Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0620

    2008/620/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Lulju 2008 li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni marbut ma’ l-istokkijiet tal-merluzz fil-Kattegat, il-Baħar tat-Tramuntana, l-Iskagerrak, il-lvant tal-Kanal, l-ibħra fil-punent ta’ l-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3633)

    ĠU L 198, 26.7.2008, p. 66–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 23/05/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/620/oj

    26.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 198/66


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-22 ta’ Lulju 2008

    li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni marbut ma’ l-istokkijiet tal-merluzz fil-Kattegat, il-Baħar tat-Tramuntana, l-Iskagerrak, il-lvant tal-Kanal, l-ibħra fil-punent ta’ l-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3633)

    (2008/620/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (1), u partikolarment l-Artikolu 34c(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2004 tas-26 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi miżuri għall-irkuprar ta’ l-istokkijiet ta’ merluzz (2) jistabbilixxi miżuri għall-irkupru ta’ l-istokkijiet tal-merluzz fil-Kattegat, fil-Baħar tat-Tramuntana, fl-Iskagerrak, u fil-lvant tal-Kanal, l-ibħra fil-punent ta’ l-Iskozja, u l-Baħar Irlandiż u r-regoli dwar il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd għall-merluzz f’dawk iż-żoni.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (3), jipprovdi għall-attivitajiet ta’ kontroll mill-Kummissjoni u l-Istati Membri u għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.

    (3)

    Sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-miżuri ta’ rkupru għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, fil-Kattegat, fl-Iskagerrak u fil-lvant tal-Kanal, fl-ibħra fil-punent ta’ l-Iskozja, u fil-Baħar Irlandiż, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni mmirat lejn is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet.

    (4)

    Il-prorgamm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiġi stabbilit għal perjodu ta’ tliet snin. Ir-riżultati miksuba mill-applikazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandhom jiġu evalwati perjodikament mill-Istati Membri kkonċernati f’kooperazzjoni ma’ l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd (minn hawn ’il quddiem “CFCA”) imwaqqfa mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (4).

    (5)

    Għandhom jitwettqu attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u sorveljanza skond il-pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti stabbiliti mis-CFCA.

    (6)

    Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni ġew stabbiliti flimkien ma’ l-Istati Membri kkonċernati.

    (7)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għas-Sajd u l-Akwakultura,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata tal-miżuri stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 423/2004 għall-irkupru ta’ l-istokkijiet tal-merluzz fil-Kattegat, il-Baħar tat-Tramuntana, l-Iskagerrak, il-lvant tal-Kanal, l-ibħra fil-punent ta’ l-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż.

    Artikolu 2

    Ambitu

    Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni msemmi fl-Artikolu 1 għandu japplika għal tliet snin u għandu jkopri:

    (a)

    l-attivitajiet tas-sajd imwettqa minn bastimenti soġġetti għal limitazzjonijiet fuq l-isforzi u kundizzjonijiet assoċjati msemmija fl-Artikolu 1;

    (b)

    l-attivitajiet relatati kollha, fosthom il-ħatt l-art, l-użin, il-kummerċjalizzazzjoni, it-trasport u l-ħżin tal-prodotti tas-sajd u r-reġistrar ta’ l-ammonti maħtuta l-art u mibjugħa.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 423/2004.

    Artikolu 4

    Programmi nazzjonali ta’ kontroll u spezzjoni

    1.   Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, l-Irlanda, l-Olanda, l-Iżvezja u r-Renju Unit għandhom jistabbilixxu programmi nazzjonali ta’ kontroll u spezzjoni, skond ir-regoli komuni stabbiliti fl-Anness I, fir-rigward ta’ l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 2.

    2.   Il-programmi nazzjonali ta’ kontroll u spezzjoni għandu jkun fihom id-data u l-ispeċifikazzjonijiet kollha elenkati fl-Anness II.

    3.   L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2008, il-programm nazzjonali ta’ kontroll u spezzjoni u l-iskeda annwali ta’ implimentazzjoni tagħhom. L-iskeda għandha tinkludi dettalji fir-rigward tar-riżorsi umani u materjali allokati u l-perjodi u ż-żoni fejn għandhom jitqassmu.

    4.   Wara dan, l-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinnotifikaw skeda aġġornata ta’ l-implimentazzjoni lill-Kummissjoni kull sena u mhux aktar tard minn 15-il jum qabel id-data tal-bidu ta’ l-implimentazzjoni tagħha.

