Valige katsefunktsioonid, mida soovite proovida

See dokument on väljavõte EUR-Lexi veebisaidilt.

Dokument 32008D0173

    2008/173/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 18 ta’ Frar 2008 dwar it-testijiet tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II)

    ĠU L 57, 1.3.2008, lk 14—17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Dokumendi õiguslik staatus Kehtetud, Kehtetuks muutumise kuupäev: 21/02/2016; Imħassar b' 32016R0094

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/173/oj

    1.3.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 57/14


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-18 ta’ Frar 2008

    dwar it-testijiet tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II)

    (2008/173/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2001/886/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2001 dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(c) u l-Artikolu 6(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    L-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) ingħata lill-Kummissjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2424/2001 tas-6 ta’ Diċembru 2001 dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) (2) u d-Deċiżjoni 2001/886/ĠAI. Il-ħtiġiet tan-netwerk għall-iżvilupp tas-SIS II huma stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/170/KE (3) tas-16 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi il-ħtiġiet tan-netwerk għall-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II (L-ewwel pilastru) u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/171/KE tas-16 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi il-ħtiġiet tan-netwerk għall-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II (It-tielet pilastru) (4).

    (2)

    It-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) kienet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI (6), dwar it-twaqqif, l-operat u l-użu tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal dawn it-testi inkluż id-dispożizzjonijiet finali tagħhom.

    (3)

    Dawk id-dispożizzjonijiet finali jiddefinixxu l-kondizzjonijiet li ser jippermettu lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxi bl-unanimità tal-Membri tiegħu li jirrappreżentaw il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri li jipparteċipaw f’SIS 1+, jiffissa d-data ta’ applikazzjoni ta’ dawk it-testi. Huma jipprevedu, inter alia, li l-Kummissjoni tiddikjara t-tlestija b’suċċess ta’ test komprensiv tas-SIS II kif imsemmi fl-Artikolu 55(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u fl-Artikolu 71(3)(c) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, li għandu jitmexxa mill-Kummissjoni flimkien ma’ l-Istati Membri, u l-korpi preparatorji tal-Kunsill jivvalidaw ir-riżultat tat-test propost u jikkonfermaw li l-livell ta’ prestazzjoni tas-SIS II ikun, mill-inqas, ekwivalenti għal dak miksub bis-SIS 1+.

    (4)

    Huwa mifhum li din id-Deċiżjoni għandha tiġi kkomplimentata bl-adozzjoni fil-futur tal-leġislazzjoni xierqa li tirregola, fid-dettall, l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ test komprensiv tas-SIS II, li għandu jiġi esegwit f’kooperazzjoni sħiħa bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Is-CS-SIS għandu jibqa’ r-responsabbiltà tal-Kummissjoni biss.

    (5)

    Huwa meħtieġ li jsiru testijiet sabiex jiġi evalwat jekk is-SIS II tistax taħdem skond il-ħtiġiet tekniċi u funzjonali kif definiti fl-istrumenti legali tas-SIS II.

    (6)

    It-testijiet għandhom jevalwaw ukoll il-ħtiġiet mhux funzjonali bħar-robustezza, id-disponibbiltà u l-prestazzjoni.

    (7)

    Huwa meħtieġ għall-Kummissjoni li tittestja li s-SIS II Ċentrali tista’ titqabbad mas-sistemi nazzjonali ta’ l-Istati Membri, filwaqt li l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1 + għandhom jagħmlu l-arranġamenti tekniċi meħtieġa biex jipproċessaw id-data tas-SIS II u jiskambjaw informazzjoni supplimentari.

    (8)

    Huwa meħtieġ li jiġu kkjarifikati aktar il-kompiti li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fir-rigward tat-tlestija ta’ ċerti testijiet tas-SIS II.

    (9)

    Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-ħtiġiet għad-definizzjoni, l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tat-test u ta’ kif it-testijiet ser jiġu vvalidati.

    (10)

    Is-SIS II tista’ tibda topera biss meta l-Istati Membri kollha li jipparteċipaw bi sħiħ fis-SIS 1 + ikunu għamlu l-arranġamenti meħtieġa biex jipproċessaw id-data tas-SIS II. Il-każijiet fejn Stat Membru jikkunsidra li t-testijiet ma jistgħux jitlestew b’suċċess għandhom għalhekk jiġu ddokumentati.

