Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0839

    2007/839/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 29 ta’ Novembru 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar ir-riammissjoni tal-persuni

    ĠU L 332, 18.12.2007, p. 46–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/839/oj

    Related international agreement

    18.12.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 332/46


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tad-29 ta’ Novembru 2007

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar ir-riammissjoni tal-persuni

    (2007/839/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (b) ta’ l-Artikolu 63(3), flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    BILLI:

    (1)

    Il-Kummissjoni nnegozjat f’isem il-Komunità Ewropea Ftehim ma’ l-Ukraina dwar ir-riammissjoni tal-persuni.

    (2)

    Il-Ftehim ġie iffirmat, f’isem il-Komunità Ewropea, fit-18 ta’ Ġunju 2007 suġġett għall-konklużjoni eventwalment possibbli tiegħu f’data aktar tard, skond Deċiżjoni tal-Kunsill adottata fit-12 ta’ Ġunju 2007.

    (3)

    Il-Ftehim għandu jiġi approvat.

    (4)

    Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni li jista’ jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Huwa xieraq li tiġi prevista proċedura simplifikata għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Komunità f’dan il-każ.

    (5)

    Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    (6)

    Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ l-imsemmi Protokoll, l-Irlanda ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (7)

    Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar ir-riammissjoni tal-persuni huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità.

    It-test tal-Ftehim hu anness ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika msemmija fl-Artikolu 20(2) tal-Ftehim (2).

    Artikolu 3

    Il-Kummissjoni, assistita minn esperti mill-Istati Membri, għandha tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni stabbilit bl-Artikolu 15 tal-Ftehim.

    Artikolu 4

    Il-pożizzjoni tal-Komunità fi ħdan il-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni fir-rigward ta’ l-adozzjoni tar-regoli tal-proċedura tiegħu kif meħtieġ mill-Artikolu 15(5) tal-Ftehim għandha tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 29 ta’ Novembru 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. LINO


    (1)  Opinjoni mogħtija fit-13 ta’ Novembru 2007 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top

    18.12.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 332/48


    FTEHIM

    bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar ir-riammissjoni ta’ persuni

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Komunità”,

    u

    L-UKRAINA,

    minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet Kontraenti”,

    DETERMINATI li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom sabiex jikkumbattu l-immigrazzjoni illegali b’mod iktar effettiv,

    MĦASSBA biż-żieda sinifikanti ta’ gruppi ta’ kriminalità organizzati fil-kuntrabandu ta’ migranti,

    XEWQANA li jistabbilixxu, permezz ta’ dan il-Ftehim u fuq il-bażi ta’ reċiproċità, proċeduri mgħaġġla u effettivi għall-identifikazzjoni u r-ritorn sigur u regolari ta’ persuni li ma jissodisfawx, jew li m’għadhomx jissodisfaw, il-kundizzjonijiet tad-dħul, preżenza, jew residenza fit-territorji ta’ l-Ukraina jew wieħed mill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, u biex jiffaċilitaw it-tranżitu ta’ tali persuni fi spirtu ta’ kooperazzjoni,

    FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li, fil-każi xierqa, l-Ukraina u l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea għandhom jagħmlu l-aħjar sforzi sabiex jibagħtu ċittadini ta’ terzi pajjiżi u persuni mingħajr stat li jkunu daħlu b’mod illegali fit-territorji rispettivi tagħhom, lura fl-Istati ta’ l-oriġini jew tar-residenza permanenti,

    FILWAQT LI JAGĦRFU l-ħtieġa li jiġu osservati d-drittijiet u l-libertajiet umani, u jenfasizzaw li dan il-Ftehim għandu jsir mingħajr ħsara għad-drittijiet u l-obligazzjonijiet tal-Komunità, l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina li joħorġu mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ l-10 ta’ Diċembru 1948 u mil-liġi internazzjonali, b’mod partikolari, mill-Konvenzjoni Ewropea ta’ l-4 ta’ Novembru 1950 dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni tat-28 ta’ Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati, il-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tad-19 ta’ Diċembru 1966 u l-istrumenti internazzjonali ta’ l-estradizzjoni,

    FILWAQT LI JIEĦDU IN KONSIDERAZZJONI li l-kooperazzjoni bejn l-Ukraina u l-Komunità fl-oqsma tar-riammissjoni u l-faċilitazzjoni ta’ l-ivvjaġġar reċiproku huwa ta’ interess komuni,

    FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, li jidħol fl-ambitu tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka, skond il-Protokoll fuq il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-għan ta’ dan il-Ftehim:

    (a)

    Partijiet Kontraenti” għandha tfisser l-Ukraina u l-Komunità.

    (b)

    Stat Membru” għandu jfisser kull Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika ta’ l-Irlanda.

    (ċ)

    Ċittadin ta’ Stat Membru” għandu jfisser kull persuna li għandha n-nazzjonalità, kif imfissra għall-iskopijiet tal-Komunità, ta’ Stat Membru.

    (d)

    Ċittadin ta’ l-Ukraina” għandu jfisser kwalunkwe persuna li jkollha n-nazzjonalità ta’ l-Ukraina.

    (e)

    Ċittadin ta’ pajjiż terz” għandu jfisser kull persuna b’nazzjonalità li m’hijiex ta’ l-Ukraina jew ta’ xi wieħed mill-Istati Membri.

    (f)

    Persuni mingħajr stat” għandha tfisser kwalunkwe persuna li ma jkollhiex nazzjonalità;

    (g)

    Awtorizzazzjoni tar-residenza” għandha tfisser ċertifikat ta’ kull tip maħruġ mill-Ukraina jew minn wieħed mill-Istati Membri li jintitola persuna tirresjedi fit-territorju tiegħu. Dan m’għandux jinkludi permessi temporanji għall-waqfien fit-territorju tal-pajjiż b’konnessjoni ma’ l-ipproċessar ta’ talba għall-ażil, talba għall-istatus ta’ refuġjat jew talba għall-awtorizzazzjoni ta’ residenza.

    (h)

    Viżagħandha tfisser awtorizzazzjoni maħruġa jew deċiżjoni meħuda mill-Ukraina jew minn wieħed mill-Istati Membri li hija meħtieġa għad-dħul, jew għat-tranżitu, fit-territorju tiegħu. Din m’għandhiex tinkludi il-viża tat-tranżitu ta’ l-ajruport.

    (i)

    L-Istat li jagħmel it-Talba” għandu jfisser l-Istat (l-Ukraina jew wieħed mill-Istati Membri) li jissottometti talba għar-riammissjoni skond l-Artikolu 5 jew talba għat-tranżitu skond l-Artikolu 11 ta’ dan il-Ftehim.

