EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0875

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007 ta’ l- 24 ta’ Lulju 2007 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE rigward għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1860/2004

ĠU L 193, 25.7.2007, p. 6–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/875/oj

25.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 193/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 875/2007

ta’ l-24 ta’ Lulju 2007

dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE rigward għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1860/2004

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament (2),

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 lill-Kummissjoni jagħtiha s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta’ regolament, massimu li taħtu l-miżuri ta’ għajnuna jitqiesu li ma jkunux jilħqu l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għalhekk ma jkunux jaqgħu taħt il-proċedura ta’ notifika stipulata fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

(2)

Abbażi ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis  (3), li tistabbilixxi massimu ta’ EUR 100 000 għal kull benefiċjarju matul perjodu ta’ tliet snin. Oriġinarjament, dak ir-Regolament ma kienx japplika għas-setturi ta’ l-agrikoltura, is-sajd, l-akkwakultura u t-trasport, fid-dawl tar-regoli speċjali li japplikaw f’dawk is-setturi.

(3)

Fir-rigward tas-settur ta’ l-agrikoltura u s-sajd, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1860/2004 tas-6 ta’ Ottubru 2004 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għal għajnuna de minimis fis-settur ta’ l-agrikoltura u s-sajd (4) (traduzzjoni mhux uffiċjali) stabilixxa limitu speċifiku ta’ EUR 3 000 għal kull benefiċjarju għal kull perjodu ta’ tliet snin li għandu japplika għal dawk is-setturi, peress li fid-dawl ta’ l-esperjenza li kisbet il-Kummissjoni, seta’ jiġi affermat li livelli baxxi ħafna ta’ għajnuna mogħtija f’dawk is-setturi ma jilħqux il-kriterji ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, jekk kemm-il darba jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Dan huwa l-każ meta kemm l-ammont ta’ għajnuna li jirċievu l-produtturi individwali jibqa’ baxx, kif ukoll il-livell totali ta’ għajnuna mogħtija lil dawn is-setturi ma jaqbiżx perċentwal żgħir tal-valur ta’ produzzjoni.

(4)

Minħabba ċirkostanzi ekonomiċi li nbidlu, u fid-dawl ta’ l-esperjenza li nkisbet fl-applikazzjoni tar-regoli ġenerali eżistenti de minimis, tqies li huwa meħtieġ li dawk ir-regoli jinbidlu. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 tat-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna de minimis  (5) (traduzzjoni mhux uffiċjali). Dak ir-regolament issostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 69/2001, għolla l-limitu de minimis ġenerali minn EUR 100 000 għal EUR 200 000, firex l-applikazzjoni tiegħu għas-settur ta’ l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli u introduċa limitu de minimis ġdid ta’ EUR 100 000 ta’ għajnuna mill-Istat għas-settur tat-trasport bit-triq.

(5)

L-esperjenza reċenti fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd, u partikolarment il-limitu de minimis stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1860/2004 kif ukoll il-Linji ta’ Gwida għall-eżami ta’ l-għajnuna mill-Istat għas-sajd u l-akkwakultura (6) wrew li r-riskju ta’ tagħwiġ tal-kompetizzjoni minn għajnuna de minimis huwa fil-fatt aktar baxx milli kien previst fl-2004.

(6)

Fid-dawl ta’ l-esperjenza li kisbet il-Kummissjoni, l-għajnuna lill-impriżi fis-settur tas-sajd li ma taqbiżx it-EUR 30 000 kull benefiċjarju matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin tista’ titqies li ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u/jew ma tgħawwiġx jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni meta l-ammont totali ta’ għajnuna bħal din mogħtija lill-impriżi kollha fis-settur tas-sajd matul tliet snin taqa’ taħt il-limitu ta’ madwar 2,5 % tal-produzzjoni annwali mis-sajd. Huwa għalhekk xieraq li ngħidu li għajnuna bħal din ma taqax taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat. Is-snin li wieħed għandu jikkonsidra għal dan il-għan huma s-snin fiskali kif użati għal skopijiet fiskali fl-Istat Membru kkonċernat. Il-perjodu rilevanti ta’ tliet snin għandu jiġi vvalutat regolarment, u għalhekk jeħtieġ li għal kull għotja ġdida ta’ għajnuna de minimis, jiġi determinat l-ammont totali ta’ għajnuna bħal din fis-sena fiskali kkonċernata, kif ukoll dak ta’ matul is-sentejn fiskali ta’ qabel.

