Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007E0468

    Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2007/468/PESK tat- 28 ta’ Ġunju 2007 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja ta’ l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBTO) sabiex jissaħħu l-kapaċitjiet ta’ monitoraġġ u verifikazzjoni tagħha u fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa

    ĠU L 176, 6.7.2007, p. 31–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/468/oj

    6.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 176/31


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/468/PESK

    tat-28 ta’ Ġunju 2007

    dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja ta’ l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBTO) sabiex jissaħħu l-kapaċitjiet ta’ monitoraġġ u verifikazzjoni tagħha u fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa

    IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA:

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa, li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri sabiex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni li jeħtieġ li jittieħdu kemm fi ħdan l-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi.

    (2)

    L-Unjoni Ewropea qiegħda timplementa b’mod attiv l-Istrateġija ta’ l-UE u qiegħda tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b’mod partikolari billi tirrilaxxa riżorsi finanzjarji sabiex tappoġġa proġetti speċifiċi mmexxija minn istituzzjonijiet multilaterali.

    (3)

    L-Istati Firmatarji tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBT), adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta’ Settembru 1996, iddeċidew li jistabbilixxu Kummissjoni Preparatorja, li jkollha kapaċità ġuridika, bil-għan li twettaq l-implementazzjoni effettiva tas-CTBT, sakemm tiġi stabbilita l-Organizzazzjoni tas-CTBT (CTBTO).

    (4)

    Fis-17 ta’ Novembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK dwar l-universalizzazzjoni u r-rinfurzar ta’ ftehim multilaterali fil-qasam tan-non-proliferazzjoni ta’ l-armi ta’ qerda tal-massa u l-mezzi ta’ kunsinna (1).

    (5)

    Id-dħul fis-seħħ kmieni u l-universalizzazzjoni tas-CTBT, u t-tisħiħ tas-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ verifikazzjoni tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO huma objettivi importanti ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ l-Armi ta’ Qerda tal-Massa.

    (6)

    Il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO ssegwi l-istess objettivi msemmija fil-premessi (4) u (5) u diġà tinsab impenjata fl-identifikazzjoni ta’ liema mezzi jistgħu l-aktar isaħħu s-sistema tagħha ta’ verifika permezz ta’ l-għoti f’waqtu ta’ konsulenza teknika u taħriġ lil l-persunal mill-Firmatarji involuti fl-implementazzjoni tar-reġim ta’ verifikazzjoni. Huwa għalhekk kunsiljabbli li l-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO tiġi fdata bl-implementazzjoni teknika ta’ din l-Azzjoni Konġunta,

    (7)

    Fl-20 ta’ Marzu 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/243/PESK dwar l-appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja ta’ l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali tal-Provi Nukleari (CTBTO) fil-qasam tat-taħriġ u l-bini ta’ kapaċità għall-verifikazzjoni u fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa (2).

    (8)

    Il-prova nukleari, imwettqa mid-DPRK f’Ottubru 2006, issottolinjat aktar l-importanza tad-dħul fis-seħħ bikri tas-CTBT u l-bżonn ta’ kostruzzjoni aċċellerata tas-sistema ta’ monitoraġġ u verifikazzjoni tas-CTBTO.

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    1.   Għall-finijiet ta’ l-implementazzjoni immedjata u prattika ta’ ċerti elementi ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ l-Armi ta’ Qerda tal-Massa, l-Unjoni Ewropea għandha ssostni l-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO sabiex isir aktar progress lejn l-objettivi li ġejjin:

    (a)

    it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sistema ta’ monitoraġġ u verifikazzjoni tas-CTBTO, inkluż fil-qasam tal-kxif radju-nuklidu,

    (b)

    it-titjib tal-prestazzjoni operattiva tas-sistema ta’ monitoraġġ u verifikazzjoni tas-CTBTO, inkluż permezz ta’ l-ittestjar u l-validazzjoni ta’ modalitajiet ta’ spezzjoni fuq il-post.

