Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0840

    2008/840/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta’ Novembru 2008 dwar miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tal- Anoplophora chinensis (Forster) (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6631)

    ĠU L 300, 11.11.2008, p. 36–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/03/2012; Imħassar b' 32012D0138

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/840/oj

    11.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 300/36


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-7 ta’ Novembru 2008

    dwar miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tal-Anoplophora chinensis (Forster)

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6631)

    (2008/840/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Fit-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness I għad-Direttiva 2000/29/KE, hemm elenkati l-Anoplophora malasiaca (Forster) u l-Anoplophora chinensis (Thomson). Studji riċenti sabu li dawk iż-żewġ denominazzjonijiet fil-fatt ikopru speċi waħda ta’ organiżmu perikoluż. Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni għalhekk huwa xieraq li tintuża d-denominazzjoni unika rreveduta u xjentifika tal-Anoplophora chinensis (Forster) biex dak li hemm elenkat f’dak l-Anness jiġi indikat bħala Anoplophora malasiaca (Forster) u Anoplophora chinensis (Thomson).

    (2)

    Skond id-Direttiva 2000/29/KE, meta Stat Membru jqis li hemm periklu ta’ introduzzjoni jew ta’ tixrid fit-territorju tiegħu ta’ organiżmu perikoluż li mhux elenkat fl-Anness I jew Anness II ta’ dik id-Direttiva, jista’ temporanjament jieħu kwalunkwe miżuri addizzjonali meħtieġa biex jipproteġi lilu nnifsu minn dak il-periklu.

    (3)

    B’riżultat tal-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) fuq diversi pjanti li jospitaw organiżmi dannużi fir-reġjun tal-Lombardija, fit-23 ta’ Novembru 2007 l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra li, fid-9 ta’ Novembru 2007, hija kienet adottat miżuri addizzjonali biex tipprevjeni l-introduzzjoni u t-tixrid ulterjuri fit-territorju tagħha ta’ dak l-organiżmu speċifiku.

    (4)

    B’riżultat tas-sejbiet dwar l-Anoplophora chinensis (Forster) fuq diversi pjanti ospitanti fl-Olanda, fil-21 ta’ Jannar 2008 il-Kummissjoni u Stati Membri oħra ġew infurmati fuq il-miżuri meħuda biex jeqirdu dak l-organiżmu fl-Olanda.

    (5)

    Riċentement; l-Anoplophora chinensis (Forster) instab f’ħafna kunsinni ta’ pjanti għat-taħwil tal-Acer spp. li joriġina minn pajjiżi terzi. Bħalissa, ma hemm l-ebda rekwiżiti speċjali fir-rigward ta’ dan l-organiżmu perikoluż għall-pjanti tal-Acer spp. u lanqas għal pjanti oħra li huma fost l-iktar pjanti ospiti suxxettibbli, li joriġinaw minn pajjiżi terzi jew fil-Komunità.

    (6)

    Fl-2008, mill-Olanda ħarġet analiżi tar-riskju ta’ pesti fir-rigward tal-Anoplophora chinensis (Forster), li kkonkludiet li kien probabbli ħafna li l-organiżmu stabbilixxa ruħu fil-Komunità u li hemm potenzjal għoli ta’ danni ekonomiċi għal diversi pjanti ospitanti.

    (7)

    B’hekk jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ emerġenza kontra l-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tal-Anoplophora chinensis (Forster). Il-miżuri għandhom japplikaw għal lista ta’ pjanti ta’ kwalunkwe oriġini, il-“pjanti speċifikati”, magħrufa bħala ospiti tal-Anoplophora chinensis (Forster) u li jippreżentaw l-ogħla riskju li jiġu infestati.

    (8)

    Għandhom jiġu ddefiniti miżuri għall-importazzjoni ta’ pjanti speċifikati fir-rigward tal-produzzjoni tagħhom f’pajjiżi terzi u spezzjonijiet mad-dħul fil-Komunità. Għandhom jiġu ddefiniti miżuri wkoll għall-produzzjoni, iċ-ċaqliq u l-kontroll ta’ pjanti speċifikati li joriġinaw f’oqsma fil-Komunità fejn hija kkonfermata l-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster).

