajd f'dik iż-żona u li jużaw irkaptu li jaqa' f'wieħed mill-gruppi ta' rkaptu stabbiliti fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

3.   Għal kull żona stabbilita fl-Anness I, il-kapaċità totali espressa f'kW tal-bastimenti li jkollhom permessi speċjali tas-sajd maħruġin taħt il-paragrafu 2, m'għandhiex tkun akbar mill-kapaċità massima tal-bastimenti li kienu attivi fl-2006 jew l-2007 li jużaw irkaptu regolat u li jistadu fiż-żona ġeografika kkonċernata.

4.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jżomm lista ta' bastimenti li jkollhom il-permess speċjali msemmi fil-paragrafu 2 u jagħmluha disponibbli fuq is-sit webb uffiċjali tiegħu lill-Kummissjoni u Stati Membri oħrajn.

Artikolu 15

Regolazzjoni tal-isforz tas-sajd

L-Istati Membri għandhom jissorveljaw il-kapaċità u l-attività tal-flotta tagħhom għal kull grupp ta' sforz u għandhom jieħdu azzjoni adatta jekk l-isforz tas-sajd massimu permissibbli stabbilit taħt l-Artikolu 12 ikun wasal sabiex jintlaħaq, sabiex jiżguraw li l-isforz ma jaqbiżx il-limiti stabbiliti.

Artikolu 16

Skambju ta' sforz tas-sajd massimu permissibbli bejn Stati Membri u r-rikostituzzjoni tal-isforz

1.   L-isforz tas-sajd massimu permissibbli stabbilit taħt l-Artikolu 11 jista' jkun adattat mill-Istati Membri kkonċernati fid-dawl ta':

(a)

l-iskambju ta' kwoti mwettqin taħt l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002; u

(b)

riallokazzjonijiet u/jew tnaqqis magħmulin taħt l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u l-Artikoli 21(4), 23(1) u 32(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93.

2.   L-isforz tas-sajd massimu permissibbli stabbilit taħt l-Artikolu 12 jista' jiġi adattat minn Stat Membru li ma jkomplix l-iskambju tal-kwoti fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 3, sal-punt li dan l-Istat Membru kien jeżegwixxi dawn l-iskambji matul il-perijodu ta' riferiment għall-istabbiliment tal-valuri ta' riferiment kif speċifikat fl-Artikolu 12(2), u jeħtieġ li jeżerċita sforz addizzjonali fi kwalunkwe wieħed mill-gruppi ta' sforz ikkonċernati sabiex juża l-kwota rkuprata. Din ir-rikostituzzjoni tal-isforz għandha tkun akkumpanjata minn tnaqqis tal-isforz totali permissibbli tas-sajd mill-Istat Membru li jkun irritorna l-kwota lill-Istat Membru li jirkupra l-kwota, korrispondenti għat-tnaqqis tal-kwoti disponibbli għas-sajd li jaffettwa l-grupp ta' sforz tiegħu, dment li l-Istat Membru li jirritorna l-kwota ma użax l-isforz korrispondenti għall-istabbiliment tal-valuri ta' riferiment imsemmija hawn fuq.

3.   Minkejja l-Artikolu 17(2), fl-2009, l-Istati Membri jistgħu jimmodifikaw l-allokazzjonijiet tal-isforz tagħhom billi jittrasferixxu l-isforz u l-kapaċità għas-sajd bejn iż-żoni ġeografiċi msemmija fl-Artikolu 3, dment li dan it-trasferiment jinvolvi attivitajiet ta' sajd imsemmija fl-Artikolu 13(2)(a) u (b). Tali trasferimenti għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni. L-isforz tas-sajd massimu permissibbli msemmi fl-Artikolu 12(2)(a) għandu jiġi mmodifikat kif meħtieġ.

Artikolu 17

Skambju tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli bejn gruppi ta' sforz

1.   Stat Membru jista' jemenda l-allokazzjonijiet ta' sforz tiegħu billi jittrasferixxi l-kapaċità ta' sajd bejn gruppi ta' sforz, taħt il-kondizzjoni stabbilita fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   It-trasferiment hu awtorizzat bejn gruppi ta' rkaptu, iżda mhux bejn żoni ġeografiċi, dment li l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar il-qabda għal kull unità ta' sforz (catch per unit effort, CPUE) tal-gruppi ta' rkaptu tiegħu donatur u riċeventi, f'valuri mejdi matul l-aħħar tliet snin.

