Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0211

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 211/2007 tas- 27 ta’ Frar 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 809/2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ l-informazzjoni finanzjarja fil-prospetti fejn l-emittent ikollu storja finanzjarja kumplessa jew ikun għamel impenn finanzjarju importanti. Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 61, 28.2.2007, p. 24–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 56M, 29.2.2008, p. 100–103 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/07/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R0980

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/211/oj

    29.2.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    100


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 211/2007

    tas-27 ta’ Frar 2007

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 809/2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ l-informazzjoni finanzjarja fil-prospetti fejn l-emittent ikollu storja finanzjarja kumplessa jew ikun għamel impenn finanzjarju importanti.

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Parlament Ewropew

    u tal-Kunsill 2003/71/KE ta' l-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (1), u partikolarment l-Artikolu 5(5) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 809/2004 tad-29 ta’ April 2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward informazzjoni inkluża fi prospetti kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b'referenza u l-pubblikazzjoni ta' prospetti bħal dawn u d-disseminazzjoni tar-reklami (2) tistipula fid-dettall l-informazzjoni li għandha tkun inkluża fi prospett għal tipi differenti ta' titoli, sabiex jitħares l-Artikolu 5(1) ta’ dik id-Direttiva. Dik l-informazzjoni ddettaljata meħtieġa tkopri fost oħrajn, l-informazzjoni finanzjarja dwar l-emittent li għandha tiġi inkluża fil-prospett sabiex l-investituri jkunu jistgħu jifhmu il-pożizzjoni finanzjarja ta’ min joħroġ it-titoli.

    (2)

    Madankollu, hemm każijiet fejn il-pożizzjoni finanzjarja ta' l-emittent tant hi marbuta ma' dik ta' entitajiet oħra li l-informazzjoni finanzjarja li tikkonċerna dawk l-entitajiet hija indispensabbli sabiex jingħata effett sħiħ lill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/71/KE, jiġifieri biex jitħares l-obbligu li l-prospett jinkludi kull tagħrif neċessarju sabiex l-investitur ikun jista’ jagħmel evalwazzjoni infurmata tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-prospetti ta’ min joħroġ it-titoli. Każijiet bħal dawn iseħħu meta emittent ikollu storja finanzjarja kumplessa u meta emittent ikun għamel impenn finanzjarju importanti.

    (3)

    Għalhekk, sabiex jiġi żgurat li l-Artikolu 5(1) tad-Diretttiva 2003/71/KE ma jkunx miċħud minn effett utli f'dawk il-każijiet u sabiex tiġi introdotta miżura akbar ta' ċertezza legali f'dan ir-rigward, wieħed għandu jiċċara li r-rekwiżiti ta' infurmarstipulati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 809/2004 għandhom jinftiehmu, f'dak il-kuntest, bħala marbuta wkoll ma' informazzjoni finanzjarja dwar entitajiet oħra barra dik dwar l-emittent, fejn l-ommissjoni ta’ dik l-informazzjoni, tista’ ma tħallix lill-investitur jagħmel evalwazzjoni infurmata tal-pożizzjoni finanzjarja ta' l-emittent.

    (4)

    Minħabba l-fatt illi, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 809/2004, l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jitolbu li tiġi inkluża informazzjoni li m’hemmx disposizzjoni espressa għaliha fl-Annessi, hemm bżonn li r-responsabbiltajiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti jiġu ċċarati f’dan il-kuntest.

    (5)

    Meta emittent ikollu storja finanzjarja kumplessa, l-intrapriża tan-negozju kollha ta’ l-emittent tista’ ma tkunx koperta b'informazzjoni finanzjarja storika dwar l-emittent, imma tkun koperta minflok b’tagħrif finanzjarju mfassal minn entità oħra. Dan jiġri l-iżjed meta l-emittent ikun għamel akkwiżizzjoni importanti li tkun għadha mhix riflessa fir-rapporti finanzjarji tiegħu; meta l-emittent huwa kumpanija prinċipali mwaqqfa riċentament; meta l-emittent huwa magħmul minn kumpaniji li kienu taħt kontroll jew pussess komuni imma qatt ma kienu jiffurmaw grupp legali; jew meta l-emittent sar entità legali separata wara li negozju eżistenti ikun ġie diviż). F’każijiet bħal dawn, l-intrapriża tan-negozju ta’ l-emittent kollha jew parti minnha, tkun tmexxiet minn entità oħra matul il-perjodu li għalih l-emittent jrid jipprovdi informazzjoni finanzjarja storika.

    (6)

    Madankollu, m’huwiex possibbli bħalissa li nipprovdu lista komprensiva ta’ każijiet li għandhom jiġu trattati bħala emittenti bi storja finanzjarja kumplessa. Huwa aktarx minnu illi forom ġodda u innovattivi ta’ transazzjonijiet jistgħu jiġu żviluppati li ma jaqgħux taħt il-każijiet speċifikati fi kwalunkwe lista. Għalhekk huwa xieraq li tingħata definizzjoni wiesgħa taċ-ċirkustanzi li fihom emittent għandu jitqies li għandu storja finanzjarja kumplessa.