    (9)

    Għandhom jiġu stabbiliti miżuri ddettaljati f’żoni fil-Komunità fejn hija kkonfermata l-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), jigifieri ż-żoni infestati. F’dawk iż-żoni, għandhom japplikaw miżuri xierqa biex jinqered l-organiżmu u jsir monitoraġġ intensiv tal-preżenza tiegħu. Fiż-żoni madwar żoni bħal dawn, jiġifieri fiż-żoni ta’ lqugħ, għandu jsir monitoraġġ intensiv għall-preżenza tal-organiżmu. Fil-każ tal-ewwel lokalizzazzjoni tal-organiżmu f’żona fil-Komunità, id-daqs taż-żona ta’ lqugħ jista’ jitnaqqas biex jirrifletti aħjar r-riskju iktar limitat għat-tixrid.

    (10)

    Għandu jsir stħarriġ biex tiġi vverifikata l-preżenza jew l-assenza kontinwa tal-Anoplophora chinensis (Forster) fuq il-pjanti kollha fl-Istati Membri kollha.

    (11)

    Huwa xieraq li l-miżuri jiġu rreveduti sal-31 ta’ Mejju 2009 filwaqt li titqies id-disponibbiltà, wara staġun wieħed ta’ tkabbir, tar-riżultati tal-istħarriġiet u tal-kontrolli uffiċjali mill-Istati Membri ta’ pjanti speċifikati impurtati li qegħdin jiġu ttrasportati ġewwa l-Komunità fuq miżuri ta’ emergenża.

    (12)

    L-Istati Membri għandhom jadottaw, jekk jinħtieġ, il-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni.

    (13)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-għan ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “pjanti speċifikati” tfisser pjanti għat-taħwil, minbarra żrieragħ, ta’ Acer spp., Aesculus hippocastanum, Alnus spp., Betula spp., Carpinus spp., Citrus spp., Corylus spp., Cotoneaster spp., Fagus spp., Lagerstroemia spp., Malus spp., Platanus spp., Populus spp., Prunus spp., Pyrus spp., Salix spp., u Ulmus spp.;

    (b)

    “post tal-produzzjoni” tfisser il-post tal-produzzjoni kif imfisser fl-Istandard Internazzjonali għal Miżuri Fitosanitarji Nru 5 approvat mill-FAO (2).

    Artikolu 2

    Importazzjoni tal-pjanti speċifikati

    Pjanti speċifikati impurtati minn pajjiżi terzi fejn huwa magħruf li l-Anoplophora chinensis (Forster) hija preżenti, jistgħu jiddaħħlu fil-Komunità biss jekk:

    (a)

    jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi tal-importazzjoni kif imniżżla f’punt 1 tat-Taqsima I tal-Anness I

    (b)

    bla ħsara għall-Artikolu 13a(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, mad-dħul ġewwa l-Komunità dawn jiġu spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skond il-punt 2 tat-Taqsima I tal-Anness I għal din id-Deċiżjoni għall-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), u ma jinstab l-ebda sinjal ta’ dak l-organiżmu.

    Artikolu 3

    Movimenti ta’ pjanti speċifikati ġewwa l-Komunità

    Pjanti speċifikati li joriġinaw f’oqsma demarkati ġewwa l-Komunità stabbiliti skond l-Artikolu 5 jistgħu jiġu ttrasportati ġewwa l-Komunità biss jekk jilħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (1) tat-Taqsima II tal-Anness I.

    Pjanti speċifikati impurtati skond l-Artikolu 2 mill-pajjiżi terzi fejn huwa magħruf li hemm preżenti l-Anoplophora chinensis (Forster), jistgħu jiġu ttrasportati fil-Komunità biss jekk jilħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Punt (2) tat-Taqsima II tal-Anness I.

    Artikolu 4

    Stħarriġiet

    L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġiet uffiċjali kull sena għall-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) jew għall-evidenza ta’ infestazzjonijiet minn dak l-organiżmu fuq il-pjanti ospitanti fit-territorji tagħhom.

    Bla ħsara għall-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, ir-riżultati ta’ dawk l-istħarriġiet flimkien mal-lista u d-delimitazzjoni ta’ żoni demarkati msemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra sat-30 ta’ April ta’ kull sena.

    Artikolu 5

    Żoni demarkati

    Meta r-riżultati tal-istħarriġiet imsemmija fl-Artikolu 4 jikkonfermaw il-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) ġewwa żona, jew b’xi mezzi oħra tinstab evidenza tal-preżenza ta’ dak l-organiżmu, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-oqsma demarkati, li għandhom jikkonsistu minn żona infestata u żona ta’ lqugħ, bi qbil mat-Taqsima 1 tal-Anness II.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri uffiċjali fiż-żoni demarkati kif stipulat fit-Taqsima 2 tal-Anness II.

