EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0697

2007/697/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Ottubru 2007 li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5095)

ĠU L 284, 30.10.2007, p. 27–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013: This act has been changed. Current consolidated version: 25/02/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/697/oj

30.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 284/27


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Ottubru 2007

li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5095)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(2007/697/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1) u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ l-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Jekk l-ammont ta’ demel li Stat Membru bi ħsiebu japplika għal kull ettaru fis-sena huwa differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat sabiex ma jippreġudikax il-kisba ta’ l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva u għandu jkun ġustifikat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, bħalma huma, fil-każ attwali, staġuni twal ta’ tkabbir u għelejjel b’rata ta’ assorbiment tan-nitroġenu għolja.

(2)

Fit-12 ta’ Novembru 2004, l-Irlanda ressqet talba lill-Kummissjoni għal deroga skond it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE. Fit-18 ta’ Ottubru 2006 tressqet talba aġġornata, ibbażata fuq ir-Regolament rivedut tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-2006 (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien ta’ l-Ilmijiet) (Strument statutorju nru 378 ta’ l-2006).

(3)

Id-deroga mitluba tikkonċerna l-intenzjoni ta’ l-Irlanda li tawtorizza l-applikazzjoni ta’ 250 kg nitroġenu fuq kull ettaru fis-sena mid-demel tal-bhejjem f’farms b’talanqas 80 % ta’ art bil-mergħat. Huma potenzjalment koperti mid-deroga massimu ta’ 10 000 azjenda agrikola tal-bhejjem ta’ l-ifrat fl-Irlanda li jirrappreżentaw 8 % ta’ l-azjendi totali, 8 % ta’ Raba’ Maħdum u 20 % ta’ Unitajiet tal-Bhejjem.

(4)

Il-leġislazzjoni Irlandiża li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE, ir-Regolament tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-2006 (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien ta’ l-Ilmijiet) (Strument statutorju nru 378 ta’ l-2006), tapplika bl-istess mod għad-deroga mitluba.

(5)

Il-leġislazzjoni Irlandiża li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE tinkludi l-applikazzjoni ta’ rati ta’ fertilizzazzjoni massimi kemm għan-nitroġenu kif ukoll għall-fosfat. Dawn ir-rati ta’ fertilizzazzjoni massimi huma differenzjati fuq il-bażi tal-kontenut ta’ nitroġenu u ta’ fosfat u għalhekk, iqisu l-kontribut ta’ nitroġenu u fosfat mill-ħamrija.

(6)

It-Tielet Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati fl-Irlanda u r-rapporti reċenti ta’ l-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent imressqa lill-Kummissjoni, li jkopru l-perjodu 2001-2003, juru li l-konċentrazzjoni medja ta’ nitrati rreġistrata fl-ilma tal-pjan hija ta’ l-ordni ta’ 2.5 mg/L N u ġew irreġistrati konċentrazzjonijiet ta’ nitrati ‘l fuq minn 50 mg/L f’massimu ta’ 2 % tal-punti ta’ teħid ta’ kampjuni. Id-dejta dwar il-kwalità ta’ l-ilma fix-xmajjar għall-perjodu 2000-2003, turi li l-valur medju għan-nitrati fl-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ “Eurowaternet” hu 6.9 mg/L.

(7)

70 % tal-punti ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma tal-pjan urew tendenza ‘l isfel jew stabbli fil-konċentrazzjoni ta’ nitrati; ix-xmajjar irreġistraw kwalità ogħla fl-2001-2003 meta mqabbla mal-perjodu ta’ rappurtar ta’ qabel (1995-1997) u reġġgħu lura t-tnaqqis tal-kwalità ta’ l-ilma, li ilha tiġi rreġistrata mill-aħħar snin tat-Tmeninijiet. Ġie osservat ukoll tnaqqis ta’ lagi ipertrofiċi.

(8)

L-Irlanda, f’konformità ma’ l-Artikolu 3, paragrafu 5, tad-Direttiva 91/676/KEE, tapplika programm ta’ azzjoni fit-territorju kollu tagħha skond ir-Regolament tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-2006 (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien ta’ l-Ilmijiet) (Strument statutorju nru 378 ta’ l-2006).

(9)

L-għadd ta’ bhejjem u l-użu ta’ fertilizzanti kimiċi naqsu fl-aħħar għaxar snin. Matul il-perjodu 1997-2004 naqas l-għadd ta’ bhejjem ta’ l-ifrat, qżieqeż u nagħaġ b’7 %, 3 % u 17 %, rispettivament. Il-piż medju ta’ nitroġenu mid-demel tal-bhejjem fl-2004 kien ta’ 103 kg/ha, bi tnaqqis notevoli meta mqabbel mal-140 kg/ha ta’ l-1998. Il-piż medju ta’ fosfru (P) kien ta’ 16 kg/ha. L-użu ta’ fertilizzant kimiku bin-nitroġenu naqas b’21 % matul il-perjodu bejn l-1999 u l-2005 u l-użu ta’ fertilizzant bil-fosfat naqas b’37 % matul il-perjodu bejn l-1995 u l-2005.