    (j)

    L-Istat Mitlub” għandu jfisser l-Istat (l-Ukraina jew wieħed mill-Istati Membri) indirizzat b’talba għar-riammissjoni skond l-Artikolu 5 jew talba għall-tranżitu skond l-Artikolu 11 ta’ dan il-Ftehim.

    (k)

    Awtorità Kompetenti” għandha tfisser kwalunkwe awtorità nazzjonali ta’ l-Ukraina jew ta’ xi wieħed mill-Istati Membri inkarigata bl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim skond l-Artikolu 16 tiegħu.

    (l)

    Reġjun tal-fruntiera” għandu jfisser iż-żona li testendi sa 30 kilometru mill-fruntiera ta’ art komuni bejn Stat Membru u l-Ukraina, kif ukoll it-territorji ta’ portijiet marittimi inklużi ż-żoni tad-dwana, u ajruporti internazzjonali ta’ l-Istati Membri u ta’ l-Ukraina.

    TAQSIMA I

    OBBLIGAZZJONIJIET TAR-RIAMMISSJONI

    Artikolu 2

    Ir-Riammissjoni taċ-ċittadini proprji

    1.   Fuq applikazzjoni ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba u mingħajr formalitajiet aktar minn dawk provduti f’dan il-Ftehim, l-Istat Mitlub għandu jilqa’ mill-ġdid fit-territorju tiegħu lill-persuni kollha li ma jissodisfawx, jew li m’għadhomx jissodisfaw, il-kundizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul jew waqfien fit-territorju ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba bil-kundizzjoni li jinġiebu provi, skond l-Artikolu 6 ta’ dan il-Ftehim, li jkollhom in-nazzjonalità ta’ l-Istat Mitlub.

    L-istess japplika għal persuni li, wara d-dħul tagħhom fit-territorju ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba, jirrinunzjaw għan-nazzjonalità ta’ l-Istat Mitlub mingħajr ma jassumu n-nazzjonalità ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba.

    2.   L-Istat Mitlub għandu, kif meħtieġ u mingħajr dewmien, jipprovdi lill-persuna li r-riammissjoni tagħha tkun ġiet aċċettata bid-dokument ta’ l-ivvjaġġar b’perjodu ta’ validità li ma jkunx anqas minn 6 xhur; dan irrispettivament mir-rieda tal-persuna riammessa. Jekk, għal xi raġunijiet ta’ dritt jew ta’ fatt, il-persuna kkonċernata ma tistax tiġi trasferita fi żmien il-perjodu ta’ validità tad-dokument ta’ l-ivvjaġġar inizjalment maħruġ, l-Istat Mitlub għandu, fi żmien 14-il jum kalendarji, jestendi l-validità tad-dokument ta’ l-ivvjaġġar jew, fejn meħtieġ, joħroġ dokument ta’ l-ivvjaġġar ġdid bl-istess perjodu ta’ validità. Jekk l-Istat Mitlub ma jkunx, fi żmien 14-il jum kalendarji, ħareġ id-dokument ta’ l-ivvjaġġar, estenda l-validità tiegħu jew, fejn meħtieġ, ġeddu, l-Istat Mitlub għandu jiġi meqjus li aċċetta d-dokument li skada.

    Artikolu 3

    Ir-Riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat

    1.   Fuq applikazzjoni ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba u mingħajr formalitajiet aktar minn dawk provduti f’dan il-Ftehim, l-Istat Mitlub għandu jilqa’ mill-ġdid fit-territorju tiegħu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li ma jissodisfawx, jew li m’għadhomx jissodisfaw, il-kundizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul jew waqfien fit-territorju ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba bil-kundizzjoni li jinġiebu provi, skond l-Artikolu 7 ta’ dan il-Ftehim, li tali persuni:

    (a)

    daħlu b’mod illegali fit-territorju ta’ l-Istati Membri direttament mit-territorju ta’ l-Ukraina jew daħlu b’mod illegali fit-territorju ta’ l-Ukraina direttament mit-territorju ta’ l-Istati Membri;

    (b)

    fiż-żmien tad-dħul kellhom awtorizzazzjoni għar-residenza valida maħruġa mill-Istat Mitlub;

    jew

    (ċ)

    fiż-żmien tad-dħul kellhom viża valida maħruġa mill-Istat Mitlub u daħlu fit-territorju ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba direttament mit-territorju ta’ l-Istat Mitlub.

    2.   L-obbligazzjoni tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 m’għandhiex tapplika jekk:

    (a)

    iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat kien biss fi tranżitu ta’ l-ajru minn ajruport internazzjonali ta’ l-Istat Mitlub; jew

    (b)

    l-Istat li jagħmel it-Talba jkun ħareġ liċ-ċittadin tal-pajjiż terz jew lill-persuna mingħajr stat viża jew awtorizzazzjoni għar-residenza qabel jew wara d-dħul fit-territorju tiegħu sakemm

    (i)

    dik il-persuna ma jkollhiex viża jew awtorizzazzjoni ta’ residenza, maħruġa mill-Istat Mitlub, b’perjodu itwal ta’ validità; jew

    (ii)

    il-viża jew l-awtorizzazzjoni ta’ residenza maħruġa mill-Istat li jagħmel it-Talba ma tkunx ġiet akkwistata bl-użu ta’ dokumenti foloz jew falsifikati.

    (ċ)

    iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jew persuna mingħajr stat ma jkunx jeħtieġ viża għad-dħul fit-territorju ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba.

    3.   Fir-rigward ta’ l-Istati Membri, l-obbligazzjoni tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 b) u/jew ċ) hija ta’ l-Istat Membru li jkun ħareġ viża jew awtorizzazzjoni ta’ residenza. Jekk tnejn jew aktar Stati Membri ikunu ħarġu viża jew awtorizzazzjoni għar-residenza, l-obbligazzjoni tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 b) u/jew ċ) hija ta’ l-Istat Membru li joħroġ id-dokument bl-itwal perjodu ta’ validità jew, jekk wieħed jew aktar mid-dokumenti jkunu diġà skadew, id-dokument li jkun għadu validu. Jekk id-dokumenti kollha jkunu diġa’ skaduti, l-obbligazzjoni ta’ riammissjoni fil-paragrafu 1 b) u/jew ċ) hija ta’ dak l-Istat Membru li ħareġ id-dokument bid-data ta’ skadenza l-aktar riċenti. Jekk tali dokumenti ma jkunux jistgħu jiġu prodotti, l-obligazzjoni tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 hija ta’ l-Istat Membru li minnu jkunu ħarġu l-aħħar.