3.   Fejn il-CPUE tal-grupp ta' rkaptu donatur huwa akbar mill-CPUE tal-grupp ta' rkaptu riċeventi, it-trasferiment għandu jsir, b'mod ġenerali, abbażi ta' 1 kW/jum għal 1 kW/jum.

4.   Fejn il-CPUE tal-grupp ta' rkaptu donatur huwa anqas mill-CPUE tal-grupp ta' rkaptu riċeventi, l-Istat Membru għandu japplika fattur ta' korrezzjoni għall-ammont tal-isforz fil-grupp ta' rkaptu riċeventi sabiex jiġi kkumpensat il-CPUE ogħla ta' dan tal-aħħar.

5.   Il-Kummissjoni għandha titlob lill-STECF li jiżviluppa fatturi ta' korrezzjoni standard li jistgħu jintużaw sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-isforz bejn il-gruppi ta' rkaptu bi CPUE differenti.

KAPITOLU IV

MONITORAĠĠ, ISPEZZJONI U SORVELJANZA

Artikolu 18

Relazzjoni mar-Regolament (KEE) Nru 2847/93

Il-miżuri ta' kontroll previsti f'dan il-Kapitolu għandhom japplikaw b'żieda ma' dawk preskritti fir-Regolament (KEE) Nru 2847/93.

Artikolu 19

Kontroll tal-ġurnal ta' abbord

1.   Għal bastimenti b'VMS, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-informazzjoni riċevuta fiċ-ċentri ta' monitoraġġ tas-sajd tikkorrispondi għal attivitajiet irreġistrati fil-ġurnal ta' abbord bl-użu ta' data VMS. Tali trans-kontrolli għandhom jiġu rreġistrati f'forma li tinqara minn kompjuter għal perijodu ta' tliet snin.

2.   Kull Stat Membru għandu jżomm u jagħmel disponibbli fis-sit elettroniku uffiċjali tiegħu d-dettalji għall-kuntatt għall-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet minn ġurnali ta' abbord u dwar l-iżbark.

Artikolu 20

Użin ta' merluzz li jiġi żbarkat l-ewwel darba

1.   Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd għandu jiżgura li kwalunkwe kwantità li teċċedi 300 kg ta' merluzz maqbud fiż-żoni msemmijin fl-Artikolu 3 u żbarkati f'port Komunitarju għandha tintiżen abbord jew fil-port tal-iżbark qabel il-bejgħ jew qabel ma tinġarr band'oħra. Il-miżien li jintuża għall-użin għandu jkun approvat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Iċ-ċifra li tirriżulta mill-użin għandha tintuża għad-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-użin tal-merluzz li għandu jsir permezz ta' rkant ta' ħut fit-territorju tal-Istati Membru dment li l-iżbark ikun ġie suġġett għal ispezzjoni fiżika u li l-ħut ikun ġie ssiġillat qabel it-trasport direttament lejn l-irkant tal-ħut u jibqa' ssiġillat sakemm isir l-użin. Id-dokument ta' trasport għandu jindika d-dettalji tal-ispezzjoni li twettqet mal-iżbark.

Artikolu 21

Punti ta' referenza għall-ispezzjoni

Kull Stat Membru li jkollu bastimenti kkonċernati minn dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi punti ta' referenza speċifiċi. Tali punti ta' referenza għandhom jiġu riveduti perjodikament wara li tkun saret analiżi tar-riżultati miksubin. Il-punti ta' referenza għall-ispezzjoni għandhom jevolvu progressivament sakemm jintlaħqu l-punti ta' referenza mmirati, iddefiniti fl-Anness II.

Artikolu 22

Projbizzjoni ta' trasbord

It-trasbord ta' merluzz fuq il-baħar huwa pprojbit fiż-żoni ġeografiċi msemmijin fl-Artikolu 3.

Artikolu 23

Programmi ta' azzjoni nazzjonali ta' kontroll

1.   Stati Membri b'bastimenti kkonċernati minn dan ir-Regolament għandhom jiddefinixxu programm ta' azzjoni nazzjonali ta' kontroll konformement mal-Anness III.