    (11)

    Il-Kumitat li jassisti lill-Kummissjoni matul l-iżvilupp tas-SIS II, u imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2001/886/ĠAI, ma tax opinjoni favorevoli dwar l-abbozz ta’ miżuri tal-Kummissjoni. Għalhekk il-Kummissjoni ppreżentat proposta lill-Kunsill dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u informat lill-Parlament Ewropew skond l-Artikolu 6(5) tad-Deċiżjoni 2001/886/ĠAI.

    (12)

    Ir-Renju Unit qiegħed jieħu sehem f’din id-Deċiżjoni, f’konformità ma’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-Artikolu 8 (2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq sabiex jieħdu sehem f’xi dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (7).

    (13)

    L-Irlanda qiegħda tieħu sehem f’din id-Deċiżjoni, f’konformità ma’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba ta’ l-Irlanda sabiex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (8).

    (14)

    Fir-rigward ta’ l-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen skond it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (10) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

    (15)

    Fir-rigward ta’ l-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen skond it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (11), li jaqa’ fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (12) u 2008/146/KE (13) dwar il-konklużjoni ta’ dak il-ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea u f’isem il-Komunità Ewropea,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-ispeċifikazzjonijiet rilevanti għal ċerti testijiet SIS II relatati mas-SIS II Ċentrali, il-komunikazzjoni, l-infrastruttura u l-interazzjonijiet bejn is-SIS II Ċentrali u s-sistemi nazzjonali (N.SIS II), b’mod partikolari l-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettivi tagħhom, il-ħtiġiet tagħhom u l-proċess tagħhom għandhom ikunu kif imniżżel fl-Anness.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Frar 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. RUPEL


    (1)  ĠU L 328, 13.12.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-deċiżjoni 2006/1007/ĠAI, (ĠU L 411, 30.12.2006, p. 78).

    (2)  ĠU L 328, 13.12.2001, p. 4, Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1988/2006 (ĠU L 411, 30.12.2006, p. 1).

    (3)  ĠU L 79, 20.3.2007, p. 20.

    (4)  ĠU L 79, 20.3.2007, p. 29.

    (5)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

    (6)  ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.

    (7)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

    (8)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

    (9)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (10)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

    (11)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (12)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50.

    (13)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1


    ANNESS

    1.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAT-TESTIJIET TAS-SIS II

    Ċerti testijiet tas-SIS II imsemmijin f’din id-Deċiżjoni għandhom juru li s-SIS II Ċentrali, l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni u l-interazzjonijiet bejn is-SIS II Ċentrali u s-sistemi nazzjonali (N.SIS II) (minbarra dawk tal-Bulgarija u tar-Rumanija) (1) jaħdmu skond il-ħtiġiet tekniċi u funzjonali mniżżlin fl-istrumenti legali tas-SIS II.

    Dawn it-testijiet tas-SIS II għandhom juru wkoll li s-SIS II Ċentrali, l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni u l-interazzjonijiet bejn is-SIS II Ċentrali u s-sistemi nazzjonali (N.SIS II) jistgħu jaħdmu skond ħtiġiet mhux funzjonali bħar-robustezza, id-disponibbiltà u l-prestazzjoni.

    2.   PROĊESS, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI DETTALJAT U ORGANIZZAZZJONI TAT-TESTIJIET TAS-SIS II

    Is-sekwenza tat-testijiet, l-objettiv, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-organizzazzjoni tagħhom għandhom ikunu espressi kif ġej:

     

    L-ewwel fażi tat-testijiet għandha tindirizza l-ittestjar tal-konnettività u r-reżiljenza ta’ l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni SIS II.

     

    It-tieni fażi ta’ dawn it-testijiet għandha tindirizza l-ittestjar tas-SIS II Ċentrali mingħajr N.SIS II.

     

    It-tielet fażi tat-testijiet għandha tindirizza l-ittestjar tas-SIS II Ċentrali ma’ xi N.SIS II u l-ittestjar tal-konformità ta’ kull sistema nazzjonali ma’ l-ispeċifikazzjonijiet deskritti fil-verżjoni ta’ referenza tad-Dokument ta’ Kontroll ta’ l-Interface (ICD).

    Il-Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet (2) stabbilit mill-Kumitat tas-SIS II huwa kompetenti biex jirrapporta dwar ir-riżultati tat-testijiet lill-Kumitat tas-SIS II. Il-Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet għandu jidentifika, jikkategorizza u jiddeskrivi kwalunkwe kwistjoni li jsib u jipproponi għażliet għal soluzzjonijiet. Is-servizzi tal-Kummissjoni u l-esperti ta’ l-Istati Membri għandhom jipprovdu kull informazzjoni meħtieġa biex il-Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet iwettaq il-kompitu tiegħu.