    2.   Il-proġetti li jridu jiġu appoġġati mill-Unjoni Ewropea għandu jkollhom l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċità fil-qasam tal-monitoraġġ u l-verifikazzjoni tal-gass nobbli,

    (b)

    jipprovdu appoġġ għat-tħejjija, it-tmexxija u l-valutazzjoni ta’ l-Eżerċizzju Integrat fil-Post 2008 fiż-żona ta’ spezzjonijiet fil-post (IFE08/OSI).

    Il-proġetti għandhom jitwettqu għall-benefiċċju tal-Firmatarji kollha tas-CTBT.

    Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti hija mniżżla fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Il-Presidenza, megħjuna mis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-PESK (SĠ/RGħ), għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b’mod sħiħ.

    2.   Il-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Hi għandha twettaq dan il-kompitu taħt il-kontroll tas-SĠ/RGħ, filwaqt li tgħin lill-Presidenza. Għal dan il-għan, is-SĠ/RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

    3.   Il-Presidenza, is-SĠ/RGh u l-Kummissjoni għandhom iżommu lil xulxin informati regolarment dwar il-proġetti, f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza għall-implementazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 1 670 000.

    2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulata fil-paragrafu 1 għandha tiġi ġestita skond il-proċeduri u r-regoli tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni ġusta tal-kontribuzzjoni ta’ l-UE msemmija fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hi għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO, li għandha tkun fil-forma ta’ għotja. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li l-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni ta’ l-UE, b’mod adatt għad-daqs tiegħu.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel dak li tista’ sabiex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

    Artikolu 4

    Il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implementazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata bis-sħiħ. Hi għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji ta’ l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

    Artikolu 5

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

    Għandha tiskadi

    (a)

    15-il xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament bejn il-Kummissjoni u l-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO, jew

    (b)

    12-il xahar wara d-data ta’ l-adozzjoni tagħha jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta’ finanzjament f’dak il-perijodu.

    Artikolu 6

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 28 ta’ Ġunju 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. GABRIEL


    (1)  ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34.

    (2)  ĠU L 88, 25.3.2006, p. 68.


    ANNESS

    Appoġġ mill-UE għal attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja ta’ l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBTO) sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u verifikazzjoni fil-qafas ta’ l-implementazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa

    I.   Daħla

    Il-provi nukleari mħabbrin mid-DPRK f’Ottubru 2006 ma enfasizzawx biss l-importanza tad-dħul fis-seħħ bikri fit-Trattat, iżda ssottolinjaw ukoll il-ħtieġa għall-bini rapidu tar-reġim ta’ verifikazzjoni tas-CTBT. L-avveniment ikkostitwixxa prova fil-ħajja reali tas-sistema kollha għas-Segretarjat Tekniku Provviżorju (PTS) u enfasizza l-valur potenzjali li s-sistema ta’ verifikazzjoni globali tista’ tagħti lil Stati Firmatarji. Wera r-rilevanza teknika ta’ l-arranġamenti ta’ verifikazzjoni tas-CTBT, inkluż l-importanza ta’ spezzjonijiet fuq il-post (OSI) validati u effiċjenti. Għal din il-proposta għall-proġett, il-PTS identifika elementi rigward il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u verifikazzjoni li jistħoqqilhom attenzjoni partikolari fid-dawl ta’ l-esperjenzi miksuba mill-avveniment tad-DPRK. Il-proposta hija mibnija fuq iż-żewġ komponenti li ġejjin:

    (a)

    Gassijiet Nobli,

    (b)

    l-Eżerċizzju Integrat fil-Post ta’ l-2008 (IFE 08/OSI)

    II.   Deskrizzjoni ta’ proġetti

    1.   Komponent ta’ Proġett Gass Nobli; it-titjib ta’ l-għarfien dwar il-Kejl ta’ Gass Nobli PTS

    (a)

    Is-Sistema Internazzjonali ta’ Monitoraġġ (IMS) issa laħqet livell ta’ madwar 2/3 ta’ stazzjonijiet li qed jaħdmu. Il-bini tas-sistema huwa segwit bħala prijorità bl-għan li jintlaħaq livell sa 90 % fil-bidu ta’ l-2008. L-avveniment tad-DPRK kien irreġistrat b’mod tajjeb mill-istazzjonijiet sismiċi primarji u awżiljarji tal-PTS, u pprovda kejl affidabbli lill-Istati Firmatarji tal-ħin, tal-post u tal-kobor ta’ l-avveniment. Is-sistema ta’ stazzjonijiet sismiċi laħqet livell ta’ kważi kompletar sa issa.