2.   Qabel il-31 ta’ Jannar ta' kull sena, Stati Membri b'bastimenti kkonċernati minn dan ir-Regolament għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra kkonċernati minn dan ir-Regolament fuq is-sit web uffiċjali tagħhom il-programmi ta' azzjoni nazzjonali ta' kontroll tagħhom flimkien ma' skeda ta' implimentazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha, mill-anqas darba fis-sena, iżżomm laqgħa tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura sabiex issir evalwazzjoni tal-konformità mal-programmi ta' azzjoni nazzjonali ta' kontroll u r-riżultati tagħhom dwar stokkijiet ta' merluzz ikkonċernati minn dan ir-Regolament.

Artikolu 24

Notifika minn qabel

1.   Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd Komunitarju, jew ir-rappreżentant tiegħu/tagħha, qabel id-dħul fi kwalunkwe port jew lokalità ta' żbark ta' Stat Membru li jkun qed iġorr aktar minn tunnellata metrika waħda ta' merluzz abbord għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' dan l-Istat Membru, mill-anqas erba' sigħat qabel id-dħul, bi:

(a)

l-isem tal-port jew tal-lok tal-iżbark;

(b)

il-ħin previst tal-wasla f'dak il-port jew lok ta' żbark;

(c)

il-kwantitajiet f'piż ħaj f'kg tal-ispeċi kollha li minnhom aktar minn 50 kg ikun miżmum abbord.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru li fih tkun ser tiġi żbarkata aktar minn tunnellata metrika waħda ta' merluzz jistgħu jeħtieġu li l-ħatt tat-tagħbija ħut miżmuma abbord m'għandux jibda qabel jiġi awtorizzat minn dawn l-awtoritajiet.

3.   Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd Komunitarju, jew ir-rappreżentant tiegħu/tagħha, li jkunu jixtiequ jittrasbordaw jew iħottu fuq il-baħar kwalunkwe kwantità miżmuma abbord jew jiżbarkaw f'port jew lokalità tal-iżbark f'pajjiż terz għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera, minn tal-inqas 24 siegħa qabel it-trasbord jew il-ħatt fuq il-baħar jew żbark f'pajjiż terz, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 25

Portijiet speċifikati

1.   Fejn aktar minn żewġ tunnellati metriċi ta' merluzz ikunu ser jiġu żbarkati fil-Komunità minn bastiment tas-sajd Komunitarju, il-kaptan tal-bastiment għandu jiżgura li dan l-iżbark isir biss f'portijiet speċifikati.

2.   Kull Stati Membru għandu jispeċifika dawk il-portijiet li fihom ikunu ser jiġu żbarkati aktar minn żewġ tunnellati metriċi ta' merluzz.

3.   Kull Stat Membru għandu jagħmel disponibbli fuq is-sit web pubbliku tiegħu l-lista ta' portijiet speċifiċi, u l-proċeduri ta' ispezzjoni u sorveljanza assoċjati għal dawk il-portijet, inklużi t-termini u l-kondizzjonijiet tar-reġistrazzjoni u rapportaġġ tal-kwantitajiet ta' merluzz f'kull żbark.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lill-Istati Membri kollha.

Artikolu 26

Marġni ta' tolleranza fl-istima tal-kwantitajiet irrapportati fil-ġurnal ta' abbord

B'deroga mill-Artikolu 5(2) tat-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 tat-22 ta’ Settembru 1983 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ir-reġistrazzjoni ta' informazzjoni dwar il-qabdiet ta' ħut (10) ta' l-Istati Membri, il-marġni ta' tolleranza permess, fl-istima ta' kwantitajiet ta' merluzz f'kg miżmuma abbord, għandu jkun 8 % tal-figura fil-ġurnal ta' abbord.

Artikolu 27

Stivar separat tal-merluzz

Għandu jkun ipprojbitli jinżamm abbord bastiment tas-sajd Komunitarju, fi kwalunkwe kontenitur, kwalunkwe kwantità ta' merluzz imħallat ma' xi speċi oħra ta' organiżmi tal-baħar. Il-kontenituri bil-merluzz għandhom ikunu stivati fl-istiva b'tali mod li jkunu miżmumin separati minn kontenituri oħra.