    4.   Wara li l-Istat Mitlub ikun ta tweġiba pożittiva għat-talba ta’ riammissjoni, l-Istat li jagħmel it-Talba għandu jipprovdi lill-persuna li r-riammissjoni tagħha tkun ġiet aċċettata b’dokument ta’ l-ivvjaġġar rikonoxxut mill-Istat Mitlub. Jekk l-Istat li jagħmel it-Talba huwa Stat Membru ta’ l-UE dan id-dokument ta’ l-ivvjaġġar huwa d-dokument standard ta’ l-ivvjaġġar ta’ l-UE għall-iskopijiet ta’ tkeċċija bil-forma stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ l-UE tat-30 ta’ Novembru 1994 (Anness 7). Jekk l-Istat li jagħmel it-Talba huwa l-Ukraina dan id-dokument ta’ l-ivvjaġġar huwa ċ-ċertifikat ta’ ritorn Ukrain (Anness 8).

    Artikolu 4

    Riammissjoni bi żball

    L-Istat li jagħmel it-Talba għandu jieħu lura kwalunkwe persuna riammessa mill-Istat Miltub jekk jiġi stabbilit, fi żmien 3 xhur wara t-trasferiment tal-persuna kkonċernata, li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 2 jew 3 ta’ dan il-Ftehim m’humiex sodisfatti.

    F’dawn il-każi d-dispożizzjonijiet proċedurali ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw mutatis mutandis u l-Istat Mitlub għandu wkoll jikkomunika t-tagħrif disponibbli kollu li jirrigwarda l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna li għandha tittieħed lura.

    TAQSIMA II

    PROĊEDURA TA’ RIAMMISSJONI

    Artikolu 5

    Applikazzjoni għal riammissjoni

    1.   Suġġett għall-paragrafu 2, kull trasferiment ta’ persuna li ser tiġi riammessa fuq il-bażi ta’ wieħed mill-obbligazzjonijiet fl-Artikoli 2 u 3 għandu jeħtieġ is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal riammissjoni lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Mitlub.

    2.   Jekk il-persuna li għandha tiġi riammessa jkollha dokument ta’ l-ivvjaġġar validu jew karta ta’ l-identità u, fil-każ ta’ ċittadini ta’ terzi pajjiżi jew persuni mingħajr stat, viża valida jew awtorizzazzjoni ta’ residenza ta’ l-Istat Mitlub, it-trasferiment ta’ dik il-persuna jista’ jsir mingħajr il-ħtieġa ta’ applikazzjoni għal riammissjoni jew komunikazzjoni bil-miktub mill-Istat li jagħmel it-Talba lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Mitlub.

    3.   Bla ħsara għall-paragrafu 2, jekk persuna tinqabad fiż-żona tal-fruntiera ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba fi żmien 48 siegħa mill-qsim illegali tal-fruntiera ta’ l-istat ta’ dik il-persuna (inklużi portijiet marittimi u ta’ l-ajru) u tkun ġejja direttament mit-territorju ta’ l-Istat Mitlub, l-Istat li jagħmel it-Talba jista’ jissottometti applikazzjoni għal riammissjoni fi żmien jumejn minn meta din il-persuna tinqabad (proċedura mgħaġġla).

    4.   L-applikazzjoni għar-riammissjoni għandu jkollha l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    id-dettalji disponibbli kollha tal-persuna li għandha tiġi riammessa (eż. l-ismijiet mogħtija, il-kunjomijiet, id-data u l-post tat-twelid, is-sess u l-aħħar post ta’ residenza);

    (b)

    il-mezzi ta’ prova tan-nazzjonalità, il-kundizzjonijiet għar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni mingħajr stat.

    5.   Safejn hu meħtieġ, l-applikazzjoni għar-riammissjoni għandu jkollha wkoll l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    dikjarazzjoni li tindika li l-persuna li ser tiġi trasferita jista’ jkollha bżonn għajnuna jew kura, bil-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun qablet b’mod espliċitu mad-dikjarazzjoni;

    (b)

    kull miżura oħra ta’ protezzjoni jew sigurtà li tista’ tkun meħtieġa fil-każ individwali ta’ trasferiment.

    6.   Formola komuni li għandha tintuża fl-applikazzjonijiet għar-riammissjoni hija mehmuża bħala Anness 5 ma’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 6

    Mezzi ta’ prova dwar in-nazzjonalità

    1.   In-nazzjonalità ta’ l-Istat Mitlub skond l-Artikolu 2 (1) ta’ dan il-Ftehim tista’ tiġi:

    (a)

    ippruvata bi kwalunkwe wieħed mid-dokumenti elenkati fl-Anness 1 ta’ dan il-Ftehim anke jekk il-perjodu ta’ validità tiegħu jkun skada. Jekk tali dokumenti jiġu ppreżentati, l-Istat Mitlub għandu jirrikonoxxi n-nazzjonalità mingħajr ħtieġa ta’ aktar investigazzjoni. Il-prova tan-nazzjonalità ma tistax issir permezz ta’ dokumenti foloz jew falsifikati.

    (b)

    stabbilita abbażi ta’ kwalunkwe wieħed mid-dokumenti elenkati fl-Anness 2 ta’ dan il-Ftehim anke jekk il-perjodu ta’ validità tiegħu jkun skada. Jekk tali dokumenti jiġu ppreżentati, l-Istat Mitlub għandu jqis in-nazzjonalità bħala stabbilita, sakemm ma jkunx jista’ jipprova mod ieħor abbażi ta’ investigazzjoni bil-parteċipazzjoni ta’ l-awtoritjaiet kompetenti ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba. In-nazzjonalità ma tistax tiġi stabbilita permezz ta’ dokumenti foloz jew falsifikati.

    2.   Jekk ma jkun jista’ jiġi ppreżentat ebda wieħed mid-dokumenti elenkati fl-Annessi 1 jew 2, ir-rappreżentanza diplomatika kompetenti ta’ l-Istat Mitlub għandha tagħmel intervista lill-persuna riammessa fi żmien massimu ta’ għaxart ijiem kalendarji, sabiex tiġi stabbilita n-nazzjonalità tiegħu jew tagħha. Dan it-terminu ta’ żmien jibda jgħodd mid-data tal-wasla ta’ l-applikazzjoni għar-riammissjoni.