    Artikolu 5

    Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

    L-Istati Membri kollha għandhom jikkooperaw ma’ l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 4(1) għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.

    Artikolu 6

    L-attivitajiet ta’ spezzjoni u sorveljanza mill-Istati Membri

    1.   Stat Membru li jkun bi ħsiebu jissorvelja u jispezzjona bastimenti tas-sajd fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, fil-kuntest ta’ Pjan ta’ Eżerċizzju Konġunt (minn hawn ’il quddiem “JDP”) stabbilit skond l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-punt ta’ kuntatt ta’ l-Istat Membru kostali kkonċernat, imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1042/2006 (5), u lill-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd (CFCA). Din in-notifika għandha jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    it-tip, l-isem u l-kodiċi tar-radju tal-bastimenti ta’ spezzjoni u l-inġenji ta’ l-ajru ta’ spezzjoni skond il-lista msemmija fl-Artikolu 28(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

    (b)

    iż-żoni, kif jissemmew fl-Artikolu 1, fejn ikunu se jseħħu s-sorveljanza u spezzjoni;

    (c)

    kemm idumu l-attivitajiet ta’ sorveljanza u spezzjoni.

    2.   L-attivitajiet ta’ sorveljanza u spezzjoni għandhom jitwettqu skond l-Anness I.

    Artikolu 7

    Attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u sorveljanza

    L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 4(1) għandhom iwettqu attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u sorveljanza skond il-pjan konġunt ta’ mobilitazzjoni stabbilit mis-CFCA abbażi ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 768/2005.

    Artikolu 8

    Informazzjoni

    L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 4(1) għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tas-sena kalendarja preċedenti:

    (a)

    il-kompiti ta’ spezzjoni u sorveljanza msemmija fl-Anness I;

    (b)

    l-infrazzjonijiet kollha, kif imsemmija fl-Anness III, misjuba matul dik is-sena, u għal kull infrazzjoni l-bandiera tal-bastiment, id-data u l-post ta’ l-ispezzjoni u n-natura ta’ l-infrazzjoni; L-Istati Membri għandhom jindikaw in-natura ta’ l-infrazzjoni b’referenzi għall-ittra li taħtha huma elenkati fl-Anness III;

    (c)

    il-qagħda attwali ta’ l-azzjoni ta’ segwitu fuq l-infrazzjonijiet, instabux matul dik is-sena inkella matul is-snin ta’ qabel;

    (d)

    kwalunkwe azzjoni rilevanti ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

    Artikolu 9

    L-evalwazzjoni

    1.   Kull wieħed mill-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 4(1) għandu, sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, iħejji rapport ta’ evalwazzjoni u jibagħtu lill-Kummissjoni u lis-CFCA, rigward l-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni li jkunu twettqu matul is-sena kalendarja ta’ qabel skond il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni stipulat f’din id-Deċiżjoni u il-programmi nazzjonali ta’ kontroll u spezzjoni msemmi fl-Artikolu 5.

    2.   Is-CFCA għandha tqis ir-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fil-valutazzjoni annwali tagħha ta’ l-effikaċja ta’ Pjan ta’ Eżerċizzju Konġunt kif jissemma fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 768/2005.

    3.   Darba fis-sena, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħa tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura biex tevalwa l-konformità mal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni u l-programmi nazzjonali ta’ kontroll u ta’ spezzjoni.

    Artikolu 10

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 22 ta’ Lulju 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Joe BORG

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 248, 22.9.2007, p. 1).

    (2)  ĠU L 70, 9.3.2004, p. 8.

    (3)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).

    (4)  ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.

    (5)  ĠU L 187, 8.7.2006, p. 14


    ANNESS I

    Il-kompiti ta’ spezzjoni u monitoraġġ

    1.   Kompiti ġenerali ta’ spezzjoni

    1.1.

    Għall kull spezzjoni għandu jitħejja rapport ta’ spezzjoni. L-ispetturi għandhom, fi kwalunkwe każ, jivverifikaw u jirreġistraw fir-rapport tagħhom l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    id-dettalji ta’ l-identità tal-persuni responsabbli, kif ukoll dawk tal-bastiment jew vetturi involuti fl-attivitajiet spezzjonati;

    (b)

    l-awtorizzazzjoni: il-liċenzja, il-permess speċjali tas-sajd u d-drittijiet ta’ l-isforzi tas-sajd;

    (ċ)

    dokumenti rilevanti tal-bastiment, bħall-ġurnali ta’ abbord, iċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni, il-pjanti ta’ l-istivi tal-bastiment, ir-reġistri tan-notifiki u fejn rilevanti ir-reġistri tar-rapporti manwali VMS.