Artikolu 28

Trasport tal-merluzz

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jeħtieġu li kwalunkwe kwantità ta' merluzz maqbuda fi kwalunkwe żona ġeografika definita fl-Artikolu 3 u żbarkata għall-ewwel darba f'dak l-Istat Membru tintiżen fil-preżenza ta' kontrolluri qabel tiġi trasportata band'oħra mill-port fejn tkun ġiet żbarkata l-ewwel darba. Għal merluzz żbarkat għall-ewwel darba f'port speċifiku taħt l-Artikolu 24, għandhom jintiżnu kampjuni rappreżentattivi li jammontaw għal mill-anqas 20 % tan-numru ta' żbarki fil-preżenza ta' kontrolluri awtorizzati mill-Istati Membri qabel ma jiġu offruti għall-bejgħ għall-ewwel darba u mibjugħa. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, dettalji tar-reġim ta' teħid ta' kampjuni li għandu jiġi applikat.

2.   B'deroga mill-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-kwantitajiet kollha ta' merluzz ta' aktar minn 50 kg li jiġu trasportati lejn post li mhux dak fejn ġew żbarkati jew importati l-ewwel darba għandhom ikunu akkumpanjati minn kopja ta' waħda mid-dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(1) ta' dak ir-Regolament relatati mal-kwantitajiet ta' merluzz trasportati. L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13(4)(b) ta' dak ir-Regolament m'għandhiex tiġi applikata.

Artikolu 29

Programmi ta' monitoraġġ speċifiċi

B'deroga minn l-Artikolu 34c(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-programmi ta' monitoraġġ speċifiċi għall-istokkijiet ta' merluzz ikkonċernati jistgħu jdumu sejrin aktar minn sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

KAPITOLU V

TEĦID TA' DEĊIŻJONIJIET U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 30

Proċedura deċiżjonali

Fejn dan ir-Regolament jipprevedi t-teħid ta' deċiżjonijiet mill-Kunsill, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 31

Emendament tal-Anness I

Abbażi tal-parir tal-STECF, il-Kummissjoni tista' temenda l-Anness I ma' dan ir-Regolament konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u abbażi tal-prinċipji li ġejjin:

(a)

il-gruppi ta' sforz għandhom ikunu stabbiliti b'mod omoġenju kemm jista' jkun fir-rigward tal-istokkijiet bijoloġiċi maqbudin, tad-daqs tal-ħut maqbud għax immirat jew b'mod inċidentali u tal-effetti fuq l-ambjent tal-attivitajiet tas-sajd assoċjati mal-gruppi ta' sforz.

(b)

l-għadd u d-daqs tal-gruppi ta' sforz għandhom ikunu effikaċi għall-ispiża involuta f'termini ta' piż amministrattiv relattiv għall-ħtiġijiet ta' konservazzjoni.

Artikolu 32

Regoli dettaljati

Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 11(3), 14, 16 u 17 ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiġu adottati konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

Artikolu 33

Assistenza taħt il-Fond Ewropew għas-Sajd

1.   Għal kull wieħed mill-erba' stokkijiet ta' merluzz imsemmija fl-Artikolu 1, għal dawk is-snin fejn l-istokk jinstab taħt il-livell rilevanti prekawzjonarju tal-bijomassa riproduttiva stabbilit fl-Artikolu 6, il-pjan għal perijodu fit-tul għandu jitqies li jkun pjan ta' rkupru fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, u għall-finijiet tal-Artikolu 21(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

2.   Għal kull wieħed mill-erba' stokkijiet ta' merluzz imsemmija fl-Artikolu 1, għal dawk is-snin li mhumiex dawk imsemmija fil-paragrafu 1, il-pjan għal perijodu fit-tul għandu jitqies li jkun pjan ta' ġestjoni fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, u għall-finijiet tal-Artikolu 21(a)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

Artikolu 34

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' parir mill-STECF u wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv Reġjonali rilevanti, tevalwa l-impatt tal-miżuri ta' ġestjoni fuq l-istokkijiet ta' merluzz ikkonċernati u fuq is-sajd għal dawk l-istokkijiet, mhux aktar tard mit-tielet sena ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u mbagħad kull tielet sena suċċessiva ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u, fejn adatt, tipproponi l-miżuri rilevanti sabiex dan jiġi emendat.

Artikolu 35

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 423/2004 huwa b'dan imħassar.

Artikolu 36

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BARNIER


(1)  L-Opinjoni tal-21 ta’ Ottubru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 70, 9.3.2004, p. 8.