    Artikolu 7

    Mezzi ta’ prova dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat

    1.   Il-kundizzjonijiet għar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat skond l-Artikolu 3 (1) (a) ta’ dan il-Ftehim jistgħu jiġu:

    (a)

    ippruvati bi kwalunkwe dokument indikat fl-Anness 3a ta’ dan il-Ftehim. Jekk jiġu ppreżentati tali dokumenti, l-Istat Mitlub għandu jirrikonoxxi d-dħul illegali fit-territorju ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba (jew fl-Istati Membri jekk l-Istat Mitlub ikun l-Ukraina) mit-territorju tiegħu.

    (b)

    stabbiliti abbażi ta’ kwalunkwe dokument indikat fl-Anness 3b ta’ dan il-Ftehim. Jekk jiġu ppreżentati tali dokumenti, l-Istat Mitlub għandu jagħmel investigazzjoni u jwieġeb fi żmien massimu ta’ 20 jum kalendarju. Fil-każ ta’ tweġiba pożittiva, jew jekk ebda tweġiba ma tkun ġiet mogħtija fit-terminu ta’ żmien mogħti, l-Istat Mitlub għandu jirrikonoxxi d-dħul illegali fit-territorju ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba (jew ta’ l-Istati Membri jekk l-Istat Mitlub ikun l-Ukraina) mit-territorju tiegħu.

    2.   Id-dħul illegali fit-territorju ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba skond l-Artikolu 3 (1) (a) ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi stabbilit permezz ta’ dokumenti ta’ l-ivvjaġġar tal-persuna kkonċernata fejn il-viża meħtieġa jew awtorizzazzjoni oħra ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba jkunu nieqsa. Dikjarazzjoni motivata kif xieraq mill-Istat li jagħmel it-Talba li l-persuna kkonċernata nstabet mingħajr id-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar, il-viża jew l-awtorizzazzjoni ta’ residenza meħtieġa għandha wkoll tkun ta’ prova prima facie tad-dħul, preżenza jew residenza illegali.

    3.   Il-kundizzjonijiet għar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat skond l-Artikolu 3 (1) (a) ta’ dan il-Ftehim jistgħu jiġu:

    (a)

    ippruvati bi kwalunkwe dokument indikat fl-Anness 4a ta’ dan il-Ftehim. Jekk tali dokumenti jiġu ppreżentati, l-Istat Mitlub għandu jirrikonoxxi r-residenza ta’ tali persuni fit-territorju tiegħu mingħajr ħtieġa ta’ aktar investigazzjoni.

    (b)

    stabbiliti abbażi ta’ kwalunkwe dokument indikat fl-Anness 4b ta’ dan il-Ftehim. Jekk jiġu ppreżentati tali dokumenti, l-Istat Mitlub għandu jagħmel investigazzjoni u jwieġeb fi żmien massimu ta’ 20 jum kalendarju. Fil-każ ta’ tweġiba pożittiva, jew jekk ma jiġix ippruvat mod ieħor, jew jekk ebda tweġiba ma tingħata sa l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien, l-Istat Mitlub għandu jirrikonoxxi l-waqfa ta’ tali persuni fit-territorju tiegħu.

    4.   Prova tal-kundizzjonijiet tar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni mingħajr stat ma tistax tingħata permezz ta’ dokumenti foloz jew falsifikati.

    Artikolu 8

    Limiti ta’ żmien

    1.   L-applikazzjoni għar-riammissjoni għandha tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Mitlub fi żmien massimu ta’ sena mid-data li l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba tkun għarrfet li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat ma tissodisfax, jew m’għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, il-preżenza jew ir-residenza.

    Ma jkunx hemm obbligazzjoni ta’ riammissjoni jekk l-applikazzjoni għar-riammissjoni dwar tali persuni tiġi sottomessa wara l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien imsemmi. Fejn ikun hemm ostakli ta’ dritt jew ta’ fatt għall-applikazzjoni li tiġi sottomessa fil-ħin, it-terminu ta’ żmien għandu, fuq talba, jiġi miżjud sa 30 jum kalendarju.

    2.   Bl-eċċezzjoni tat-termini ta’ żmien imsemmija fl-Artikoli 7(1) b) u 7(3) b), applikazzjoni għal riammissjoni għandha tiġi mwieġba mill-Istat Mitlub mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ fi żmien erbatax-il jum kalendarju mid-data ta’ l-irċevuta ta’ tali applikazzjoni. Fejn ikun hemm ostakli ta’ dritt jew ta’ fatt għall-applikazzjoni mwieġba fil-ħin, it-terminu ta’ żmien għandu, fuq talba motivata kif xieraq, jiġi miżjud, fil-każi kollha, sa massimu ta’ 30 jum kalendarju.

    3.   Fil-każ ta’ applikazzjoni għal riammissjoni sottomessa taħt il-proċedura mgħaġġla (l-Artikolu 5(3)), għandha tingħata tweġiba fi żmien jumejn tax-xogħol mid-data ta’ l-irċevuta ta’ tali applikazzjoni. Jekk meħtieġ, fuq talba motivata kif xieraq mill-Istat Mitlub u wara l-approvazzjoni ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba, it-terminu taż-żmien tat-tweġiba għall-applikazzjoni jista’ jiġi estiż b’ġurnata waħda tax-xogħol.

    4.   Jekk ma jkunx hemm tweġiba fit-termini taż-żmien li għalihom hemm referenza fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, għandu jiġi preżunt li t-trasferiment ġie miftiehem.

    5.   L-Istat li jagħmel it-Talba għandu jiġi provdut bir-raġunijiet għal ċaħda ta’ talba għal riammissjoni.

    6.   Wara li tingħata l-aċċettazzjoni jew, fejn applikabbli wara l-iskadenza tat-termini taż-żmien stipulati fit-tieni paragrafu, il-persuna kkonċernata għandha tiġi trasferita mingħajr dewmien skond it-termini miftiehma mill-awtoritajiet kompetenti skond l-Artikolu 9(1) ta’ dan il-Ftehim. Fuq talba ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba, dan it-terminu ta’ żmien jista’ jiġi estiż biż-żmien meħud sabiex jiġu ttrattati l-ostakli legali jew prattiċi għat-trasferiment.

    Artikolu 9

    Modalitajiet tat-trasferiment u modi ta’ trasportazzjoni

    1.   Qabel it-trasferiment ta’ persuna, l-awtoritjaiet kompetenti ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba u l-Istat Mitlub għandhom jagħmlu arranġamenti bil-miktub bil-quddiem rigward id-data tat-trasferiment, il-post tad-dħul, l-iskorti possibbli u tagħrif ieħor rilevanti għat-trasferiment.