    (b)

    Il-livell ta’ tħaddim ta’ stazzjonijiet kapaċi biex jimmonitorjaw il-preżenza ta’ gassijiet nobli rilevanti fl-atmosfera wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat , għaldaqstant, jeħtieġ li jkun avvanzat. Attwalment, 10 stazzjonijiet prototipi qed jaħdmu jew qed jinbnew, li huma l-ekwivalenti ta’ 25 % tan-numru ppjanat għad-dħul fis-seħħ. Dawn l-istazzjonijiet qed jipprovdu kejl esperimentali u provviżorju fil-qafas ta’ l-Esperiment Internazzjonali ta’ Gass Nobli (INGE) tal-PTS. Huwa mfakkar li dan il-programm ta’ riċerka u żvilupp huwa bbażat fuq erba’ tekonoloġiji proposti mill-erba’ pajjiżi li ġejjin: Franċja, ir-Russja, l-Isvezja u l-Istati Uniti. Ir-riżultat ta’ l-avveniment tad-DPRK kien li bosta Stati Firmatarji, inklużi Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, taw l-opinjoni tagħhom li l-kapaċitajiet tal-PTS għall-monitoraġġ tal-preżenza ta’ gass nobli għandhom jissaħħu.

    (ċ)

    Il-monitoraġġ ta’ gass nobli hija teknika fondamentali u sensittiva ħafna għall-kxif ta’ splużjonijiet nukleari ta’ taħt l-art u ta’ taħt l-ilma. Mit-teknoloġiji ta’ verifikazzjoni kollha, flimkien mal-monitoraġġ ta’ partikulati radjunuklidi, hija l-unika teknika li għandha l-potenzjal tipprovdi prova żgura ta’ splużjoni nukleari.

    (d)

    Biex tiġi żgurata l-kwalità u l-preċiżjoni tal-kapaċitajiet attwali u futuri tal-PTS tal-kejl ta’ gass nobli, hija ta’ importanza kbira li jkun magħruf “l-isfond ta’ gass nobli” li jista’ jkun mistenni f’reġjuni oħrajn madwar id-dinja, fejn għad m’hemmx stazzjonijiet. Għalhekk, metodoloġija għal kategorizzazzjoni ta’ avvenimenti mikxufa minn kejl tas-sistema ta’ gass nobli għandha tiġi żviluppata. Il-kejl ta’ gass nobli fil-post huwa l-aħjar mod biex jinkiseb dan u biex jiġu pprovduti risposti għal tali “nuqqas ta’ tagħrif”. Attwalment, stazzjonijiet ta’ l-INGE qedin jiġbru data mill-Amerka ta’ Fuq u ta’ Isfel, l-Ewropa, l-Asja u l-Oċeanja. Madankollu, fl-Asja ta’ Isfel, fil-Golf Persjan u fl-Afrika ta’ Isfel jeżistu faċilitajiet nukleari però m’hemmx data dwar l-isfond ta’ radjukseno. Barra minn hekk, fl-Ewropa huma meħtieġa wkoll kejl f’postijiet speċifiċi, per eżempju ħdejn impjanti radjufarmaċewtiċi jew impjanti ta’ enerġija nukleari.

    (e)

    Għal dan l-iskop, il-kejl ħdejn impjanti ta’ enerġija nukleari (NPP) jew impjanti għal produzzjoni radjufarmaċewtika għandu jittieħed biex tintwera d-differenza bejn mudelli ta’ rilaxx teoretiku, rilaxxi reġistrati medji, u riżultati sperimentali u konkreti mkejla. Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat l-isfond ta’ gassijiet nobli f’reġjuni oħrajn tad-dinja fejn ma jeżistux stazzjonijiet.