(3)  ĠU L 226, 29.8.1980, p. 48.

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(5)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1.

(6)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(7)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

(8)  ĠU L 60, 5.2.2008, p. 1.

(9)  ĠU L 171, 6.7.1994, p. 7.

(10)  ĠU L 276, 10.10.1983, p. 1.


ANNESS I

Il-gruppi ta’ sforz huma definiti permezz ta’ wieħed mill-gruppi ta’ rkaptu previsti fil-punt 1 u waħda miż-żoni ġeografiċi previsti fil-punt 2.

1.   Gruppi ta’ rkaptu

(a)

Tartaruni tal-qiegħ u tartaruni (OTB, OTT, PTB, SDN, SSC, SPR) b’malji:

 

TR1 daqs jew akbar minn 100 mm

 

TR2 daqs jew akbar minn 7 0mm u anqas minn 100 mm

 

TR3 daqs jew akbar minn 16 mm u anqas minn 32 mm

(b)

Xbieki tat-tkarkir bil-lasta (TBB) b’malji:

 

BT1daqs jew akbar minn 120 mm

 

BT2 daqs jew akbar minn 80 mm u anqas minn 120 mm

(ċ)

Xbieki tal-garġi, xbieki tat-tħabbil (GN)

(d)

Pariti (GT)

(e)

Konzijiet (LL)

2.   Gruppi ta’ żoni ġeografiċi:

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, għandhom japplikaw il-gruppi ġeografiċi li ġejjin:

(a)

Kattegat;

(b)

(i)

Skagerrak;

(ii)

dik il-parti taż-żona IIIa tal-ICES li mhix koperta mis-agerrak u l-ttegat;

iż-żona IV tal-ICES u l-ilmijiet tal-KE fiż-żona IIa tal-ICES;

(iii)

Iż-żona VIId tal-ICES;

(ċ)

Iż-żona VIIa tal-ICES;

(d)

Iż-żona VIa tal-ICES.


ANNESS II

PUNTI TA’ REFERENZA SPEĊIFIĊI TA’ ISPEZZJONI

Objettiv

1.

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi punti ta’ referenza speċifiċi għall-ispezzjoni konformement ma’ dan l-Anness.

Strateġija

2.

L-ispezzjoni u s-sorveljanza ta’ attivitajiet ta’ sajd għandhom jikkonċentraw fuq bastimenti li aktarx jaqbdu l-merluzz. L-ispezzjonijiet każwali tat-trasport u l-kummerċjalizzazzjoni tal-merluzz għandhom jintużaw bħala mekkaniżmu komplementari ta’ kontroverifika għall-ittestjar tal-effikaċja tal-ispezzjoni u s-sorveljanza.

Prijoritajiet

3.

Tipi differenti ta’ rkaptu għandhom ikunu suġġetti għal livelli differenti ta’ prijoritizzazzjoni, abbażi tal-punt sa fejn il-flotot ikunu affettwati mil-limiti fuq l-opportunitajiet tas-sajd. Minħabba f’hekk, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi prijoritajiet speċifiċi.

Punti ta’ referenza fil-mira

4.

Mhux aktar tard minn xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-iskedi ta’ ispezzjoni tagħhom b’kont meħud tal-miri stabbiliti hawn taħt.

L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw u jiddeskrivu liema strateġija ta’ teħid ta’ kampjuni ser tiġi applikata.

Fuq talba, il-Kummissjoni jista’ jkollha aċċess għall-pjan ta’ teħid ta’ kampjuni użat mill-Istat Membru.

(a)

Livell ta’ ispezzjoni fil-portijiet

Bħala regola ġenerali, il-preċiżjoni li għandha tinkiseb għandha tkun mill-anqas ekwivalenti għal dak li għandu jinkiseb b’metodu sempliċi u każwali ta’ teħid ta’ kampjuni, fejn l-ispezzjonijiet għandhom ikopru 20 % fin-numru tal-iżbark kollu ta’ merluzz fi Stat Membru.

(b)

Livell ta’ ispezzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni

Spezzjoni ta’ 5 % tal-kwantitajiet ta’ merluzz offruti għall-bejgħ bl-irkant.