    (d)

    is-sejbiet l-oħra kollha rilevanti mill-ispezzjoni fuq il-baħar, fil-port, jew fi kwalunkwe stadju ieħor tal-proċess tal-kummerċjalizzazzjoni.

    1.2.

    Is-sejbiet imsemmija fil-punt 1.1 għandhom jitqabblu ma’ l-informazzjoni magħmula disponibbli lill-ispetturi minn awtoritajiet kompetenti oħra, inkluża l-informazzjoni VMS, notifiki preċedenti u listi ta’ bastimenti b’permess speċjali biex jistadu għall-merluzz fi kwalunkwe żona ddefinita fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   Kompiti ta’ spezzjoni fuq il-baħar

    L-ispetturi għandhom jivverifikaw:

    (a)

    il-kwantitajiet ta’ ħut miżmuma abbord meta mqabbla mal-kwantitajiet irreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord u l-konformità mal-marġni tat-tolleranza kif jissemmew fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 423/2004.

    (b)

    il-konformità ta’ l-irkaptu użat mar-rekwiżiti rilevanti u konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħxuna ta’ l-għażel, id-daqsijiet minimi għall-malji u l-ħut, apparat imwaħħal max-xibka u l-immarkar u l-identifikazzjoni ta’ l-irkaptu passiv,

    (ċ)

    it-tħaddim korrett ta’ l-apparat VMS,

    3.   Kompiti ta’ spezzjoni mal-ħatt l-art

    L-ispetturi għandhom jivverifikaw:

    (a)

    in-notifika minn qabel tal-ħatt l-art inkluża l-informazzjoni dwar il-qabda abbord,

    (b)

    l-ikkompletar tal-ġurnal ta’ abbord u d-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art, inkluż ir-reġistrar ta’ l-isforzi,

    (ċ)

    il-kwantitajiet attwali ta’ ħut miżmuma abbord, il-piż tal-merluzz u speċijiet oħra maħtuta l-art u l-konformità mal-marġni tat-toleranza kif jissemmew fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 423/2004.

    (d)

    l-irkaptu abbord u l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħxuna ta’ l-għażel, id-daqsijiet minimi għall-malji u l-ħut, apparat imwaħħal max-xibka u l-immarkar u l-identifikazzjoni ta’ l-irkaptu passiv,

    (e)

    fejn applikabbli, il-konformità mal-proċeduri għat-tifi ta’ l-appart VMS.

    4.   Kompiti ta’ spezzjoni marbuta mat-trasport u l-kummerċjalizzazzjoni

    L-ispetturi għandhom jivverifikaw:

    (a)

    id-dokumenti rilevanti ta’ akkumpanjament u jqabbluhom mal-kwantitajiet fiżiċi ttrasportati;

    (b)

    il-konformità mar-rekwiżiti ta’ gradazzjoni u tikkettar u r-rekwiżiti ta’ daqs minimu tal-ħut,

    (ċ)

    id-dokumentazzjoni (ġurnal ta’ abbord, dikjarazzjoni tal-ħatt l-art u noti tal-bejgħ), tqassim u użin tal-ħut għall-kontroll tad-dispożizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni.

    5.   Kompiti għas-sorveljanza mill-ajru

    L-ekwipaġġ ta’ sorveljanza għandu:

    (a)

    jikkontroverifika l-avvistamenti u jqabbilhom ma’ l-allokazzjoni ta’ l-isforzi;

    (b)

    jikkontroverifika r-restrizzjonijiet fuq iż-żoni tas-sajd;

    (ċ)

    jirrapporta dwar id-data ta’ sorveljanza għall-finijiet ta’ kontroverifika.