    (f)

    Sabiex jinkiseb it-titjib meħtieġ msemmi hawn fil-kapaċitajiet fil-qasam tal-gass nobli, il-PTS qed ifittex appoġġ għall-proġett li ġej:

    (i)

    It-twettiq ta’ erba’ kampanji ta’ kejl fuq il-post ta’ tul ta’ madwar – 4 xhur kull waħda. Matul kull kampanja, l-isfond ta’ Kseno huwa reġistrat f’diversi positijiet b’distanza ta’ 500-2 500 kilometri mill-kamp bażi għal perijodu ta’ madwar tliet ġimgħat. Barra minn hekk, kejl ta’ sfond ta’ ditekter għandu jkun imwettaq f’kull post ta’ kejl. Xi wħud minn dan il-kejl jista’ wkoll jiġi wżat bħala sfond tal-post fil-futur għall-istallazzjoni ta’ stazzjonijiet IMS. Dawn l-attivitajiet kollha jitwettqu f’relazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet tat-tbassir tat-temp.

    (ii)

    Il-kejl għandu jsir b’tagħmir trasportabbli ta’ kejl ta’ gass nobli (sistema Svediża SAUNA u/jew Franċiża SPALAX rispettivament), li ser jiġi misluf lill-PTS bla ħlas għall-perijodu kopert minn din l-Azzjoni Konġunta.

    (iii)

    Is-sistema Franċiża SPALAX hija sistema matura ħafna li tintuża f’bosta postijiet (inklużi postijiet ta’ l-IMS) għal bosta snin. Tkun disponibbli wkoll f’verżjoni trasportabbli li tipprovdi data bl-istess sensittività għolja. Waqt kull kampanja s-sistema kollha tista’ tkun trasportata f’postijiet differenti jew tista’ tkun kondiviża f’unità trasportabbli għal ġbir ta’ kampjuni u unità ta’ detekter fil “kamp bażi”, skond il-kondizzjonijiet tal-loġistika tar-reġjun.

    (iv)

    Is-sistema Svediża SAUNA diġà ġiet użata f’bosta kampanji fil-post, u għalhekk hija evalwata sew. Is-sistema tipprovdi data b’limiti ta’ kxif simili mal-verżjoni ta’ l-IMS (SAUNA-II) għall-erba’ isotopi rilevanti, u d-data hija għalhekk applikabbli direttament għax-xenarju ta’ kejl ta’ l-IMS. Matul kull kampanja, l-unità tal-kamp bażi hija installata f’post wieħed u kejl ta’ ġbir ta’ kampjuni mobbli jseħħ f’żewġ siti jew tlieta fil-qrib.

    (v)

    Kull kampanja ta’ kejl teħtieġ:

    Tħejjija u loġistika bir-reqqa (servizz tat-tagħmir, ippjanar loġistiku, ftehim ma’ l-istituti lokali, trasport eċċ);

    Installazzjoni, kalibrazzjonijiet u ġbir ta’ data;

    Kalibrazzjoni, ippakkjar u trasport lura tat-tagħmir;

    Analiżi ta’ data.

    (vi)

    L-elementi ta’ spejjeż mistennija għal dan il-proġett jinkludu:

    Persunal (inkluż assistent temporanju għall-loġistika) u spejjeż ta’ vjaġġar;

    Tagħmir (per eżempju l-produzzjoni ta’ kolonni ta’ ġbir ta’ kampjuni jew l-ekwivalenti, forniment ta’ enerġija li ma jistax jiġi interrot eċċ.);

    Oġġetti ta’ konsum (per eżempju enerġija u elju);

    Servizz u partijiet ta’ rikambju;

    Ġarr fuq il-baħar u trasport tat-tagħmir;

    Trasport lokali u loġistika;

    Sessjoni ta’ ħidma ta’ evalwazzjoni.

    (g)

    Il-kejl huwa ppjanat biex jitwettaq fir-reġjuni li ġejjin: l-Ewropa (1), il-Golf Persjan (2), l-Afrika ta’ Isfel (3) u l-Asja ta’ Isfel (4). Il-kejl fir-reġjun (3) u parti mir-reġjun (1) hu mistenni li jitwettaq bl-użu tat-tagħmir CEA (Franza), waqt li l-kejl fir-reġjun (2) u (4) kif ukoll parti minn (1) hu mistenni li jitwettaq bit-tagħmir FOI (Svezja).