(7)

Għajnuniet oħra mogħtija mill-Istati Membri ukoll għandhom jitqiesu f’konċessjonijiet ta’ għajnuna de minimis.

(8)

M’għandux ikun possibbli li miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li jaqbżu l-limitu de minimis jinqasmu f’għadd ta’ partijiet iżgħar biex dawn il-partijiet jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(9)

F’konformità mal-prinċipji li jirregolaw l-għajnuna li taqa’ taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, għajnuna de minimis titqies li tkun ingħatat fil-mument li d-dritt legali li tintlaqa’ din l-għajnuna tingħata lill-benefiċjarju taħt ir-reġim nazzjonali applikabbli.

(10)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliet li, ladarba l-Komunità tkun illeġiżlat għat-twaqqif ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq f’settur partikolari ta’ l-agrikoltura, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li ma jieħdu l-ebda miżura li tista’ timminah jew li toħloq eċċezzjonijiet għalih (7). Dan il-prinċipju japplika wkoll fis-settur tas-sajd. Għal din ir-raġuni, dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-għajnuna, li l-ammont tagħha huwa ffissat abbażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mqiegħda fis-suq.

(11)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-għajnuna de minimis li tiffavorixxi prodotti nazzjonali fuq dawk importati. Barra minn hekk, dan ir-Regolament, m’għandux japplika għal għajnuna li tiffinanzja t-twaqqif u t-tħaddim ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni f’pajjiżi oħra. Għajnuna għall-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali, jew ta’ studji jew servizzi ta’ konsulenza meħtieġa għat-tnedija ta’ prodott ġdid jew eżistenti f’suq ġdid normalment ma titqiesx li hija għajnuna għall-esportazzjoni.

(12)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal impriżi li jkunu f’diffikultà fl-ambitu tat-tifsira tal-linji gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (8), fid-dawl tad-diffikultajiet marbuta mad-determinar ta’ l-ewkivalenti ta’ l-għotja grossa li tingħata lil dan it-tip ta’ impriżi.

(13)

Wara li jitqiesu l-għanijiet tal-politika komuni dwar is-sajd, l-għajnuna li sservi biex tiżdied il-kapaċità għas-sajd u għajnuna mogħtija għall-bini jew ix-xiri ta’ bastimenti tas-sajd m’għandhiex taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, ħlief għal għajnuna għall-immodernizzar ’il fuq mill-gverta, kif jissemma fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (9).

(14)

Għall-finijiet tat-trasparenza, it-trattament indaqs u l-applikazzjoni korretta tal-limitu de minimis, huwa xieraq li l-Istati Membri japplikaw l-istess metodu ta’ kalkolu. Biex dan il-kalkolu jitħaffef u jkun skond skond ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006, huwa xieraq li l-ammonti ta’ l-għajnuna li ma jkunux taħt forma ta’ għotja ta’ flus ikunu konvertiti fl-ekwivalenti tagħhom bħala għotja grossa. Fil-kalkolu ta’ l-għotja ekwivalenti għal tipi trasparenti ta’ għajnuna barra minn għotjiet jew għajnuna li jkunu mħallsa bin-nifs, jeħtieġ li jintużaw ir-rati ta’ mgħax prevalenti fis-suq fil-mument li tingħata din l-għajnuna. Għall-finijiet ta’ applikazzjoni uniformi, trasparenti u sempliċi tar-regoli ta’ l-għajnuna mill-Istat, ir-rati tas-suq għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala r-rata ta’ referenza ffissata perjodikament mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea jew fuq l-Internet. Madankollu, jista’ jkun meħtieġ li jiżdiedu punti bażiċi addizzjonali fuq ir-rata bażika minħabba s-sigurtajiet pprovduti jew ir-riskju assoċjat mal-benefiċjarju.

