Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0650

2008/650/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ Lulju 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE dwar in-notifika ta’ mard ta’ l-annimali fil-Komunità biex tinkludi ċertu mard fil-lista ta’ mard li għandu jkun is-suġġett ta’ notifika u biex titħassar l-enċefalomjelite enterovirali tal-ħnieżer minn dik il-lista (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3943) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 213, 8.8.2008, p. 42–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32016R0429

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/650/oj

8.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 213/42


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Lulju 2008

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE dwar in-notifika ta’ mard ta’ l-annimali fil-Komunità biex tinkludi ċertu mard fil-lista ta’ mard li għandu jkun is-suġġett ta’ notifika u biex titħassar l-enċefalomjelite enterovirali tal-ħnieżer minn dik il-lista

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3943)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/650/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1982 dwar in-notifika ta’ mard ta’ l-annimali fil-Komunità (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 82/894/KEE dwar in-notifika ta’ mard ta’ l-annimali fil-Komunità tistipula l-kriterji għan-notifika ta’ dak il-mard ta’ l-annimali li l-okkorrenza tiegħu għandha tiġi notifikata mill-Istat Membru milqut lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

(2)

In-notifika u l-informazzjoni f’waqthom dwar l-okkorrenza ta’ dan il-mard fil-Komunità huma essenzjali għall-kontroll ta’ dan il-mard, kif ukoll għaċ-ċaqliq ta’ annimali ħajjin u prodotti ta’ l-annimali u l-kummerċ fihom.

(3)

Skond id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa ta’ l-annimali għall-annimali ta’ l-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (2), l-Istati Membri għandhom, f’ċerti każijiet, jinnotifikaw il-konferma tal-mard ta’ l-annimali ta’ l-akkwakultura elenkat fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva.

(4)

L-Anness I tad-Direttiva 82/894/KEE, li jelenka l-mard li l-okkorrenza tiegħu trid tiġi notifikata lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra, fir-rigward tal-mard li jaffettwaw il-ħut biss jinkludi n-nekrożi ematopojetka, l-anemija infettiva tas-salamun u s-septiċemja emorraġika virali.

(5)

Skond l-Anness IV tad-Direttiva 2006/88/KEE, in-nekrożi ematopojetka epiżootika, is-Sindromu epiżootiku ulċerattiv, l-Infezzjoni bil-Bonamia exitiosa, l-Infezzjoni bil-Bonamia ostreae, l-Infezzjoni bil-Marteilia refringens, l-Infezzjoni bil-Microcytos mackini, l-Infezzjoni bil-Perkinsus marinus, il-marda virali ta’ l-erpete tal-Koi, is-Sindromu Taura, il-White spot disease u l-Yellowhead disease huma wkoll definiti bħala mard li għandu jkun soġġett ta’ notifika.

(6)

Huwa għalhekk meħtieġ li dan il-mard jiżdied ma’ l-Anness I tad-Direttiva 82/894/KE. U li jiġi adattat l-Anness II ta’ dik id-Direttiva tal-Kunsill biex jitqiesu ċerti dettalji marbuta ma’ l-annimali ta’ l-akkwakultura.

(7)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (3) ħassret il-marda Teschen (enċefalomjelite enterovirali tal-ħnieżer) mil-lista ta’ mard elenkat fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE (4) u għalhekk m’għadux obbligatorju li din il-marda tiġi notifikata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.

(8)

Huwa għalhekk xieraq li din il-marda titneħħa mil-lista fl-Anness I tad-Direttiva 82/894/KEE.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Annessi I u II tad-Direttiva 82/894/KEE huma sostitwiti bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Awwissu 2008.

Artikolu 3

Din id-Deciżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 30 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 378, 31.12.1982, p. 58. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/216/KE (ĠU L 67, 5.3.2004, p. 27).

(2)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/53/KE (ĠU L 117, 1.5.2008, p. 27).