    (h)

    It-tagħmir għal dan il-proġett ser ikun ipprovdut bla ħlas mis-CEA (Franza) u FOI (Svezja) li ser jiġu kuntrattati mill-PTS għat-twaqqif u ħidma tiegħu.

    (i)

    It-tul ta’ żmien ta’ dan il-komponent tal-proġett huwa mistenni li jkun ta’ madwar sena jew sena u nofs.

    (j)

    Spejjeż preliminarji stimati: EUR 950 000.

    2.   Komponent tal-Proġett dwar Spezzjoni fil-Post; Appoġġ għat-Tħejjija ta’ l-Eżerċizzju Integrat fil-Post 2008

    (a)

    L-avveniment fid-DPRK enfasizza mill-ġdid l-importanza ta’ spezzjonijiet fil-post bħala pilastru ewlieni tar-reġim ta’ verifikazzjoni tas-CTBT. Waqt li d-data provduta mis-Sistema Internazzjonali ta’ Monitoraġġ u ċ-Ċentru Internazzjonali tad-Data dwar l-avveniment fid-DPRK fil-qafas ta’ operazzjoni provviżorja u ttestjar tas-sistema kienet estremament ta’ valur u ta’ min joqgħod fuqha, ċarezza definittiva dwar in-natura ta’ l-avveniment tista’ tinkiseb biss permezz ta’ spezzjoni fil-post fis-sit determinat. Hija responsabbiltà ewlenija tal-Kummissjoni biex tikseb l-għola livell ta’ prontezza operazzjonali tar-reġim ta’ spezzjoni fil-post qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat.

    (b)

    Il-Korpi għat-Tfassil ta’ Politika tal-Kummissjoni Preparatorja, b’mod partikolari l-Grupp ta’ Ħidma B (GĦB), issottolinjaw kemm-il darba l-fatt li l-iktar mod effiċjenti biex jinkiseb il-livell ta’ prontezza meħtieġ huwa permezz tat-twettiq ta’ eżerċizzji fil-post ta’ l-OSI. L-ewwel tali eżerċizzju ta’ dan id-daqs, l-Eżerċizzju Integrat fil-Post 2008 (IFE08), ser iseħħ f’Settembru 2008 fil-Każakstan. Dan ser ikun l-ewwel prova għal simulazzjoni ta’ spezzjoni fil-post reali bl-integrazzjoni tat-tlett pilastri ewlenin tar-reġim-OSI, jiġifieri:

    (i)

    spetturi mħarrġa (madwar 50),

    (ii)

    tagħmir-OSI u

    (iii)

    l-ittestjar ta’ manwal operazzjonali ta’ l-OSI.

    (ċ)

    It-tħejjija komprensiva u twettiq pożittiv ta’ l-IFE08 huma prerekwiżiti għall-ikkompletar tar-reġim ta’ l-OSI fil-futur qarib. L-evalwazzjoni tar-riżultati u l-lezzjonijiet li ttieħdu mill-IFE08 ser jipprovdu lill-PTS b’tagħrif essenzjali għal liema passi għandhom jittieħdu biex tinkiseb il-prontezza operazzjonali tar-reġim ta’ l-OSI. Id-disponibbiltà ta’ riżorsi xierqa għall-IFE08, dawk finanzjarji u umani, kif ukoll kontribuzzjonijiet in natura mill-Istati Firmatarji, ta’ tagħmir, taħriġ u appoġġ ta’ loġistika hija essenzjali għas-suċċess ta’ l-IFE08.