    Artikolu 6

    Konformità

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni u, jekk huwa meħtieġ, jemendaw il-miżuri li kienu adottaw biex jipproteġu lilhom infushom kontra l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Anoplophora chinensis (Forster) b’tali mod li dawk il-miżuri jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih b’dawk il-miżuri.

    Artikolu 7

    Analiżi

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi rreveduta sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2009.

    Artikolu 8

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 7 ta’ Novembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

    (2)  Glossarju ta’ Termini Fitosanitarji – Standard ta’ Referenza ISPM Nru. 5 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma.


    ANNESS I

    MIŻURI TA’ EMERĠENZA MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 2 U 3

    I.   Rekwiżiti ta’ importazzjoni speċifiċi

    (1)

    Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet elenkati fl-Anness III, Parti A(9, 16, 18) u l-Anness IV, Parti A(I)(14, 15, 17, 18, 19.2, 20, 22.1, 22.2, 23.1, 23.2, 32.1, 32.3, 33, 34, 36.1, 39, 40, 43, 44, 46) tad-Direttiva 2000/29/KE, il-pjanti speċifikati li joriġinaw minn pajjiżi terzi fejn hija magħrufa l-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) għandhom jiġu akkumpanjati b’ċertifikat kif imniżżel fl-Artikolu 13(1) ta’ dik id-Direttiva li jiddikjara taħt it-taqsima “Dikjarazzjoni addizzjonali” li:

    (a)

    il-pjanti jkunu tkabbru tul ħajjithom f’żona ta’ produzzjoni ħielsa minn organiżmi ta’ ħsara, stabbilita mill-organizzazzjoni nazzjonali tal-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini skond l-Istandards Internazzjonali rilevanti tal-Miżuri Fitosanitarji. L-isem taż-żona ħielsa minn organiżmi ta’ ħsara għandu jissemma taħt ir-rubrika “post ta’ oriġini”; jew

    (b)

    il-pjanti jkunu tkabbru, waqt perijodu ta’ mill-inqas sentejn qabel l-esportazzjoni, f’post ta’ produzzjoni stabbilit bħala ħieles mill-Anoplophora chinensis (Forster) skond l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji:

    (i)

    li jkun irreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini; kif ukoll

    (ii)

    li jkun ġie suġġett ta’ kull sena għal żewġ spezzjonijiet uffiċjali għal kwalunkwe sinjal tal-Anoplophora chinensis (Forster) li jsiru fi żminijiet xierqa u ma jkunu nstabu l-ebda sinjali tal-organiżmu; kif ukoll

    (iii)

    fejn il-pjanti jkunu tkabbru f’post:

    bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-Anoplophora chinensis (Forster) jew

    bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa u mdawra b’żona ta’ lqugħ b’ raġġ ta’ mill-inqas żewġ kilometri fejn isiru darba fis-sena u fi żminijiet xierqa l-istħarriġiet uffiċjali għall-preżenza jew sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster). Fil-każ li jinstabu sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), għandhom jittieħdu miżuri preventivi biex iż-żona ta’ lqugħ tinħeles mill-ġdid mill-pesti; kif ukoll

    (iv)

    fejn, immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-kunsinni tal-pjanti jkunu suġġetti uffiċjalment għal spezzjoni metikoluża għall-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti. Fejn jixraq, din l-ispezzjoni għandha tinkludi kampjunar distruttiv.

    (2)

    Pjanti speċifikati impurtati skond il-punt (1) għandhom jiġu spezzjonati b’mod metikoluż fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skond id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE (1). Il-metodi ta’ spezzjoni applikati għandhom jiżguraw il-lokalizzazzjoni ta’ kwalunkwe sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti. Fejn jixraq, din l-ispezzjoni għandha tinkludi kampjunar distruttiv.