    ANNESS II

    Kontenuti tal-Programmi Nazzjonali ta’ Kontroll

    Programmi nazzjonali ta’ kontroll għandhom, inter alia, jispeċifikaw:

    1.   IL-MEZZI TA’ KONTROLL

    —   Mezzi umani

    Stima ta’ l-għadd ta’ spetturi fuq l-art u fuq il-baħar u l-perjodi u ż-żoni fejn ikunu se jiġu mmobilizzati;

    —   Mezzi tekniċi

    Stima ta’ l-għadd ta’ bastimenti u inġenji ta’ l-ajru għas-sorveljanza u l-perjodi u ż-żoni fejn ikunu se jiġu mmobilizzati;

    —   Mezzi finanzjarji

    Stima ta’ l-allokazzjoni tal-baġit għall-użu tar-riżorzi umani, il-bastimenti u l-inġenji ta’ l-ajru għas-sorveljanza.

    2.   ID-DENOMINAZZJONI TAL-PORTIJIET

    Kull Stati Membru għandu jiddefinixxi dawk il-portijiet li fihom jkollhom iseħħu dawk il-qabdiet ta’ merluzz ta’ aktar minn żewġ tunnellati.

    3.   IL-KONTROLL TA’ L-ISFORZI

    Is-sistema fis-seħħ għall-allokazzjoni, il-monitoraġġ u kontroll ta’ l-isforzi tas-sajd, inkluż:

    Is-Sistema fis-seħħ għall-verifika tar-riżultati mgħoddija tal-bastimenti li jingħatawlhom jiem addizzjonali;

    Is-Sistema fis-seħħ biex tiġi vverifikata l-konformità mar-restrizzjonijiet tal-qabdiet inċidentali imposti fuq bastimenti li jibbenefikaw minn allokazzjonijiet ta’ jiem addizjonali jew derogi;

    Il-leġiżlazzjoni u/jew rakkomandazzjoni maħruġa lill-industrija dwar kif għandhom jiġu rreġistrati l-perjodi ppjanati ta’ ġestjoni u l-kategoriji ta’ rkaptu;

    Il-leġiżlazzjoni u/jew rakkomandazzjoni maħruġa lill-industrija dwar kif għandhom jirreġistraw il-pjanijiet tagħhom biex jużaw aktar minn kategorija waħda ta’ rkaptu matul perjodu ta’ ġestjoni;

    Deskrizzjoni ta’ kif id-data dwar l-isforzi tiġi ġestita u l-istruttura tal-bażi tad-data;

    Is-sistema użata għat-trasferiment tal-jiem;

    Is-sistema użata għall-allokazzjoni ta’ jiem addizzjonali;

    Is-sistema użata għan-nuqqas ta’ attribuzzjoni tal-jiem fit-tranżitu;

    Is-sistema użata biex jiġi żgurat li l-kapaċità ekwivalenti tiġi rtirata biex bastimenti mingħajr provi ta’ riżultati mgħoddija jkunu jistgħu jistadu f’żona partikolari.

    4.   IR-REĠIM TA’ L-ISFORZI

    Kundizzjonijiet assoċjati fosthom:

    Deskrizzjoni tas-sistema ta’ komunikazzjoni,

    Deskrizzjoni tal-miżuri alternattivi ta’ kontroll,

    Is-sistema fis-seħħ biex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet ta’ pre-notifikar,

    Deskrizzjoni tas-sistema għall-awtorizzazzjoni tal-ħatt l-art,

    Metodu tal-kalkolu tal-marġni tat-tolleranza fl-istima tal-kwantitajiet.

    5.   PROTOKOLLI TA’ SPEZZJONI

    Il-Protokolli għall-ispezzjoni mal-ħatt l-art, l-ewwel bejgħ, it-trasport ta’ wara l-ewwel bejgħ u l-ispezzjoni fuq il-baħar.

    6.   LINJI GWIDA

    Linji gwida ta’ spjegazzjoni għall-ispetturi, organizzazzjonijiet ta’ produtturi u sajjieda.

    7.   PROTOKOLLI TA’ KOMUNIKAZZJONI

    Protokolli għall-komunikazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti ddeżinjati minn Stati Membri oħra bħala responsabbli għall-programm nazzjonali ta’ azzjoni għall-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għall-merluzz.

    8.   SKAMBJI TA’ SPETTURI

    Protokolli għall-iskambju ta’ spetturi, inkluża l-ispeċifikazzjoni tas-setgħat u ta’ l-awtorità ta’ spetturi li jkunu qed joperaw f’żoni ekonomiċi esklussivi ta’ xulxin

    9.   PUNTI TA’ REFERENZA SPEĊIFIĊI GĦALL-ISPEZZJONI

    Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi punti ta’ referenza speċifiċi. Punti ta’ referenza bħal dawn għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati Membri kollha kkonċernati u għandhom jiġu riveduti perjodikament wara analiżi tar-riżultati miksuba. Il-punt ta’ referenza ta’ spezzjoni għandu jevolvi progressivament sakemm jinkisbu l-punti ta’ referenza fil-mira ddefiniti hawn taħt.