    2.1.   Dokumentazzjoni tat-test

    Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati tat-testijiet. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-Istati Membri involuti l-abbozz u l-verżjoni finali ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tat-test u d-dispożizzjonijiet għall-ġestjoni u l-koordinazzjoni tat-testijiet fi skeda maqbula ma’ l-esperti ta’ l-Istati Membri.

    2.2.   Koordinazzjoni tat-testijiet

    It-testijiet kollha mniżżlin fid-dokumentazzjoni tat-test għandhom jiġu kkoordinati mill-Kummissjoni. Sabiex isir dan il-Kummissjoni għandha taħdem f’kooperazzjoni fil-qrib mal-Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet.

    2.3.   Twettiq tat-testijiet

    Il-Kummissjoni għandha tesegwixxi t-testijiet, flimkien ma’ l-Istati Membri involuti abbażi ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tat-test u skond l-iskeda maqbula mill-Kummissjoni flimkien ma’ l-esperti ta’ l-Istati Membri, u turi li r-riżultati tat-test huma kif previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tat-test.

    Fir-rigward tat-testijiet ta’ konformità tan-N.SIS II, kull Stat Membru, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, għandu jkun responsabbli għat-twettiq u l-iżgurar tal-prestazzjoni bla xkiel tat-testijiet skond l-iskeda maqbula.

    2.4.   Aċċettazzjoni tat-testijiet

    Il-Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet għandu jirrapporta dwar ir-riżultati ta’ ċerti testijiet tas-SIS II lill-Kumitat tas-SIS II. Il-Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet għandu jidentifika, jikkategorizza u jiddeskrivi kwalunkwe kwistjoni li jsib u jipproponi għażliet għal soluzzjonijiet. Is-servizzi tal-Kummissjoni u l-esperti ta’ l-Istati Membri għandhom jipprovdu kull informazzjoni meħtieġa biex il-Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet iwettaq il-kompitu tiegħu.

    Il-Kummissjoni ser tiddeċiedi dwar it-tlestija b’suċċess ta’ ċerti testijiet tas-SIS II b’kont meħud tal-fehmiet espressi mill-esperti ta’ l-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat tas-SIS II.

    Fejn id-dokumentazzjoni tat-testijiet tiddividi t-testijiet f’fażijiet separati l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bir-riżultati ta’ kull fażi qabel il-bidu tal-fażi segwenti.

    L-aċċettazzjoni tat-testijiet ta’ konformità tan-N.SIS II ser tkun ibbażata fuq rapport, imħejji minn espert maħtur mill-Istati Membri, li jkun fih analiżi dettaljata tar-riżultati tat-test u konklużjonijiet dwar l-aċċettazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ l-Istati Membri.

    Jekk Stat Membru jikkunsidra li t-testijiet ma jistgħux jitlestew b’suċċess, dan għandu jiġi nnotat fir-rapport.

    2.5.   Testijiet ta’ l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni

    L-objettiv ta’ dan l-eżerċizzju ta’ testijiet għandu jkun li juri li l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni tas-SIS II sa l-interface nazzjonali uniformi (NI-SIS) tista’ taħdem skond il-ħtiġiet stabbiliti fid-Deċiżjonijiet 2007/170/KE u 2007/171/KE. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan it-test eżercizzju jinkludi l-ittestjar tal-konnettività u r-reżistenza ta’ l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni tas-SIS II bejn is-CS-SIS u kull NI-SIS, bejn l-Unità Ċentrali (CS-SIS) u l-Unità Ċentrali ta’ Appoġġ (backup CS-SIS), kif ukoll ir-reżistenza ta’ l-Interfaces Nazzjonali Lokali (LNI) u, fejn hu applikabbli, l-Interfaces Nazzjonali Lokali ta’ Appoġġ (BLNI).

    2.6.   Testijiet ta’ konformità nazzjonali mas-SIS II Ċentrali

    L-objettiv tas-sett sħiħ ta’ testijiet tas-SIS II Ċentrali għandu jkun li jiġi ttestjat jekk is-SIS II Ċentrali tilħaqx l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u mhux funzjonali ddefiniti fil-verżjoni ta’ referenza tad-Dokument ta’ Kontroll ta’ l-Interface (ICD) u l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati (DTS).

    L-objettiv tat-Test ta’ konformità tan-N.SIS II huwa li tkun żgurata l-kompatibilità ta’ kull N.SIS II mas-CS-SIS u biex tkun ivverifikata l-konformità tas-Sistemi Nazzjonali mal-verżjoni ta’ referenza tad-Dokument ta’ Kontroll ta’ l-Interface. It-testijiet ta’ konformità għan-N.SIS II jistgħu jsiru b’mod parallel mat-testijiet tas-SIS II Ċentrali.