    (7)

    Emittent għandu jitqies bħallikieku għamel impenn finanzjarju importanti meta jkun daħal għal ftehim li jorbot sabiex jakkwista jew jiddisponi minn entità importanti jew negozju, li għadu mhux mitmum fid-data ta’ l-approvazzjoni tal-prospett. Huwa xieraq li każijiet bħal dawn ikunu suġġetti għall-istess informazzjoni meħtieġa meta l-emittent ikun temm akkwiżizzjoni jew ċessjoni, sakemm it-transazzjoni miftiehma, meta ssir, twassal għal bidla kbira importanti fl-assi u l-passiv u l-qliegħ ta’ l-emittent.

    (8)

    Billi l-każijiet fejn l-emittent għandu storja finanzjarja kumplessa jew għamel impenn finanzjarju importanti huma atipiċi, u tabilħaqq jistgħu jkunu uniċi, m’huwiex possibbli li tiġi speċifikata l-informazzjoni meħtieġa sabiex jintlaħaq l-istandard speċifikat bid-Direttiva 2003/71/KE għal kull każ konċepibbli. Għalhekk, l-informazzjoni supplimentari li tkun meħtieġa għandha tkun dik li hija neċessarja f’kull każ partikolari, biex ikun żgurat li l-prospett jissodisfa l-obbligu stipulat f’Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/71/KE. Huwa xieraq għalhekk li l-awtorità kompetenti ta’ l-emittent għandha tiddetermina fuq bażi ta’ każ b’każ l-informazzjoni meħtieġa (jekk hemm bżonn). Il-fatt li awtorità kompetenti tista titilob informazzjoni addizzjonali bħal din, m'għandux jirrekjedi li l-awtorità kompetenti tapplika standard ogħla ta' skrutinju ta' dik l-informazzjoni, jew tal-prospett ġenerali, minn dik derivata mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/71/KE.

    (9)

    Minħabba l-kumplessità taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ speċifiku, ma jkun la prattikabbli u lanqas effiċjenti li tispeċifika regoli dettaljata li l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw b’mod uniformi għall-każijiet kollha. Huwa neċessarju li jiġi pprovdut metodu flessibbli sabiex jiġi żgurat minn-naħa waħda, li l-ħtiġiet ta’ l-iżvelar ikunu effettivi u proporzjonati u, min-naħa l-oħra, li l-investitur huwa protett b’mod xieraq bis-saħħa ta’ l-għoti ta’ informazzjoni suffiċjenti u adegwata.

    (10)

    Informazzjoni finanzjarja supplimentari m’għandhiex tkun mitluba f’każijiet fejn l-informazzjoni finanzjarja mogħti fil-kontijiet finanzjarji konsolidati u vverifikati ta’ l-emittent nnifsu, f'kull informazzjoni proforma, jew fi kwalunkwe informazzjoni finanzjarja mħejjija permezz tal-merger accouting (fejn ikun permess mill-istandards ta' verifika applikabbli) ikunu aktarx biżżejjed biex l-investituri jagħmlu evalwazzjoni infurmata ta’ l-assi u l-passiv, tal-pożizzjoni finanzjarja, tal-qligħ u t-telf, u tal-prospetti ta’ l-emittent u ta’ kull garanti, u tad-drittijiet annessi ma’ dawn it-titoli.

    (11)

    Huwa xieraq, minħabba l-fatt li l-ħtieġa ta’ izjed informazzjoni tista’ tinqala’ biss meta l-prospett jikkonċerna ishma jew titoli oħra li jagħtu dritt għal ishma, li, biex tiddetermina jekk din il-ħtieġa nqalgħetx fil-każ individwali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibbażaw l-eżami tagħhom fuq ir-rekwiżiti stipulati fil-punt 20.1 ta’ Anness I tar-Regolament (KE) Nru 809/2004 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontenut ta’ tagħrif finanzjarju u tal-prinċipji ta’ kontabilità u verifikar applikabbli. Awtorità kompetenti m'għandhiex timponi rekwiżiti li jmorru lil hinn minn dawk stipulatifil-punt 20.1 ta' l-Anness I, jew jagħmulhom iżjed stretti. Madankollu, għandu jkun possibbli li l-applikazzjoni għal dawk il-ħtiġijiet tiġi adattata fid-dawl tal-karatteristiċi tal-każ individwali relatati man-natura preċiża tat-titoli, mas-sustanza ekonomika tat-transazzjonijiet li bihom l-emittent ikun akkwista l-impriża tiegħu, in-natura speċifika ta’ dik l-intrapriża u l-firxa ta’ informazzjoni li diġà hija inkluża fil-prospett.