    2.   Il-mezzi kollha ta’ trasport, kemm jekk bl-ajru, bl-art jew bil-baħar, għandhom jiġu aċċettati. It-trasferiment bl-ajru m’għandux jiġi ristrett għall-użu tal-linji nazzjonali ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba jew ta’ l-Istat Mitlub u jista’ jsir bl-użu ta’ titjiriet skedati u kif ukoll titjiriet charter. Fil-każ ta’ ħtieġa ta’ skorti, tali skorti m’għandhomx jiġu ristretti għal persuni awtorizzati ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba, bil-kundizzjoni li dawn ikunu persuni awtorizzati mill-Ukraina jew kwalunkwe Stat Membru.

    TAQSIMA III

    OPERAZZJONIJIET TA’ TRANŻITU

    Artikolu 10

    Il-Prinċipji

    1.   L-Istati Membri u l-Ukraina għandhom jirrestrinġu t-tranżitu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat għall-każijiet fejn dawn il-persuni ma jistgħux jintbagħtu lura direttament lejn l-Istat tad-destinazzjoni.

    2.   L-Istat Mitlub għandu jippermetti t-tranżitu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, jekk it-trasportazzjoni ulterjuri ta’ tali persuni fi Stati ta’ tranżitu possibbli oħra u r-riammissjoni mill-Istat tad-destinazzjoni jkunu garantiti.

    3.   It-tranżitu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat għandu jsir bl-iskorta, jekk dan ikun mitlub mill-Istat Mitlub. Id-dettalji proċedurali għall-operazzjonijiet ta’ tranżitu bi skorta għandhom jiġu stipulati fil-protokolli ta’ implimentazzjoni skond l-Artikolu 16.

    4.   It-tranżitu jista’ jiġi rifjutat mill-Istat Mitlub:

    (a)

    jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat huwa f’riskju reali li jkun suġġett għal tortura jew trattament inuman jew degradanti jew għal pieni jew għall-piena tal-mewt jew għall-persekuzzjoni minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija tiegħu f’xi grupp soċjali partikolari jew ta’ konvinzjoni politika fl-Istat tad-destinazzjoni jew Stat ieħor ta’ tranżitu; jew

    (b)

    jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat ikun suġġett għall-prosekuzzjoni kriminali jew sanzjonijiet fl-Istat Mitlub jew f’xi Stat ieħor ta’ tranżitu; jew

    (ċ)

    minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika, sigurtà domestika, ordni pubbliku jew interessi nazzjonali oħra ta’ l-Istat mitlub.

    5.   L-Istat Mitlub jista’ jirrevoka kull awtorizzazzjoni maħruġa jekk jinqalgħu jew jitfaċċaw iċ-ċirkostanzi li għalihom saret referenza fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu li jwaqqfu l-operazzjoni ta’ tranżitu, jew jekk il-vjaġġ ‘il quddiem minn Stati ta’ tranżitu possibbli jew ir-riammissjoni mill-Istat tad-destinazzjoni ma jibqgħux assigurati.

    Artikolu 11

    Il-proċedura tat-tranżitu

    1.   Applikazzjoni għal operazzjonijiet ta’ tranżitu għandha tiġi sottomessa bil-miktub lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Mitlub u għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    it-tip ta’ tranżitu (bl-ajru, bl-art jew bil-baħar), ir-rotta tat-tranżitu, l-Istati l-oħra ta’ tranżitu, jekk ikun il-każ, u l-Istat tad-destinazzjoni finali;

    (b)

    id-dettalji tal-persuna kkonċernata (l-isem mogħti, il-kunjom, il-kunjom tax-xbubija, ismijiet oħra użati/li bihom hija magħrufa jew psewdonimi, id-data tat-twelid, is-sess u fejn possibbli – il-post tat-twelid, in-nazzjonalità, il-lingwa, it-tip u n-numru tad-dokument ta’ l-ivjaġġar);

    (ċ)

    fejn hu maħsub li ser ikun il-post tad-dħul, il-ħin tat-trasferiment u l-użu possibbli ta’ l-iskorti;

    (d)

    dikjarazzjoni li fil-fehma ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba, il-kundizzjonijiet skond l-Artikolu 10(2) huma milħuqa, u li ebda raġuni għal ċaħda skond l-Artikolu 10(4) ma hija magħrufa.

    Formola komuni li għandha tintuża għall-applikazzjonijiet ta’ tranżitu hija mehmuża bħala Anness 6 ma’ dan il-Ftehim.

    2.   L-Istat Mitlub għandu, fi żmien għaxart ijiem kalendarji wara l-irċevuta ta’ l-applikazzjoni, jinforma bil-miktub lill-Istat li jagħmel it-Talba bil-kunsens tiegħu għall-operazzjoni ta’ tranżitu, filwaqt li jikkonferma l-post tad-dħul u l-ħin previst ta’ l-ammissjoni, jew jinformah bil-miktub bir-rifjut tat-tranżitu u r-raġunijiet għal tali rifjut.

    3.   Jekk l-operazzjoni ta’ tranżitu ssir bl-ajru, il-persuna li għandha tiġi riammessa u l-iskorti possibbli għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jiksbu viża ta’ tranżitu ta’ l-ajruport.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Mitlub għandhom, wara konsultazzjonijiet reċiproċi, jassistu fl-operazzjonijiet ta’ tranżitu, partikolarment permezz tas-sorveljanza tal-persuni kkonċernati u l-għoti ta’ faċilitajiet xierqa għal dak l-iskop.

    TAQSIMA IV

    SPEJJEŻ

    Artikolu 12

    Trasport u spejjeż tat-tranżitu

    L-ispejjeż kollha tat-trasport magħmula in konnessjoni ma’ l-operazzjonijiet ta’ riammissjoni u tranżitu skond dan il-Ftehim sal-fruntiera ta’ l-Istat tad-destinazzjoni finali għandhom jitħallsu mill-Istat li jagħmel it-Talba, kif ukoll l-ispejjeż ta’ trasport u ta’ manteniment ta’ l-Istat Mitlub fir-rigward tar-ritorn ta’ persuni skond l-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim. Dan għandu jkun mingħajr ħsara għad-dritt ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u l-Ukraina li jirkupraw tali spejjeż mingħand il-persuna kkonċernata jew terzi persuni.

    TAQSIMA V

    IL-PROTEZZJONI TAD-DATA U L-KLAWŻOLA TA’ NUQQAS TA’ EFFETT

    Artikolu 13

    Il-Protezzjoni tad-data

    1.   Il-komunikazzjoni ta’ data personali għandha sseħħ biss jekk komunikazzjoni bħal din hija meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Ukraina jew Stat Membru skond il-każ. Meta ssir komunikazzjoni, proċessar jew trattament ta’ data personali f’każ partikolari, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Ukraina għandhom jirrispettaw il-liġi rilevanti ta’ l-Ukraina, u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE u l-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru adottati skond din id-Direttiva.