(3)  ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/729/KE (ĠU L 294, 13.11.2007, p. 26).

(4)  ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/10/KE (ĠU L 63, 1.3.2007, p. 24).


ANNESS

ANNESS I

Mard li għandu jiġu notifikat

A.   Mard ta’ annimali ta’ l-art

Marda Afrikana taż-żwiemel

Id-Deni Afrikan tal-ħnieżer

Influwenza tat-tjur

Il-Bluetongue

Enċefalopatija sponġiforma bovina

Deni klassiku tal-ħnieżer

Plewronewmonja tal-bovini li tittieħed

Id-Dourine

L-enċefalomjelite ekwina (ta' kull tip, inkluż l-enċefalomjelite ekwina tal-Venezwela)

L-anemija ekwina infettiva

Il-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer

Il-Glanders

Il-Lumpy skin disease

Il-marda ta' Newcastle

Il-pesta ta' l-annimali ruminanti żgħar

Id-deni ta' Rift valley

Rinderpest (pesta tal-bovini)

Sifilide tan-nagħaġ u l-mogħoż (Capripox)

Il-ħanfusa żgħira tal-ġarra tan-naħal (Aethina tumida)

Mard vesikulari tal-ħnieżer

Id-dudu Tropilaelaps

Stomatite vesikulari

B.   Mard akkwatiku

Nekrosi ematopojetika epiżootika

Is-sindromu epiżotiku ulċerattiv

Settiċimija emorraġika virali

Il-marda tal-white spot

Il-marda Yellowhead

Is-sindromu Taura

Nekrożi ematopojetika infettiva

Anemija infettiva tas-salamun

Infezzjoni bil-Perkinsus marinus

Infezzjoni bil-Microcytos mackini

Infezzjoni bil-Marteilia refringens

Infezzjoni bil-Bonamia ostreae

Infezzjoni bil-Bonamia exitiosa

Il-marda virali ta’ l-erpete tal-koi

ANNESS II

A.   L-informazzjoni li għandha tingħata fin-notifika mitluba mill-Artikoli 3 u 4 fir-rigward tat-tifqigħat primarji u sekondarji tal-mard elenkat fil-paragrafi A u B ta’ l-Anness I:

1.

Id-data ta' meta tintbagħat;

2.

Fi x'ħin tintbagħat;

3.

Pajjiż ta’ l-oriġini;

4.

L-isem tal-marda u t-tip ta' virus, skond il-każ;

5.

In-numru tas-serje tat-tifqigħa;

6.

It-tip ta' tifqigħa;

7.

In-numru ta' referenza tat-tifqigħa marbut ma’ din it-tifqigħa;

8.

Ir-reġjun u ż-żona ġeografika ta’ l-istabbiliment

9.

Ir-reġjuni l-oħra affettwati minn dawn ir-restrizzjonijiet;

10.

Id-data tal-konferma;

11.

Id-data tas-suspett;

12.

Id-data ta’ meta stmat li kien hemm l-ewwel infezzjoni;

13.

L-oriġini tal-marda;

14.

Il-miżuri ta' kontroll meħuda;

15.

In-numru ta' annimali suxxettibbli fuq il-post (a) bovini, (b) ħnieżer, (ċ) nagħaġ, (d) mogħoż, (e) tjur, (f) ekwidi, (g) fil-każ ta’ mard ta’ annimali ta’ l-akkwalkultura, għandu jingħata l-piż jew in-numru × 1 000 ta’ annimali suxxettibbli (h) speċi salvaġġi, (i) fil-każ ta’ mard tan-naħal, għandu jingħata n-numru tal-ġarar suxxettibbli;

16.