    (d)

    Fl-istadju attwali tat-tħejjija għall-IFE08, il-PTS identifika l-oqsma li ġejjin fejn l-appoġġ mill-Istati Firmatarji huwa ta’ importanza partikolari:

    (i)

    Trasportazzjoni:

    L-IFE08 jeħtieġ it-trasportazzjoni ta’ 20-30 tunnellata ta’ tagħmir minn Vjenna sal-post ta’ dħul fil-Każakstan. Barra minn hekk, 80 persuna (40 spetturi u 40 persuni oħrajn, inkluż id-direzzjoni ta’ l-eżerċizzju, it-tim ta’ kontroll, osservaturi u valutaturi) għandhom jivvjaġġaw sal-post. Il-baġit probabbli għall-IFE08 li għandu jiġi approvat mill-Istati Firmatarji jipprevedi tfaddil mit-trasportazzjoni fuq l-art tat-tagħmir. Għaldaqstant, fil-valutazzjoni tal-PTS dan għandu żvantaġġi serji, b’mod partikolari fir-rigward tat-tul ta’ żmien u l-affidabbiltà tat-trasportazzjoni u s-sigurtà u s-sikurezza tat-tagħmir ta’ l-OSI. Din il-valutazzjoni ġiet endorsjata mill-Grupp Konsultattiv ta’ Esperti ta’ l-OSI, li jassisti lill-PTS fit-tħejjija ta’ l-IFE08, fil-laqgħa tiegħu fil-5-6 ta’ Diċembru 2006. Il-PTS, għalhekk, qed ifittex appoġġ għat-trasportazzjoni bl-ajru tat-tagħmir u l-persunal lill- u mill-Każakstan. Fid-dawl tal-ħtiġiet ta’ loġistika u dawk operazzjonali ta’ l-IFE08 kif ukoll l-arranġamenti legali mal-pajjiż ospitanti, it-trasportazzjoni bl-ajru jista’ jkollha tiġi organizzata permezz ta’ kumpanniji bbażati f’pajjiżi li m’humiex fl-UE.

    (ii)

    It-twaqqif ta’ kampi-bażi operazzjonali:

    Matul l-IFE08, il-PTS ser ikollu jinsedja żewġ bażi ta’ operazzjonijiet fiż-żona sostituta għall-ispezzjoni fit-territorju tal-post ta’ prova nukleari ta’ l-ex-Sovjetika f’Semipalatinsk. Waqt li l-ewwel bażi ser ikun għat-tim ta’ spezzjoni, it-tieni bażi huwa meħtieġ għall-valutaturi u osservaturi ta’ l-IFE08. Dawn il-bażijiet, attrezzati bl-infrastruttura meħtieġa bħal uffiċċji, faċilitajiet ta’ komunikazzjoni eċċ., iservu bħala l-kwartieri ġenerali ta’ l-IFE08 u jservu funzjoni essenzjali għat-twettiq u l-kontroll ta’ l-operazzjoni fil-post ta’ spezzjoni. Il-PTS jista’ jidentifika r-riżorsi għall-ksib ta’ l-ewwel kamp bażi għat-tim ta’ spezzjoni. Madankollu l-baġit regolari ma jipprovdix għall-ksib tat-tieni sett. Għalhekk, il-ksib u t-twaqqif tat-tieni bażi jeħtieġ riżorsi li ma jistgħux jiġu koperti mill-baġit ta’ l-IFE08. L-użu ta’ infrastruttura ‘l bogħod tirriżulta f’ħela ta’ ħin fi trasportazzjoni, bi spejjeż addizzjonali relatati u limitazzjonijiet tan-numru ta’ sigħat li jistgħu jintużaw aħjar fl-għan ta’ l-eżerċizzju.

    (iii)

    Sessjoni ta’ ħidma ta’ evalwazzjoni ta’ l-IFE08

    Għan: It-tisħiħ ta’ l-evalwazzjoni u l-eżitu ta’ l-IFE08 f’Diċembru 2008. Dan jipprovdi opportunità lill-esperti biex jirrevedu u jiddiskutu r-riżultati immedjati ta’ l-eżerċizzju bil-ħsieb li jassistu lill-PTS fl-abbozzar ta’ rapport preliminarju għall-ewwel laqgħa tal-GĦB fl-2009 u li jidentifikaw il-prijoritajiet għal-aktar sforzi mill-PTS. Barra minn hekk, huwa mistenni li l-esperti jisiltu tagħlim ta’ valur meħud mill-materja prima waqt is-sessjoni ta’ ħidma, u huwa mistenni li tiġi identifikata gwida preliminari għaċ-ċiklu li ġej ta’ eżerċizzji fuq l-art. Is-sessjoni ta’ ħidma tindirizza l-punti li ġejjin:

    il-loġistika inkluż it-twaqqif u l-operat ta’ bażi ta’ operazzjoni;

    it-tmexxija tat-tim;

    kwistjonijiet rigward relazzjonijiet ma’ l-Istat Parti Spezzjonat (ISP) inkluż b’mod partikolari konfidenzjalità u aċċess kontrollat;

    osservazzjoni viżwali inkluż waqt it-titjiriet;

    kwistjonijiet sismiċi;

    tekniki ġeofiżiċi;

    saħħa u sikurezza;

    komunikazzjoni;

    navigazzjoni.