    2.   Għandhom japplikaw ukoll il-prinċipji li ġejjin:

    (a)

    id-data personali għandha tiġi pproċessata b’mod ġust u legali;

    (b)

    id-data personali għandha tinġabar għall-għan speċifiku, espliċitu u leġittimu ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u ma tistax terġa’ tiġi pproċessata mill-awtorità li tkun qed tikkomunika u lanqas mill-awtorità li tkun qed tirċievi b’mod li ma jkunx jaqbel ma’ dan il-għan;

    (ċ)

    id-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva b’relazzjoni ma’ l-għan li għalih tinġabar u/jew tkun ipproċessata aktar; partikolarment, data personali komunikata tista’ tikkonċerna biss dan li ġej:

    (i)

    id-dettalji tal-persuna li ser tiġi trasferita (l-ismijiet mogħtija, il-kunjom, ismijiet oħra użati/li bihom hija magħrufa jew psewdonimi, is-sess, l-istat ċivili, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità attwali u kwalunkwe nazzjonalità preċedenti);

    (ii)

    il-passaport, il-karta ta’ l-identità jew il-liċenzja tas-sewqan u identifikazzjonijiet oħra jew dokumenti ta’ l-ivvjaġġar (in-numru, il-perjodu ta’ validità, id-data tal-ħruġ, l-awtorità li ħarġitu, il-post tal-ħruġ);

    (iii)

    waqfiet u itinerarji;

    (iv)

    informazzjoni oħra li tkun meħtieġa biex tiġi identifikata l-persuna li tkun ser tiġi trasferita jew biex jiġu eżaminati r-rekwiżiti tar-riammissjoni skond dan il-Ftehim;

    (d)

    id-data personali għandha tkun eżatta u, fejn meħtieġ, miżmuma aġġornata.

    (e)

    id-data personali għandha tinżamm b’mod li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli hu meħtieġ għall-għan li għalih id-data ġiet miġbura jew li għalih qed tiġi pproċessata aktar;

    (f)

    kemm l-awtorità li tikkomunika u kif ukoll l-awtorità li tkun qed tirċievi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw kif ikun xieraq ir-rettifika, it-tħassir jew it-twaqqif ta’ data personali fejn l-ipproċessar ma jkunx jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari minħabba l-fatt li d-data ma tkunx adegwata, rilevanti, preċiża, jew tkun eċċessiva fir-rigward ta’ l-iskop ta’ l-ipproċessar. Din tinkludi n-notifika ta’ kwalunkwe rettifika, tħassir jew twaqqif lill-Parti Kontraenti l-oħra;

    (g)

    fuq talba, l-awtorità li tirċievi għandha tinforma lill-awtorità li tikkomunika bl-użu tad-data kkomunikata u bir-riżultati miksuba minnhom;

    (h)

    id-data personali tista’ tiġi kkomunikata biss lill-awtoritajiet kompetenti. Komunikazzjoni ulterjuri lill-korpi oħra tinħtieġ il-kunsens bil-quddiem ta’ l-awtorità li tkun qed tikkomunika;

    (i)

    l-awtoritajiet li jikkomunikaw u li jirċievu huma obbligati li jagħmlu reġistrazzjoni bil-miktub tal-komunikazzjoni u ta’ l-irċevuta tad-data personali.

    Artikolu 14

    Klawżola ta’ nuqqas ta’ effett

    1.   Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr ħsara għad-drittijiet, l-obbligazzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-Komunità, l-Istati Membri u l-Ukraina taħt il-Liġi Internazzjonali u, b’mod partikolari, taħt kwalunkwe Konvenzjoni jew ftehim Internazzjonali applikabbli li fihom huma parti, inklużi dawk li għalihom hemm referenza fil-Preambolu.

    2.   Xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jfixkel ir-ritorn ta’ persuna taħt arranġamenti formali jew informali oħra.

    TAQSIMA VI

    IMPLIMENTAZZJONI U APPLIKAZZJONI

    Artikolu 15

    Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni

    1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu lil xulxin assistenza reċiproka fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Għal dan il-għan, huma għandhom iwaqqfu kumitat konġunt tar-riammissjoni (aktar l-isfel indikat bħala “il-kumitat”), li għandu jkollu l-ħidmiet u l-kompetenzi li ġejjin:

    (a)

    li jimmonitorja l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u jkollu skambji regolari ta’ informazzjoni dwar il-Protokolli ta’ implimentazzjoni mfassla mill-Istat Membri individwali u l-Ukraina skond l-Artikolu 16.

    (b)

    li jipprepara proposti u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal emendi għal dan il-Ftehim;

    (ċ)

    li jiddeċiedi fuq l-implimentazzjoni ta’ l-arranġamenti li jkunu meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi ta’ dan il-Ftehim;

    2.   Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat għandhom jorbtu lill-Partijiet Kontraenti.

    3.   Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità u l-Ukraina; il-Komunità għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni, megħjuna minn esperti mill-Istati Membri.

    4.   Il-Kumitat għandu jiltaqa’ meta meħtieġ fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti.

    5.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

    Artikolu 16

    Protokolli ta’ implimentazzjoni

    1.   L-Ukraina u Stat Membru jistgħu jabbozzaw Protokolli ta’ implimentazzjoni li għandhom ikopru regoli fuq:

    (a)

    in-nominazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti;

    (b)

    il-postijiet ta’ qsim il-fruntiera għat-trasferiment ta’ persuni;

    (ċ)

    il-mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti;

    (d)

    il-modalitajiet tar-ritorn taħt il-proċedura mgħaġġla;

    (e)

    il-kundizzjonijiet ta’ ritorni bi skorta ta’ persuni, inkluż it-tranżitu bi skorta ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat;

    (f)

    il-mezzi u d-dokumenti addizzjonali sabiex dan il-Ftehim jiġi implimentat;

    (g)

    il-modi u l-proċeduri sabiex jiġu rkuprati l-ispejjeż in konnessjoni ma’ l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 12 ta’ dan il-Ftehim.

    2.   Il-protokolli ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jidħlu fis-seħħ biss wara li l-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 15 ikun ġie notifikat.

    3.   L-Ukraina taqbel li kwalunkwe dispożizzjoni li tirrigwarda l-paragrafu 1 d), e), f) jew g) ta’ Protokoll ta’ implimentazzjoni abbozzat ma’ Stat Membru għandha tiġi applikata wkoll fir-relazzjonijiet tagħha ma’ kwalunkwe Stat Membru ieħor fuq talba ta’ dan ta’ l-aħħar.