(15)

Għall-finijiet tat-trasparenza, it-trattament ugwali u l-monitoraġġ effettiv, dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna de minimis li tkun trasparenti. L-għajnuna trasparenti hija għajnuna li għaliha jkun possibbli li tiġi kkalkulata bi preċiżjoni l-għotja grossa ekwivalenti ex ante mingħajr il-ħtieġa li ssir analiżi tar-riskju. Kalkolu preċiż bħal dan jista’, pereżempju, isir fir-rigward ta’ għotjiet, sussidji fuq ir-rati ta’ interess u eżenzjonijiet limitati tat-taxxa. L-għajnuna inkluża f’injezzjonijiet tal-kapital ma għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-ammont totali ta’ injezzjoni mill-fondi pubbliċi ma tkunx inqas mil-limitu de minimis. L-għajnuna inkluża fil-miżuri tal-kapital ta’ riskju msemmija fil-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trawwim ta’ l-investimenti f’kapital ta’ riskju f’impriżi żgħar u ta’ daqs medju (10), m’għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti sakemm l-iskema ta’ kapital ta’ riskju kkonċernata tipprovdi kapital biss sal-limitu de minimis għal kull impriża fil-mira. L-għajnuna inkluża f’self għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti meta l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata fuq il-bażi tar-rati ta’ interess prevalenti fis-suq fil-mument li ssir l-għotja.

(16)

Dan ir-Regolament ma jeskludix il-possibbiltà li miżura, adottata minn Stat Membru, tista’ ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat abbażi ta’ raġunijiet oħra barra minn dawk imsemmija f’dan ir-Regolament, pereżempju, fil-każ ta’ injezzjonijiet ta’ kapital, minħabba li miżura bħal din ġiet deċiża f’konformità mal-prinċipju ta’ investitur fis-suq.

(17)

Huwa neċessarju li tiġi pprovduta ċertezza ġuridika għal skemi ta’ garanzija li ma għandhomx il-potenzjal li jaffettwaw il-kummerċ u jgħawġu l-kompetizzjoni u li dwarhom hemm biżżejjed data biex jiġu vvalutati b’mod affidabbli kwalunkwe effetti potenzjali. Dan ir-Regolament għalhekk għandu jittrasponi l-limitu ġenerali de minimis ta’ EUR 30 000 għal kull benefiċjarju għal limitu speċifiku skond il-garanzija li jkun ibbażat fuq l-ammont totali garantit tas-self individwali li fuqu tkun ibbażata garanzija bħal din. Huwa xieraq li jiġi kkalkulat dan il-limitu speċifiku billi tintuża metodoloġija għall-analiżi ta’ l-ammont ta’ għajnuna Statali inkluż fl-iskemi ta’ garanzija li jkopru s-self favur impriżi vijabbli. Il-metodoloġija u d-data użati għal kalkolu ta’ dan il-limitu speċifiku ta’ garanzija għandhom jeskludu impriżi f’diffikultà kif imsemmi fil-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istati għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà. Dan il-limitu speċifiku għalhekk m’għandux japplika għall-għajnuna ad hoc individwali, mogħtija barra mill-ambitu ta’ l-iskema ta’ garanzija, għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi f’diffikultà, jew għal garanziji għal tranżazzjonijiet ta’ sfond li ma jikkostitwixxux self, pereżempju garanziji fuq tranżazzjonijiet ta’ ishma. Il-limitu speċifiku għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-fatt li meta wieħed iqis ir-rata massima (net default rate) ta’ 13 %, li tirrappreżenta l-agħar xenarju possibbli għal skemi ta’ garanzija fil-Komunità, garanzija ekwivalenti għal EUR 225 000 tista’ titqies li għandha ekwivalenza ta’ l-għotja grossa identika għal-limitu ġenerali de minimis stabbilit f’dan ir-Regolament. Huma biss garanziji li jkopru sa 80 % tas-self fl-isfond li għandhom ikunu koperti b’dan il-limitu speċifiku

(18)

Il-Kummissjoni għandha d-dmir li tiżgura li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jiġu rispettati, u b’mod partikolari li l-għajnuna li tingħata skond ir-regoli de minimis tikkonforma mal-kundizzjonijiet tagħhom. Skond l-Artikolu 10 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-kisba ta’ dan il-kompitu billi jistabbilixxu l-mekkaniżmu meħtieġ biex jiġi żgurat li l-ammont totali ta’ l-għajnuna, mogħtija skond ir-regoli de minimis, ma jaqbiżx il-limitu ta’ EUR 30 000 għal kull benefiċjarju jew il-limitu kumplessiv stabbilit mill-Kummissjoni abbażi tal-valur tal-produzzjoni mis-sajd għal kull Stat Membru matul perjodu ta’ tliet snin fiskali. Għal dak il-għan, huwa xieraq li meta l-Istati membri jagħtu għajnuna de minimis, huma għandhom jinfurmaw lill-impriża kkonċernata bl-ammont ta’ l-għajnuna u l-karattru de minimis tagħha, billi jirreferu għal dan ir-Regolament. Barra minn hekk, qabel l-għoti ta’ għajnuna bħal din, l-Istat Membru għandu jikseb mingħand l-impriża dikjarazzjoni dwar għajnuna oħra de minimis li ngħatat matul is-sena fiskali kkonċernata u s-sentejn fiskali ta’ qabel, u jivverifika bir-reqqa li l-limitu de minimis ma jinqabiżx mill-għajnuna de minimis il-ġdida. Alternattivament, il-konformità mal-limiti massimi tista’ wkoll tiġi żgurata permezz ta’ reġistru ċentrali.