    Barra minn hekk, f’kooperazzjoni ma l-OES/EV, l-evalwazzjoni ta’ l-eżerċizzju fih innifsu għandu jkun diskuss.

    (e)

    L-ispejjeż stimati għaż-żewġ komponenti bħala appoġġ ta’ l-IFE08 huma:

    EUR 250 000

    (trasportazzjoni bl-ajru fuq bażi kummerċjali. Appoġġ in natura per eżempju possibiltà ta’ ajruplan tal-merkanzija charter)

    EUR 269 249

    (ix-xiri, it-twaqqif u l-attivazzjoni tat-tieni kamp bażi operazzjonali)

    EUR 152 965

    Sessjoni ta’ Ħidma ta’ Evalwazzjoni ta’ l-IFE08

    EUR 672 214

    (totali)

    III.   It-tul ta’ żmien

    It-tul ta’ żmien totali għall-implimentazzjoni tal-proġetti hu stmat li jkun ta’ 15-il xahar.

    IV.   Il-Benefiċjarji

    Il-benefiċjarji tal-proġetti f’din l-Azzjoni Konġunta, bil-mira li jsaħħu l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ verifikazzjoni tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO- huma kollha Firmatarji tas-CTBT.

    V.   Entità ta’ implementazzjoni

    Il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO sejra tiġi fdata bl-implementazzjoni tal-proġetti. Il-proġetti ser jiġu implementati direttament minn persunal tas-Segretarjat Tekniku Provviżorju tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO, minn esperti jew minn kuntratturi ta’ l-Istati Firmatarji tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Fil-każ ta’ kuntratturi, l-akkwist ta’ kwalunkwe oġġett, xogħol jew servizz mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO fil-kuntest ta’ din l-Azzjoni Konġunta ser jitwettaq b’mod kif dettaljat fil-ftehim finanzjarju li għandu jiġi konkluż mill-Kummissjoni Ewropea mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

    L-entità implimentattiva ser tħejji:

    (a)

    Rapport ta’ nofs it-term wara l-ewwel sitt xhur ta’ l-implimentazzjoni tal-proġetti

    (b)

    Rapport finali mhux iktar tard minn xahar qabel it-tmiem ta’ l-implimentazzjoni tal-proġetti

    Ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-Presidenza, bl-assistenza tas-SĠ/RGħ għall-PESK.

    VI.   Parteċipanti terzi

    Il-proġetti ser jiġu ffinanzjati interament minn din l-Azzjoni Konġunta. L-esperti mill–Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO u mill-Firmatarji tas-CTBT jistgħu jitqiesu bħala parteċipanti terzi. Huma sejrin jaħdmu skond ir-regoli ta’ ħidma standard għall-esperti tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

    VII.   Stima tal-mezzi finanzjarji totali meħtieġa

    Il-kontribut ta’ l-UE ser ikopri l-implementazzjoni sħiħa tal-proġett deskritt f’dan l-Anness. L-ispejjeż stimati huma kif ġej:

    Komponent ta’ Proġett Gass Nobli;

    EUR 960 507

    Komponent tal-Proġett dwar Spezzjoni fil-Post:

    EUR 672 214

    Total:

    EUR 1 632 721

    Barra minn dan, hemm inkluża riżerva ta’ kontinġenza ta’ madwar 3 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli (għal ammont totali ta’ EUR 37 279) għal spejjeż mhux mistennija.

    VIII.   Ammont ta’ referenza finanzjarju sabiex ikopri l-ispiża tal-proġetti

    L-ispiża totali tal-proġett hi ta’ EUR 1 670 000.


    Top