    II.   Kundizzjonijiet għall-moviment

    (1)

    Pjanti speċifikati li joriġinaw f’oqsma demarkati ġewwa l-Komunità jistgħu jiġu mċaqilqa ġewwa l-Komunità biss jekk ikunu akkumpanjati minn passaport imħejji u maħruġ skond id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE (2) u jkunu tkabbru għal perijodu ta’ mill-inqas sentejn qabel ma jiċċaqilqu għal post tal-produzzjoni:

    (i)

    li jiġi rreġistrat skond id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/90/KEE (3) kif ukoll

    (ii)

    li jkun ġie suġġett għal żewġ spezzjonijiet uffiċjali ta’ kull sena għal kwalunkwe sinjal tal-Anoplophora chinensis (Forster) li jsiru fi żminijiet xierqa u ma jkunu nstabu l-ebda sinjali tal-organiżmu; fejn jixraq, din l-ispezzjoni għandha tinkludi kampjunar distruttiv u

    (iii)

    fejn il-pjanti jkunu tqiegħdu f’post:

    bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-Anoplophora chinensis (Forster); jew

    bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa u mdawra b’żona ta’ lqugħ b’raġġ ta’ mill-inqas żewġ kilometri lil hinn mill-konfini taż-żona infestata fejn isiru darba fis-sena u fi żminijiet xierqa l-istħarriġiet uffiċjali għall-preżenza jew sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster). Fil-każ li jinstabu sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster) għandhom minnufih jittieħdu miżuri ta’ eradikazzjoni biex iż-żona ta’ lqugħ tinħeles mill-ġdid mill-pesti.

    (2)

    Pjanti speċifikati importati minn pajjiżi terzi fejn hija magħrufa l-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) skond it-Taqsima I jistgħu jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità biss jekk jiġu akkumpanjati mill-passaport tal-pjanti msemmi fil-punt (1).


    (1)  ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16.

    (2)  ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22.

    (3)  ĠU L 344, 26.11.1992, p. 38.


    ANNESS II

    MIŻURI TA’ EMERĠENZA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 5

    1.   Definizzjoni ta’ żoni demarkati

    (a)

    Iż-żoni demarkati li jissemmew fl-Artikolu 5 għandhom jikkonsistu mill-partijiet li ġejjin:

    (i)

    żona infestata fejn il-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) ġiet ikkonfermata u li tinkludi l-pjanti kollha li juru sintomi kkawżati mill-Anoplophora chinensis (Forster), u, fejn jixraq, il-pjanti kollha li jagħmlu parti mill-istess lott fiż-żmien taż-żrigħ,

    (ii)

    żona ta’ lqugħ li l-konfini tagħha jkun tal-anqas żewġ kilometri 'l bogħod minn dik taż-żona infestata.

    (b)

    Id-delimitazzjoni eżatta taż-żoni msemmija fil-punt (a) għandha tkun ibbażata fuq prinċipji xjentifiċi sodi, il-bijoloġija tal-Anoplophora chinensis (Forster), il-livell ta’ infestazzjoni, id-distribuzzjoni partikolari tal-pjanti speċifikati fiż-żona u evidenza tal-istabbiliment tal-organiżmu perikoluż. Fil-każ tal-ewwel lokalizzazzjoni tal-organiżmu ġewwa żona, u wara stħarriġ ta’ delimitazzjoni, ir-raġġ taż-żona ta’ lqugħ tista’ titnaqqas għal mhux inqas minn kilometru lil hinn mill-konfini taż-żona infestata.

    (c)

    Jekk il-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) tiġi kkonfermata barra miż-żona infestata, id-delimitazzjonijiet taż-żoni demarkati għandhom jitbiddlu skond dan, jew għandhom jittieħdu miżuri immedjati biex iż-żona ta’ lqugħ tinħeles mill-pesti.

    (d)

    Jekk, skond l-istħarriġiet annwali msemmija fil-punt 2(b), l-Anoplophora chinensis (Forster) ma jkunx ġie llokalizzat f’żona demarkata għal perijodu ta’ erba’ snin, din id-demarkazzjoni għandha titneħħa u l-miżuri msemmija f’punt 2 ta’ dan l-Anness ma għandhomx jibqgħu japplikaw.

    2.   Miżuri f’żoni demarkati

    Il-miżuri uffiċjali li jissemmew fl-Artikolu 5 li għandhom jittieħdu fiż-żoni demarkati għandhom jinkludu tal-anqas dan li ġej:

    (a)

    fiż-żona infestata, miżuri xierqa bil-għan li jeqirdu l-Anoplophora chinensis (Forster), inkluż il-qtugħ u l-qerda tal-pjanti infestati u pjanti b’sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), inklużi l-għeruq kull sena qabel it-30 ta’ April;

    (b)

    fiż-żona infestata u fiż-żona ta’ lqugħ, il-monitoraġġ intensiv għall-preżenza tal- Anoplophora chinensis (Forster) permezz ta’ spezzjonijiet li jsiru ta’ kull sena fuq il-pjanti ospitanti tal-organiżmu fi żminijiet xierqa.


    Top