(19)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u peress li l-limitu għal għajnuna de minimis għas-settur tas-sajd b’hekk huwa differenti mil-limitu għal għajnuna de minimis għas-settur ta’ l-agrikoltura, regolament speċifiku applikabbli biss għas-settur tas-sajd għandu jiġi adottat u r-Regolament (KE) Nru 1860/2004 għandu jiġi emendat kif jixraq.

(20)

Fid-dawl ta’ l-esperjenza tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-frekwenza li biha huwa ġeneralment meħtieġ li tiġi riveduta l-politika ta’ l-għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari billi jitqies il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1998/2006 u Nru 1860/2004, huwa xieraq li l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikun limitat sal-31 ta’ Diċembru 2013. F’każ li dan ir-Regolament jiskadi mingħajr ma jiġi estiż, l-Istati Membri għandu jkollhom perjodu ta’ aġġustament ta’ sitt xhur f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna de minimis koperta minnu. Għall-finijiet taċ-ċertezza ġuridika, huwa xieraq li jiġi ċċarat l-effett tar-Regolament fuq l-għajnuna li tingħata qabel ma jkun daħal fis-seħħ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ambitu

Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija lil impriżi fis-settur tas-sajd, ħlief għal:

(a)

għajnuna, li l-ammont tagħha huwa ffissat abbażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mqiegħda fis-suq;

(b)

għajnuna għal attivitajiet relatati ma’ l-esportazzjoni, l-aktar għajnuna marbuta direttament ma’ kwantitajiet esportati, għall-istabbiliment u t-tħaddim ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jew infiq kurrenti ieħor marbut ma’ l-attività ta’ l-esportazzjoni;

(c)

għajnuna li tiddependi mill-użu ta’ prodotti nazzjonali fuq dawk importati;

(d)

għajnuna biex tiżdied il-kapaċità tas-sajd, espressa f’termini ta’ tunnellati jew qawwa, kif definiti fl-Artikolu 3(n) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 sakemm ma tikkonċernax għajnuna għall-immodernizzar ’il fuq mill-gverta kif jissemma fl-Artikolu 11(5) ta’ dak ir-Regolament;

(e)

għajnuna għax-xiri jew il-bini ta’ bastimenti tas-sajd;

(f)

għajnuna mogħtija lill-impriżi f’diffikultà.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

“impriżi fis-settur tas-sajd” tfisser impriżi attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd;

(b)

“prodotti tas-sajd” tfisser il-prodotti definiti fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (11);

(c)

“proċessar u tqegħid fis-suq” tfisser l-operazzjonijiet kollha, li jinkludu l-manipulazzjoni, t-trattament, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni li jsiru bejn il-ħin tal-ħatt l-art jew il-qbid u l-istadju tal-prodott aħħari.

Artikolu 3

Għajnuna de minimis

1.   Miżuri ta’ għajnuna għandhom jitqiesu li ma jilħqux il-kriterji ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għandhom għalhekk ikunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat, jekk dawn ikunu jilħqu l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-għajnuna totali de minimis mogħtija lil kwalunkwe impriża waħda m’għandhiex taqbeż EUR 30 000 fuq kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali. Il-limitu għandu japplika irrispettivament mill-forma ta’ l-għajnuna jew l-għan aħħari. Il-perjodu għandu jiġi determinat b’referenza għas-snin fiskali li jintużaw fl-Istat Membru kkonċernat.

3.   Meta ammont totali ta’ għajnuna jaqbeż dan il-limitu, dak l-ammont ta’ għajnuna ma jistax jibbenefika minn dan ir-Regolament, anki għal frazzjoni li ma taqbiżx dak il-limitu. F’każ bħal dan, il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament ma jistax jintalab għal din il-miżura ta’ għajnuna, la fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna, u lanqas f’xi żmien ieħor suċċessiv.