    (12)

    Meta ssir dik id-determinazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw il-prinċipju tal-proporzjonalità. F’każijiet fejn hemm modi alternattivi ta’ kif tilħaq l-obbligu stabilit f’Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/71/KE permezz ta’ żvelar ta’ tipi differenti ta’ informazzjoni finanzjarja supplimentari, jew ta’ preżentazzjoni ta’ dak it-tagħrif f’formati differenti, l-awtorità kompetenti m’għandhiex teżiġi li l-emittent jissodisfa dak l-obbligu b’tali mod li jqum aktar flus jew iżjed oneruż minn alternattiva adegwata.

    (13)

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu jekk l-emittent għandux aċċess għall-informazzjoni finanzjarja rigward l-entità oħra. Ma tkunx proporzjonata li din tiġi rikjesta din l-informazzjoni meta l-emittent ma jistax iġib dak it-tagħrif bi sforz raġonevoli. Din il-konsiderazzjoni aktarx tkun relevanti, partikolarment, fil-kuntest ta’ teħid ta’ pussess ostili. Bl-istess mod, tista’ tkun xi ħaġa mhix proporzjonata li teżiġi li tingħata informazzjoni finanzjarja li ma tkunx teżisti fil-waqt li l-prospett jkun qiegħed jitfassal, jew li tiġi rikjesta l-verifika jew d-dikjarazzjoni mill-ġdid ta’ informazzjoni finanzjarja supplimentari jekk l-ispiża għall-emittent sabiex jikkonforma ma’ dak ir-rekwiżit tkun akbar minn kull benefiċċju potenzjali għall-investitur.

    (14)

    Ir-Regolament (KE) Nru 809/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

    (15)

    Il-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (CESR) ġie kkonsultat għall-parir tekniku,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 809/2004 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3, it-tieni sentenza hija mibdula b'dan li ġej:

    “Soġġett għall-Artikolu 4a(1), awtorità kompetenti m’għandhiex titlob li l-prospett jkollu elementi ta’ informazzjoni li m’humiex inklużi fl-Annessi I sa XVII.”

    (2)

    L-Artikolu 4a li ġej jiddaħħal:

    “Artikolu 4a

    Dokument ta’ skeda għar-reġistrazzjoni ta’ ishmaf’każijiet ta’ storja finanzjarja kumplessajew impenn finanzjarju importanti

    1.   Meta t-titolu jkun kopert mill-Artikolu 4(2) u l-emittent ikollu storja finanzjarja kumplessa, jew għamel impenn finanzjarju importanti, u b’konsegwenza huwa neċessarju li fid-dokument ta' reġistrazzjoni jkun hemm inkluż ċerti elementi ta' informazzjoni finanzjarja rigward entità oħra għajr l-emittent, sabiex jiġi sodisfatt l-obbligu stipulat fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/71KE, dawk l-elementi ta’ informazzjoni finanzjarja għandhom jitqiesu li jirreferu għall-emittent. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti għandha, f’każijiet bħal dawn titlob lill-emittent, lill-offerent jew lill-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ, tinkludi dawk l-elementi ta' informazzjoni fid-dokument ta' reġistrazzjoni.

    Dawk l-elementi ta’ informazzjoni finanzjarja jistgħu jinkludu informazzjoni pro forma mfassla b’konformità ma’ l-Anness II. F’dan il-kuntest, meta l-emittent ikun għamel impenn finanzjarju importanti, kull informazzjoni pro forma trid turi l-effetti mbassra tat-transazzjoni li l-emittent ikun ftiehem li ser jagħmel, u r-referenzi f'Anness II għal ‘it-transazzjoni’ għandhom jinqraw skond dan.

    2.   L-awtorità kompetenti għandha tibbaża kull talba skond il-paragrafu 1 fuq il-ħtiġijiet stipulati fil-punt 20.1 ta’ Anness I rigward il-kontenut ta’ l-informazzjoni finanzjarja u l-prinċipji tal-kontabilità u l-verifika applikabbli, suġġett għal kull modifika xierqa fid-dawl ta’ kwalunkwe mill-fatturi li ġejjin:

    (a)

    in-natura tat-titoli;

    (b)

    in-natura u l-firxa ta’ informazzjoni li tkun diġà qiegħda fil-prospett, u l-eżistenza ta’ informazzjoni finanzjarja rigward entità oħra għajr l-emittent f’forma li tista’ tkun inkluża fi prospett mingħajr modifika;

    (c)

    il-fatti tal-każ, inkluż is-sustanza ekonomika tat-transazzjonijiet li bihom l-emittent jkun akkwista jew iddispona mill-intrapriża tan-negozju tiegħu jew kwalunkwe parti minnha, u n-natura speċifika ta’ dik l-intrapriża;

    (d)

    il-kapaċità ta’ l-emittent li jikseb informazzjoni finanzjarja rigward entità oħra bi sforz raġonevoli.