    Artikolu 17

    Relazzjoni mal-ftehim ta’ riammissjoni bilaterali ta’ l-Istati Membri

    1.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom jieħdu l-preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehim bilaterali jew strument ieħor li jorbot legalment dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li ġie jew jista’ jiġi konkluż, taħt l-Artikolu 16, bejn Stati Membri individwali u l-Ukraina, dan sakemm id-dispożizzjonijiet ta’ dan ta’ l-aħħar ma jaqblux ma’ dawk ta’ dan il-Ftehim.

    2.   Id-dispożizzjonijiet għar-riammissjoni ta’ persuni mingħajr stat u ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ ftehim bilaterali jew strumenti oħra li jorbtu legalment li kienu ġew konklużi bejn Stati Membri individwali u l-Ukraina għandhom jibqgħu japplikaw matul il-perjodu ta’ sentejn imsemmi fl-Artikolu 20 (3).

    TAQSIMA VII

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 18

    Applikazzjoni territorjali

    1.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju li fih japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u għat-territorju ta’ l-Ukraina.

    2.   Dan il-Ftehim m’għandux japplika għat-territorju tar-Renju tad-Danimarka.

    Artikolu 19

    Emendi għall-Ftehim

    Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat u supplimentat bil-kunsens reċiproku tal-Partijiet Kontraenti. L-emendi u ż-żidiet għandhom jiġu abbozzati fil-forma ta’ protokolli separati, li għandhom jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim, u jidħlu fis-seħħ skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 20 ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 20

    Dħul fis-seħħ, terminu ta’ żmien u tmiem

    1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti skond il-proċeduri rispettivi tagħhom.

    2.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri li għalihom saret referenza fl-1 paragrafu jkunu ġew konklużi.

    3.   L-obbligazzjonijiet imfissra fl-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim għandhom jibdew japplikaw biss sentejn wara d-data msemmija fit-2 paragrafu ta’ dan l-Artikolu. Matul dak il-perjodu ta’ sentejn, għandhom japplikaw biss għall-persuni mingħajr stat u ċittadini minn pajjiżi terzi li magħhom l-Ukraina kkonkludiet trattati bilaterali jew arranġamenti dwar ir-riammissjoni. Kif jistipula l-Artikolu 17 (2), id-dispożizzjonijiet għar-riammissjoni ta’ persuni mingħajr stat u ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ ftehim bilaterali jew strumenti oħra li jorbtu legalment li kienu ġew konklużi bejn Stati Membri individwali u l-Ukraina għandhom jibqgħu japplikaw matul dan il-perjodu ta’ sentejn.

    4.   Dan il-Ftehim huwa konkluż għal żmien mhux limitat.

    5.   Kull waħda mill-Partijiet tista’ toħroġ minn dan il-Ftehim billi tinnotifika b’mod uffiċjali lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jiġi mwaqqaf sitt xhur wara d-data ta’ din in-notifika.

    Artikolu 21

    Annessi

    L-Anness 1 sat-8 għandhom jagħmlu parti integrali minn dan il-Ftehim.

    Magħmul fil-Lussemburgu, fit-tmintax-il jum ta’ Ġunju tas-sena elfejn u sebgħa f’żewġ kopji bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Iżvediż u l-Ukrain, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

    За Европейската общност

    Por la Comunidad Europea

    Za Evropské společenství

    For Det Europæiske Fællesskab

    Für die Europäische Gemeinschaft

    Euroopa Ühenduse nimel

    Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

    For the European Community

    Pour la Communauté européenne

    Per la Comunità europea

    Eiropas Kopienas vārdā

    Europos bendrijos vardu

    az Európai Közösség részéről

    Għall-Komunitá Ewropea

    Voor de Europese Gemeenschap

    W imieniu Wspólnoty Europejskiej

    Pela Comunidade Europeia

    Pentru Comunitatea Europeană

    Za Európske spoločenstvo

    Za Evropsko skupnost

    Euroopan yhteisön puolesta

    På Europeiska gemenskapens vägnar

    3a Євролейське Спiвтовaриство

    Image

    Image

    За Украйиа

    Por Ucrania

    Za Ukrajinu

    For Ukraine

    Für die Ukraine

    Ukraina nimel

    Για την Ουκρανία

    For Ukraine

    Pour l’Ukraine

    Per l’Ucraina

    Ukrainas vārdā

    Ukrainos vardu

    Ukrajna részéről

    Għall-Ukrajna

    Voor Oekraïne

    W imieniu Ukrainy

    Pela Ucrânia

    Pentru Ucraina

    Za Ukrajinu

    Za Ukrajino

    Ukrainan puolesta

    På Ukrainas vägnar

    За Υκραїиу

    Image


    ANNESS 1

    LISTA KOMUNI TA’ DOKUMENTI DWAR IN-NAZZJONALITÀ

    (Artikolu 6 (1) (a))

    passaporti ta’ kull tip (passaporti nazzjonali, passaporti diplomatiċi, passaporti tas-servizz, passaporti kollettivi u passaporti alternattivi inklużi l-passaporti tat-tfal);

    karti ta’ l-identità nazzjonali (inklużi dawk temporanji u proviżorji);

    kotba tas-servizz militari u karti ta’ l-identità militari;

    kotba tar-reġistrazzjoni tal-baħħara, karti tas-servizz tal-kaptani u passaporti tal-baħħara;

    ċertifikati taċ-ċittadinanza u dokumenti uffiċjali oħra li jsemmu jew jindikaw iċ-ċittadinanza.


    ANNESS 2

    LISTA KOMUNI TA’ DOKUMENTI DWAR IN-NAZZJONALITÀ

    (Artikolu 6 (1) (b))

    fotokopji ta’ kwalunkwe mid-dokumenti elenkati fl-Anness 1 ta’ dan il-Ftehim;

    liċenzji tas-sewqan jew fotokopji tagħhom;

    ċertifikati tat-twelid jew fotokopji tagħhom;

    karti ta’ l-identità tal-kumpanija jew fotokopji tagħhom;

    dikjarazzjonijiet mix-xhieda;

    dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuna kkonċernata u l-lingwa mitkellma minnu jew minnha, inklużi r-riżultati ta’ kwalunkwe test uffiċjali magħmul sabiex tiġi stabbilita n-nazzjonalità tal-persuna. Għal finijiet ta’ dan l-Anness, it-terminu “test uffiċjali” għandu t-tifsira ta’ test kummissjonat jew magħmul mill-awtoritatjiet ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba u validat mill-Istat Mitlub;

    kwalunkwe dokument ieħor li jista’ jgħin sabiex tiġi stabbilita n-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata.