In-numru ta' annimali milquta klinikament fuq il-post (a) bovini, (b) ħnieżer, (ċ) nagħaġ, (d) mogħoż, (e) tjur, (f) ekwidi, (g) fil-każ ta’ mard ta’ annimali ta’ l-akkwalkultura, għandu jingħata l-piż jew in-numru × 1 000 ta’ annimali milquta klinikament (h) speċi salvaġġi, (i) fil-każ ta’ mard tan-naħal, għandu jingħata n-numru ta’ ġarar milquta klinikament;

17.

In-numru ta' annimali li mietu fuq il-post (a) bovini, (b) ħnieżer, (ċ) nagħaġ, (d) mogħoż, (e) tjur, (f) ekwidi, (g) fil-każ ta’ mard ta’ annimali ta’ l-akkwalkultura, għandu jingħata l-piż jew in-numru × 1 000 ta’ annimali li mietu fuq il-post (h) speċi salvaġġi;

18.

In-numru ta' annimali maqtula (a) bovini, (b) ħnieżer, (ċ) nagħaġ, (d) mogħoż, (e) tjur, (f) ekwidi, (g) fil-każ ta’ mard ta’ annimali ta’ l-akkwalkultura, fejn applikabbli (fil-każ ta’ krustaċji u ħut biss) għandu jingħata l-piż jew in-numru × 1 000 ta’ annimali maqtula (h) speċi salvaġġi;

19.

In-numru ta' karkassi meqruda (a) bovini, (b) ħnieżer, (ċ) nagħaġ, (d) mogħoż, (e) tjur, (f) ekwidi, (g) fil-każ ta’ mard ta’ annimali ta’ l-akkwalkultura, fejn applikabbli għandu jingħata l-piż jew in-numru × 1 000 ta’ annimali li tneħħew u nqerdu (h) speċi salvaġġi, (i) fil-każ ta’ mard tan-naħal, għandu jingħata n-numru ta’ ġarar meqruda;

20.

Id-data (stmata) ta’ meta jitlesta l-qtil (skond il-każ);

21.

Id-data (stmata) ta’ meta titlesta l-qerda (skond il-każ);

B.   Fil-każ ta’deni tal-ħnieżer, l-informazzjoni addizzjonali:

1.

Distanza mill-eqreb stabbiliment tal-ħnieżer;

2.

In-numru u t-tip (għat-trobbija, għat-tismin u driefeġ (1)) tal-ħnieżer fuq il-post infettat;

3.

In-numru u t-tip (għat-trobbija, għat-tismin u driefeġ (1)) li ġew milquta klinikament fuq il-post infettat;

4.

Il-metodu tad-dijanjosi;

5.

Jekk mhux fuq il-post, f'dak il-każ jekk il-konferma seħħitx f'biċċerija jew f'xi mezz ta' trasport;

6.

Il-konferma ta' każijiet primarji (2) fi ħnieżer selvaġġi.

C.   Fil-każ ta’ mard ta’ annimali ta’ l-akkwakultura kif elenkati fil-paragrafu B ta’ l-Anness I:

Konferma ta’ kwalunkwe tifqigħa ta’ mard eżotiku u ta' tifqigħat ta' mard mhux eżotiku fi Stati Membri, żoni jew kompartimenti li qabel kienu ħielsa mill-mard kif definit fid-Direttiva 2006/88/KEE għandha tiġi notifikata bħala tifqigħa primarja. L-isem u d-deskrizzjoni taż-żona jew tal-kompartiment għandhom jiġu inkluzi fit-test ħieles.

Tifqigħat oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu hawn fuq għandhom jitqiesu bħala tifqigħat sekondarji, skond l-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva.

It-tifqigħat sekondarji ta’ mard ta’ annimali ta' l-akkwakultura għandhom jiġu notifikati kull xahar.


(1)  Annimali bejn wieħed u ieħor taħt it-tliet xhur.

(2)  Każ primarju ta’ deni tal-ħnieżer fi ħnieżer selvaġġi ifisser dawk il-każijiet li jseħħu f'żoni ħielsa, jiġifieri barra minn postijiet ristretti għad-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer selvaġġi.


Top