4.   L-għajnuna totali de minimis mogħtija b’hekk lil impriżi diversi fis-settur tas-sajd m’għandhiex taqbeż il-valuri previsti għall-Istati Membri, kif jidhru mqassma fl-Anness matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali.

5.   Il-limiti fil-paragrafi 2 u 4 għandhom ikunu espressi bħala għotja ta’ flus. Iċ-ċifri kollha użati għandhom ikunu grossi, jiġifieri, qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew ta’ tariffa oħra. Fejn l-għajnuna tingħata f’forma oħra barra minn għotja, l-ammont ta’ għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti ta’ l-għajnuna bħala għotja grossa.

6.   Għajnuna li titħallas f’diversi ħlasijiet għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument ta’ l-għotja. Ir-rata ta’ l-imgħax li għandha tintuża għalskopijiet ta’ skont u biex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti gross għandha tkun ir-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument ta’ l-għotja.

7.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna li għaliha huwa possibbli li jsir kalkolu preċiż tal-għotja grossa ekwivalenti ta’ l-għajnuna ex ante mingħajr il-bżonn ta’ analiżi ta’ riskju (“għajnuna trasparenti”). B’mod partikolari:

(a)

L-għajnuna inkluża f’self għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti meta l-għotja grossa ekwivalenti tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta’ rati ta’ interess tas-suq li jintużaw fil-mument li tkun ingħatat l-għajnuna.

(b)

L-għajnuna inkluża f’injezzjonijiet ta’ kapital m’għandhiex tkun ikkunsidrata għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-ammont totali ta’ injezzjoni mill-fondi pubbliċi ma jaqbiżx il-limitu de minimis.

(c)

L-għajnuna inkluża fil-miżuri ta’ kapital ta’ riskju m’għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-iskema ta’ kapital ta’ riskju kkonċernata tipprovdi kapital biss sal-limitu de minimis għal kull impriża fil-mira.

(d)

L-għajnuna inkluża f’injezzjonijiet ta’ kapital m’għandhiex tkun ikkunsidrata għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-ammont totali ta’ avvanzi li għandhom jitħallsu lura jaqbeż il-limitu applikabbli skond dan ir-Regolament.

(e)

Għajnuna individwali mogħtija taħt skema ta’ garanzija lill-impriżi li mhumiex impriżi f’diffikultà għandha titqies bħala għajnuna de minimis meta l-parti garantita tas-self fl-isfond ipprovdut taħt skema bħal din ma taqbiżx EUR 225 000 għal kull impriża. Jekk il-parti garantita tas-self tal-garanzija tapplika biss għal parti mogħtija ta’ dan il-limitu, l-ammont ta’ l-għajnuna bħala għotja grossa ta’ dik il-garanzija għandu jkun l-ekwivalenti għalistess proporzjon tal-limitu applikabbli stipulat fil-paragrafu 2. Il-garanzija ma għandhiex tkun aktar minn 80 % tas-self ta’ l-isfond.

8.   L-għajnuna de minimis ma għandhiex tiġi akkumulata ma’ l-għajnuna ta’ l-Istat fir-rigward ta’ l-istess spejjeż eliġibbli jekk din l-akkumulazzjoni tirriżulta f’intensità ta’ għajnuna li taqbeż dak iffissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ f’regolament għall-eżenzjoni ġenerali jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Monitoraġġ

1.   Meta Stat Membru jagħti għajnuna de minimis lil impriża, għandu jinforma lil dik l-impriża bil-miktub dwar l-ammont ta’ l-għajnuna espressa bħala ekwivalenti gross u dwar in-natura de minimis tagħha, billi jagħmel referenza diretta għal dan ir-Regolament, u billi jikkwota t-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Meta l-għajnuna de minimis tingħata lil impriżi differenti fuq il-bażi ta’ l-iskema u ammonti differenti ta’ għajnuna individwali jingħataw lil dawk il-impriżi fl-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jonora dak l-obbligu billi jinforma lil-impriżi dwar is-somma fissa li tikkorrispondi ma’ l-ammont massimu ta’ għajnuna li ser tingħata fl-iskema. F’każ bħal dan, is-somma fissa għandha tintuża biex jiġi determinat kwalunkwe wieħed mil-limiti previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ l-Artikolu 3 jintlaħqux. L-Istat Membru għandu wkoll jikseb, qabel l-għoti ta’ l-għajnuna, mill-impriża kkonċernata dikjarazzjoni bil-miktub jew f’forma elettronika dwar kwalunkwe għajnuna de minimis oħra li tkun irċeviet matul is-sentejn fiskali preċedenti u s-sena fiskali kurrenti.