    Punti ta’ referenza fil-mira

    Mhux aktar tard minn xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-iskedi ta’ spezzjoni tagħhom waqt li jqisu l-miri indikati hawn taħt.

    L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw u jiddeskrivu liema strateġija ta’ teħid ta’ kampjuni għandha tiġi applikata.

    Il-Kummissjoni għandha jkollha aċċess għall-pjan ta’ teħid ta’ kampjuni li jintuża mill-Istat Membru.

    (a)   Livell ta’ spezzjoni fil-portijiet

    B’regola ġenerali, l-eżattezza li għandha tintlaħaq għandha tkun għallinqas ekwivalenti għal dak li jinkiseb minn metodu sempliċi każwali għat-teħid tal-kampjuni, fejn l-ispezzjonijiet għandhom ikopru 20 % ta’ l-iżbarkar kollu tal-merluzz fi Stat Membru.

    (b)   Livell ta’ spezzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni

    Spezzjoni ta’ 5 % tal-kwantitajiet ta’ merluzz offruti għall-bejgħ bl-irkant.

    (c)   Livell ta’ spezzjoni fuq il-baħar

    Punt ta’ referenza flessibbli: għandu jiġi stabbilit wara analiżi dettaljata ta’ l-attività tas-sajd f’kull żona. Il-punti ta’ referenza fuq il-baħar għandhom jirreferu n-numru ta’ jiem ta’ għassa fuq il-baħar fiż-żoni tal-ġestjoni tal-merluzz, possibbilment b’punt ta’ referenza separat għal jiem ta’ sorveljanza fiż-Żoni speċifiċi.

    (d)   Livell ta’ sorveljanza mill-ajru

    Punt ta’ referenza flessibbli: li għandu jkun stabbilit wara analiżi dettaljata ta’ l-attività tas-sajd magħmula f’kull żona u wara li jkunu tqiesu r-riżorsi li jkun hemm għad-dispożizzjoni ta’ l-Istat Membru.


    ANNESS III

    Lista ta’ infrazzjonijet kif jissemmew fl-Artikolu 7

    A.

    Nuqqas mill-kaptan ta’ bastimenti tas-sajd milli jikkonforma mal-limiti fuq l-isforzi tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni;

    B.

    Nuqqas mill-kaptan jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu ta’ bastiment tas-sajd Komunitarju b’tul ta’ 10 metri jew aktar u li jġorr abbord inkella juża kwalunkwe rkaptu li għalih ikun meħtieġ permess speċjali għas-sajd fi kwalunkwe waħda miż-żoni ddefiniti fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni milli jkollu jew iżomm kopja tal-permess speċjali tas-sajd;

    C.

    Tbagħbis tas-sistemi ta’ sorveljanza satellitari tal-bastimenti kif jissemma fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2244/2003 tat-18 Diċembru 2003 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar is-sistemi ta’ sorveljanza tal-vapuri bbażata fuq satellita (1);

    D.

    Falsifikar inkella nuqqas ta’ reġistrazzjoni tad-data fil-ġurnali ta’ abbord, inklużi r-rapporti ta’ l-isforzi, id-dikjarazzjoniiet tal-ħatt, u n-noti tal-bejgħ, dikjarazzjonijiet tat-trasferiment u d-dokumenti tat-trasport, inkella nuqqas milli jinżammu jew jitressqu dawk id-dokumenti msemmija fl-Artikoli 6-19 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u l-Artikoli 13 u 15 tar-Regolament (KE) Nru 423/2004;

    E.

    Nuqqas mill-kaptan ta’ bastiment Komunitarju tas-sajd jew ir-rappreżentant tiegħu, b’aktar minn tunnellata ta’ merluzz abbord milli jikkonforma mar-regoli dwar in-notifikar minn qabel stipulati fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 423/2004;

    F.

    Ħatt l-art ta’ aktar minn żewġ tunnellati merluzz minn bastimenti barra mill-portijiet definiti.


    (1)  ĠU L 333, 20.12.2003, p. 17


    Top