    ANNESS 3

    LISTA KOMUNI TA’ DOKUMENTI DWAR ĊITTADINI TA’ PAJJIŻI TERZI U PERSUNI MINGĦAJR STAT

    (Artikolu 7(1))

    ANNESS 3A

    dikjarazzjonijiet uffiċjali magħmula għall-finijiet tal-proċedura mgħaġġla, b’mod partikolari, mill-istaff awtorizzat ta’ l-awtorità tal-fruntiera li jistgħu jixhdu dwar il-persuna kkonċernata li taqsam il-fruntiera direttament mill-Istat Mitlub għat-territorju ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba;

    biljetti bl-isem tat-traġitti bl-ajru, bil-ferrovija, bil-kowċ jew b’bastiment, li jixhdu l-preżenza u l-itinerarju tal-persuna kkonċernata mit-territorju ta’ l-Istat Mitlub direttament għat-territorju ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba (jew l-Istati Membri jekk l-Istat Mitlub ikun l-Ukraina);

    listi ta’ passiġġieri ta’ traġitti bl-ajru, bil-ferrovija, bil-kowċ jew b’bastiment li jixhdu l-preżenza u l-itinerarju tal-persuna kkonċernata mit-territorju ta’ l-Istat Mitlub direttament għat-territorju ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba (jew l-Istati Membri jekk l-Istat Mitlub ikun l-Ukraina);

    ANNESS 3B

    dikjarazzjonijiet uffiċjali magħmula, b’mod partikolari, mill-istaff ta’ l-awtorità tal-fruntiera ta’ l-Istat li jagħmel it-Talba u xhieda oħrajn li jistgħu jixhdu dwar il-persuna kkonċernata li taqsam il-fruntiera;

    dokumenti, ċertifikati u kontijiet ta’ kull tip (eż. kontijiet tal-lukanda, karti ta’ appuntamenti mat-tabib/dentist, karti tad-dħul f’istituzzjonijiet pubbliċi/privati, skritturi ta’ kiri ta’ vettura, riċevuti ta’ karta ta’ kreditu eċċ.) li juru b’mod ċar li l-persuna kkonċernata kienet fit-territorju ta’ l-Istat Mitlub;

    informazzjoni li turi li l-persuna kkonċernata użat is-servizzi ta’ kurrier jew aġenzija ta’ l-ivvjaġġar;

    dikjarazzjoni uffiċjali tal-persuna kkonċernata fi proċeduri ġudizzjari jew amministrattivi;


    ANNESS 4

    LISTA KOMUNI TA’ DOKUMENTI DWAR ĊITTADINI TA’ PAJJIŻI TERZI U PERSUNI MINGĦAJR STAT

    (Artikolu 7(2))

    ANNESS 4A

    viża valida u/jew awtorizzazzjoni ta’ residenza maħruġa mill-Istat Mitlub;

    timbri tad-dħul/ħruġ jew approvazzjoni simili ta’ dokument ta’ l-ivvjaġġar tal-persuna kkonċernata jew provi oħra tad-dħul/ħruġ;

    ANNESS 4B

    Fotokopji ta’ kwalunkwe mid-dokumenti elenkati fl-Anness 4a.


    ANNESS 5

    Image

    Image

    Image


    ANNESS 6

    Image

    Image


    ANNESS 7

    DOKUMENT TA’ L-IVVJAĠĠAR STANDARD TA’ L-UE GĦAL SKOPIJIET TA’ TKEĊĊIJA

    (Skond il-forma stipulata fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ l-UE tat-30 ta’ Novembru 1994)


    ANNESS 8

    ĊERTIFIKAT TA’ RITORN UKRAIN


    DIKJARAZZJONI TA’ L-UKRAINA

    “Dokument ta’ l-ivvjaġġar” għandu jfisser dokument validu għas-safar maħruġ mill-Ukraina, wieħed mill-Istati Membri jew l-istat taċ-ċittadinanza jew tar-residenza permanenti tal-persuna li għandha tiġi riammessa.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIRRIGWARDA L-ARTIKOLU 2(1)

    Il-Partijiet Kontraenti jinnotaw li, skond il-liġijiet tan-nazzjonalità ta’ l-Ukraina u ta’ l-Istati Membri, m’huwiex possibbli li ċittadin ta’ l-Ukraina jew ta’ l-UE jiġi mċaħħad min-nazzjonalità tiegħu jew tagħha mingħajr ma jassumi nazzjonalità oħra.

    Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jikkonsultaw lil xulxin fi żmien xieraq, fil-każ li din is-sitwazzjoni legali tinbidel.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA LID-DANIMARKA

    Il-Partijiet Kontraenti jinnotaw li dan il-Ftehim ma japplikax għat-territorju tar-Renju tad-Danimarka, u lanqas ma japplika għaċ-ċittadini tar-Renju tad-Danimarka. F’ċirkostanzi bħal dawn huwa xieraq li l-Ukraina u d-Danimarka jikkonkludu ftehim ta’ riammissjoni fl-istess termini ta’ dan il-Ftehim.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA L-IŻLANDA U N-NORVEĠJA

    Il-Partijiet Kontraenti jinnotaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn il-Komunità Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja, partikolarment bis-saħħa tal-Ftehim tat-18 ta’ Mejju 1999 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen. F’ċirkostanzi bħal dawn huwa xieraq li l-Ukraina tikkonkludi man-Norveġja u l-Iżlanda ftehim ta’ riammissjoni fl-istess termini ta’ dan il-Ftehim.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR GĦAJNUNA TEKNIKA U FINANZJARJA

    Iż-żewġ partijiet jaqblu li jimplimentaw dan il-Ftehim skond il-prinċipji ta’ responsabbiltà konġunta, solidarjetà u sħubija ugwali fil-ġestjoni tal-flussi migratorji bejn l-Ukraina u l-UE.

    F’dan il-kuntest il-KE hija impenjata li tagħmel disponibbli r-riżorsi finanzjarji sabiex l-Ukraina tiġi megħjuna fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Fit-twettiq ta’ dan, għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tkabbir tal-kapaċità. Din l-għajnuna għandha tiġi pprovduta fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali ta’ l-għajnuna lill-Ukraina, bħala parti mill-iffinanzjar ġenerali ta’ l-Ukraina u b’konformità sħiħa mar-regoli u l-proċeduri rilevanti ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna esterna tal-KE.

    Top