    Wara li ċerti testijiet tas-SIS II jkunu ntemmu b’suċċess, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-esperti ta’ l-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat tas-SIS II li r-riżultati tat-testijiet ta’ l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni u tas-SIS II Ċentrali huma kif previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tat-test.

    Wara li ċerti testijiet tas-SIS II jkunu ntemmu b’suċċess, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi ambjent ta’ migrazzjoni għas-SIS II Ċentrali. Dan l-ambjent għandu jkun stabbli u adattat biex jintuża għall-migrazzjoni.

    3.   VERŻJONIJIET TA’ REFERENZA TAD-DOKUMENT TA’ KONTROLL TA’ L-INTERFACE (ICD) U L-ISPEĊIFIKAZZJONI TEKNIKA DETTALJATA (DTS) GĦALL-ITTESTJAR

    Is-SIS II Ċentrali u s-sistemi nazzjonali (N.SIS II) f’kull wieħed mill-Istati Membri għandhom ikunu ttestjati fir-rigward ta’ l-istess speċifikazzjonijiet.

    Id-DTS imħejjija mill-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u mhux funzjonali tas-SIS II Ċentrali.

    L-ICD imħejji mill-Kummissjoni għandu jiddefenixxi l-interface bejn is-SIS II Ċentrali u s-sistemi nazzjonali. Dan għandu jkun fih l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ l-interazzjonijiet minn sistema għal oħra f’termini ta’ punti ta’ data u messaġġi li jgħaddu minnhom, il-protokolli li jintużaw kif ukoll iż-żmien u sekwenzar ta’ l-avvenimenti.

    L-ispeċifikazzjonijiet, kif ipprovduti fl-ICD u d-DTS, għandhom ikunu stabbli għal perjodu partikolari u ż-żmien ta’ l-aġġornament taż-żewġ sistemi għandu jiġi stipulat fi pjan ta’ rilaxx li għandu jiddefinixxi l-verżjoni ta’ referenza għal fażi ta’ test partikolari. Kwistjonijiet li joħorġu matul il-kampanji ta’ testijiet għandhom jiġu rrapportati, analizzati u solvuti skond pjan ta’ ġestjoni ta’ rilaxx u pjan ta’ ġestjoni ta’ tibdil assoċjat. Il-pjan ta’ ġestjoni ta’ rilaxx u l-pjan ta’ ġestjoni ta’ tibdil assoċjat għandhom jingħataw mill-Kummissjoni, b’kont meħud ta’ l-opinjoni ta’ l-esperti ta’ l-Istati Membri.

    4.   RAPPORT PROVIŻORJU U RAPPORT FINALI DWAR IR-RIŻULTATI TAL-FAŻIJIET TAT-TEST

    Il-Kummissjoni għandha tfassal fuq bażi regolari rapporti dwar l-istatus tat-testijiet. Ir-rapporti għandhom jinnotaw liema fażi tat-test tkun qed tiġi ttrattata attwalment u liema Stati Membri lestew, bdew jew għadhom ma bdewx dik il-fażi. Jekk tiġi innotata kwalunkwe riperkussjoni għall-iskeda tal-proġett, hija u l-kawża tagħha għandhom jiġu rreġistrati.

    Mal-konklużjoni ta’ kull fażi tat-test il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar ir-riżultati, kwalunkwe kwistjoni li ssib u għażliet għal soluzzjonijiet. F’każijiet fejn Stat Membru jikkunsidra li t-testijiet ma jistgħux jitlestew b’suċċess, huwa għandu jirreġistra dan il-fatt, filwaqt li jiddikjara r-raġunijiet, f’nota għall-minuti.


    (1)  Fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-oħra li mhux qed jipparteċipaw fis-SIS 1 + bħal Ċipru, il-parteċipazzjoni tagħhom fit-testijiet SIS II imsemmija f’din id-deċiżjoni, hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni futura tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tas-SIS II.

    (2)  Il-Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet stabbilit fis-27 ta’ April 2007 skond l-Artikolu 7 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tas-SIS II, jirrapporta lill-Kumitat tas-SIS II. Huwa jirrapporta wara t-tlestija ta’ kull parti tat-test biex jgħin fit-tħejjija ta’ l-aċċettazzjoni tat-testijiet tas-SIS II.


    Üles