2.   L-Istat Membru għandu jagħti l-għajnuna de minimis il-ġdida biss wara li jkun ivverifika li din ma tkunx se tgħolli l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis miksub mill-impriża matul il-perjodu li jkopri s-sena fiskali kkonċernata, kif ukoll is-sentejn fiskali preċedenti f’dak l-Istat Membru għal livell ’il fuq mil-limiti stipulati fl-Artikolu 3(2) u (4).

3.   Meta Stat Membru jkun stabbilixxa reġistru ċentrali ta’ għajnuna de minimis li jkun fih informazzjoni sħiħa dwar l-għajnuna kollha de minimis mogħtija minn kwalunkwe awtorità fi ħdan dak l-Istat Membru, il-paragrafu 1 ma jibqax japplika mill-mument li r-reġistru jkun ikopri perjodu ta’ tliet snin fiskali.

4.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawn ir-reġistri għandu jkun fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu ġew osservati. Ir-reġistri dwar għajnuna de minimis individwali għandha tinżamm għal 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna. Ir-reġistri fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna għandhom jinżammu għal perjodu ta’ 10 snin mid-data li fiha kienet ingħatat l-aħħar għajnuna individwali taħt dik l-iskema. Fuq talba bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f’perjodu ta’ 20 jum ta’ xogħol, jew kwalunkwe perjodu itwal li jiġi ffissat fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunux ġew imħarsa, b’mod partikolari fejn għandu x’jaqsam l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis miksuba minn kwalunkwe impriża u mis-settur tas-sajd ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 1 sa 3 u, jekk ikun xieraq, fl-Artikolu 4. Kull għajnuna li ma tikkonformax ma’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tiġi vvalutata mill-Kummissjoni skond l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi rilevanti.

2.   Kwalunkwe għajnuna de minimis mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament li tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004 bħala applikabbli għas-settur tas-sajd sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

3.   Fi tmiem il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tista’ tkun implimentata b’mod validu għal perjodu ta’ sitt xhur.

Artikolu 6

Emendi

Ir-Regolament (KE) Nru 1860/2004 għandu jkun emendat kif ġej:

(a)

Fit-titolu, il-kliem “u s-setturi tas-sajd” għandhom jinbidlu b’ “settur”.

(b)

Fl-Artikolu 1, il-kliem “is-setturi ta’ l-agrikoltura jew tas-sajd” għandhom jinbidlu bis-“settur ta’ l-agrikoltura”.

(c)

Fl-Artikolu 2:

(i)

fil-punt (2) il-kliem “minbarra prodotti tas-sajd kif definiti fil-punt (5)” għandhom jinbidlu b’“minbarra prodotti tas-sajd kif definiti fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000”;

(ii)

il-punti 4, 5 u 6 jitħassru.

(d)

Fl-Artikolu 3(2), għandu jitħassar it-tieni subparagrafu.

(e)

Fl-Artikolu 4(2), il-kliem “u s-sajd, rispettivament” għandhom jitħassru.

(f)

Fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(3), il-kliem “jew sajd” għandhom jitħassru.

(g)

L-Anness II huwa mħassar.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikabilità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

(2)  ĠU C 276, 14.11.2006, p. 7.

(3)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30.

(4)  ĠU L 325, 28.10.2004, p. 4.

(5)  ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.

(6)  ĠU C 229, 14.9.2004, p. 5.

(7)  Il-Kawża C-113/2000 Spanja v/il-Kummissjoni, [2002] ECR 2002 I-7601, punt 73.

(8)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(9)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(10)  ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2.

(11)  ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.


ANNESS

Ammonti kumulattivi tas-sajd skond l-Istat Membru, kif jissemma fl-Artikolu 3(4)

(EUR)

BE

11 800 000

DK

433 000

DE

1 008 000

EL

57 650 000

ES

48 950 000

FR

3 718 000

IE

8 508 000

IT

18 015 000

LU

127 880 000

NL

138 550 000

AT

94 325 000

PT

1 562 000

FI

3 923 000

SE

5 233 000

UK

0

CZ

740 000

EE

255 000

CY

35 875 000

LV

620 000

LT

21 125 000

HU

15 688 000

MT

524 000

PL

338 000

SI

1 133 000

SK

7 075 000

BG

11 153 000

RO

102 725 000


Top