    Meta, fil-każ individwali, l-obbligu stipulat f'Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/71/KE jista’ jitħares b’iktar minn mod wieħed, il-preferenza għandha tingħata lill-irħas jew l-inqas mod oneruż.

    3.   Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà skond il-liġi nazzjonali ta’ kwalunkwe persuna, inklużi l-persuni msemmija f’Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/71/KE, għall-informazzjoni inkluża fil-prospett. Partikolarment, dawk il-persuni ser ikunu responabbli għall-inkużjoni fid-dokument ta' reġistrazzjoni ta' kwalunkwe intestatura ta' informazzjoni meħtieġa mill-awtorità kompetenti skond paragrafu 1.

    4.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, l-emittent għandu jitqies li għandu storja finanzjarja kumplessa jekk il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin japplikaw

    (a)

    l-intrapriża tan-negozju tiegħu kollu, fil-waqt li l-prospett jiġi mfassal, m'hijiex irrapreżentata eżattament fl-informazzjoni finanzjarja storika li hija rikjesta skond l-intestatura 20.1 ta' l-Anness 1;

    (b)

    dik l-ineżattezza teffettwa l-abilità ta' investatur milli jagħmel evalwazzjoni infurmata skond kif imsemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/71/KE; u

    (c)

    informazzjoni relatata ma' l-intrpriża tan-negozju tiegħu li hija meħtieġa sabiex l-investatur jagħmel evalwazzjoni bħal din hija inkluża fl-informazzjoni finanzjarja relatata ma' enità oħra.

    5.   Ghall-għanijiet ta’ paragrafu 1, emittent jitqies li għamel impenn finanzjarju importanti jekk ikun għamel ftehim li jorbtu li jagħmel transazzjoni li, meta ssir, aktarx li twassal għal bidla kumplessiva importanti.

    F’dan il-kuntest, il-fatt li ftehim jistipula, skond il-kundizzjonijiet, jekk transazzjoni ssirx jew le, inkluż l-approvazzjoni minn awtorità regolatorja, ma jipprevjenix li dak il-ftehim jitqies li jorbot jekk hemm ċertezza raġjonevoli li dawk il-kundizzjonijiet ser jitwettqu.

    Partikolarment, ftehim jitqies li jorbot meta t-twettiq ta’ transazzjoni titqies ikkundizzjonata mir-riżultat ta’ l-offerta tat-titoli li huma is-suġġett tal-prospett jew, fil-każ ta’ proposta għat-teħid ta’ pussess (takeover), jekk l-offerta għat-titoli li huma s-suġġett tal-prospett għandha l-għan li tiffinanzja dik l-akkwiżizzjoni.

    6.   Għall-għanijiet ta’ paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, u tal-punt 20.2 ta’ l-Anness I, bidla kbira importanti tfisser varjazzjoni ta’ iktar minn 25 %, relattiva ma’ indikatur jew iktar tal-kobor tan-negozju ta’ l-emittent, fil-każ ta’ l-emittent.”

    (3)

    Fl-ewwel paragrafu tal-punt 20.1 ta’ l-Anness I, u tal-punti 20.1 u 20.1 bis a' l-Anness X, is-sentenza li ġejja hija mdaħħla f'kull każ wara l-ewwel sentenza:

    “Jekk emittent jkun biddel id-data tar-referenza tal-kontabilità tiegħu matul il-perjodu li għalih intalbet l-informazzjoni finanzjarja storika, l-informazzjoni storika vverifikata trid tkopri mill-inqas 36 xahar, jew il-perjodu kollu li l-emittent ilu jopera, liema jkun l-anqas.”

    (4)

    Fl-ewwel paragrafu ta' punt 13.1 ta' l-Anness IV, punti 8.2 u 8.2 bis ta' l-Anness VII, punt 11.1 ta' l-Anness IX, u punt 11.1 ta' l-Anness XI, is-sentenza li ġejja hija mdaħħla f'kull każ wara l-ewwel sentenza:

    “Jekk emittent jkun biddel id-data tar-referenza tal-kontabilità tiegħu matul il-perjodu li għalih intalbet l-informazzjoni finanzjarja storika, l-informazzjoni storika vverifikata trid tkopri mill-inqas 24 xahar, jew il-perjodu kollu li l-emittent ilu jopera, liema jkun l-anqas.”

    Artikolu 2

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Frar 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Charlie McCREEVY

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.

    (2)  ĠU L 149, 30.4.2004, p. 1, kif ikkoreġut bil-ĠU L 215, 16.6.2004, p. 3. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1787/2006 (ĠU L 337, 5.12.2006, p. 17).


    Top