(ċ)

Livell ta’ ispezzjoni fuq il-baħar

Punt ta’ referenza flessibbli: għandu jiġi stabbilit wara analiżi dettaljata tal-attività tas-sajd f’kull żona. Il-punti ta’ referenza fuq il-baħar għandhom jirriferu għall-għadd ta’ jiem ta’ pattuljament fuq il-baħar fiż-żoni tal-ġestjoni tal-merluzz, possibbilment b’punt ta’ referenza separat għall-jiem tal-pattuljament ta’ żoni speċifiċi.

(d)

Livell ta’ sorveljanza mill-ajru

Punt ta’ referenza flessibbli: li għandu jkun stabbilit wara analiżi dettaljata tal-attività tas-sajd magħmula f’kull żona u wara li jkunu tqiesu r-riżorsi li jkun hemm għad-dispożizzjoni tal-Istat Membru.


ANNESS III

IL-KONTENUT TAL-PROGRAMMI TA’ AZZJONI NAZZJONALI TA’ KONTROLL

Il-programmi ta’ azzjoni nazzjonali ta’ kontroll għandhom ikollhom l-għan, fost oħrajn, li jispeċifikaw dan li ġej:

1.   MEZZI TA’ KONTROLL

Riżorsi umani

(a)

In-numru ta’ spetturi fuq l-art u fuq il-baħar u l-perijodi u ż-żoni fejn dawn ser jiġu mobilizzati.

Riżorsi tekniċi

(b)

In-numru ta’ bastimenti u inġenji tal-ajru ta' pattuljament u l-perijodi u ż-żoni fejn dawn ser jiġu mobilizzati.

Riżorsi finanzjarji

(ċ)

L-allokazzjoni tal-baġit għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi umani, il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru ta’ pattuljament.

2.   REĠISTRAZZJONI U RAPPORTAR ELETTRONIKU TA’ INFORMAZZJONI RELATATA MA’ ATTIVITAJIET TA’ SAJD

Deskrizzjoni tas-sistemi implimentati sabiex tkun żgurata l-konformità mal-Artikoli 20, 24, 25 u 26.

3.   PORTIJIET SPEĊIFIKATI

Fejn ikun rilevanti, għandu jkun hemm lista ta’ portijiet speċifiċi għall-iżbark tal-merluzz konformement mal-Artikolu 26.

4.   NOTIFIKA QABEL L-IŻBARK

Deskrizzjoni tas-sistemi implimentati sabiex jiżguraw konformità mal-Artikolu 25.

5.   KONTROLL TAL-IŻBARK

Deskrizzjoni ta’ kull faċilità u/jew sistema implimentati sabiex tkun żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 20, 21, 22 u 29.

6.   PROĊEDURI TA’ ISPEZZJONI

Il-programmi ta’ azzjoni nazzjonali ta’ kontroll għandhom jispeċifikaw il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti:

(a)

waqt li jsiru ispezzjonijiet fuq il-baħar u fuq l-art;

(b)

għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti magħżulin minn Stati Membri oħra bħala responsabbli għall-programm ta’ azzjoni nazzjonali ta’ kontroll tal-merluzz;

(ċ)

għas-sorveljanza konġunta u l-iskambju ta’ spetturi, inkluża l-ispeċifikazzjoni tas-setgħat u tal-awtorità tal-ispetturi li jkunu qed joperaw fl-ibħra ta’ Stati Membri oħrajn.


ANNESS IV

Linja msemmija fl-Artikolu 13(2)(d)

Il-linja msemmija fl-Artikolu 13(2)(d) hija definita billi jingħaqdu sekwenzjalment, permezz ta' linji ta’ rombu, il-pożizzjonijiet li ġejjin taħt is-sistema ta' koordinati WGS84:

 

54 °30′N, 10 °35′W

 

55 °20′N, 9 °50′W

 

55 °30′N, 9 °20′W

 

56 °40′N, 8 °55′W

 

57 °0′N, 9 °0′W

 

57 °20′N, 9 °20′W

 

57 °50′N, 9 °20′W

 

58 °10′N, 9 °0′W

 

58 °40′N, 7 °40′W

 

59 °0′N, 7 °30′W

 

59 °20′N, 6 °30′W

 

59 °40′N, 6 °5′W

 

59 °40′N, 5 °30′W

 

60 °0′N, 4 °50′W

 

60 °15′N, 4 °0′W.


Top