(10)

Fl-Irlanda, disgħin fil-mija tar-raba’ huwa ddestinat għar-ragħa li fih jippredominaw tipi ta’ mergħat adatti sew għall-produzzjoni tal-mergħat. Fuq livell ġenerali, fil-farms bil-mergħat, 47 % ta’ l-art hija maħduma estensivament u għalhekk, għandha densità ta’ bhejjem relattivament baxxa u ammont baxx minn fertilizzanti, 36 % tinħadem skond il-programmi agroambjentali (Skema għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent Rurali, skema REP) u 7 % biss ta’ l-art tinħadem intensivament; 10 % tintuża għat-tħaddim tar-raba’. L-użu medju ta’ fertilizzant kimiku fuq mergħat huwa 82 kg/ha nitroġenu u 7.6 kg/ha fosfru.

(11)

Il-klima Irlandiża, ikkaratterizzata minn kwantità annwali ta’ xita mqassma ndaqs matul is-sena u skala ta’ temperatura annwali dejqa, tippromwovi staġun twil ta’ tkabbir ta’ mergħat li jibda minn 330 jum fis-sena fil-parti tal-Lbiċ sa madwar 250 jum fis-sena fil-parti tal-Grigal.

(12)

Id-dokumenti tekniċi u xjentifiċi li tressqu fin-notifika Irlandiża juru li l-proposta għal ammont ta’ 250 kg għal kull ettaru fis-sena ta’ nitroġenu minn demel tal-bhejjem li jirgħu f’farms b’talanqas 80 % ta’ mergħat hija ġustifikata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi bħalma huma staġuni twal tat-tkabbir u għelejjel b’rata ta’ assorbiment tan-nitroġenu għolja.

(13)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-ammont ta’ demel mitlub mill-Irlanda mhuwiex se jippreġudika l-kisba ta’ l-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, jekk jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet stretti.

(14)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata b’konnessjoni mal-programm ta’ azzjoni ta’ l-Irlanda, ir-Regolament tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-2006 (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien ta’ l-Ilmijiet) (Strument statutorju nru 378 ta’ l-2006).

(15)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Tingħata d-deroga mitluba mill-Irlanda permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ottubru 2006, bil-għan li jiġi permess ammont ogħla ta’ demel tal-bhejjem minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

“Farms bil-mergħat” tfisser azjendi fejn 80 % jew aktar taż-żona tar-raba’ disponibbli għall-għoti tad-demel hija mergħa;

(b)

“Bhejjem li jirgħu” tfisser bhejjem ta’ l-ifrat (għajr għall-għoġiela tal-vitella), nagħaġ, ċriev, mogħoż u żwiemel;

(ċ)

“Mergħa” tfisser art permanentement jew temporanjament bil-ħaxix (temporanjament timplika perjodu ta’ erba’ snin jew anqas).

Artikolu 3

Ambitu ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapplika każ b’każ u f’kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4, 5 u 6 għall-farms bil-mergħat.

Artikolu 4

Awtorizzazzjoni u impenn annwali

1.   Il-bdiewa li jridu jibbenefikaw minn deroga għandhom iressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kull sena.

2.   Flimkien ma’ l-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintrabtu bil-miktub li se jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 u 6.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiggarantixxu li l-applikazzjonijiet kollha għal deroga jitressqu għal kontroll amministrattiv. Meta l-kontroll imwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali għall-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 juri li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikoli 5 u 6 mhumiex sodisfatti, l-applikant għandu jkun infurmat minnufih. F’dan il-każ, l-applikazzjoni għandha titqies miċħuda.

Artikolu 5

Applikazzjoni tad-demel u fertilizzanti oħra

1.   L-ammont ta’ demel mill-bhejjem li ġej minn bhejjem li jirgħu li jingħata fis-sena f’art ta’ farms bil-mergħat, inkluż dak mill-bhejjem stess, ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ demel li jkun fih 250 kg nitroġenu għal kull ettaru, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7.

2.   L-ammonti totali tan-nitroġenu ma għandhomx jaqbżu d-domanda mbassra għan-nutrienti ta’ l-għalla u jqisu l-provvista mill-ħamrija. L-applikazzjoni totali tan-nitroġenu għandha tkun differenzjat a fuq il-bażi tad-densità ta’ bhejjem u l-produttività tal-mergħat.

3.   Kull farm għandu jżomm pjan ta’ fertilizzazzjoni b’deskrizzjoni tat-tinwib tar-raba’ u l-għoti ppjanat ta’ demel u fertilizzanti kimiċi tan-nitroġenu u tal-fosfat. Għandu jkun disponibbli fil-farm sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu.

Il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

l-għadd ta’ bhejjem ħajjin, deskrizzjoni tas-sistema ta’ kif jinżammu u jinħażnu, inkluż il-volum disponibbli għall-ħżin tad-demel;

(b)

kalkolu tan-nitroġenu (li minnu jitnaqqas kwalunkwe telf fiż-żamma u l-ħażna) u l-fosfru mid-demel li jiġi prodott fil-farm;

(ċ)

it-tinwib u r-raba’ li jintuża għal kull għalla, flimkien ma’ tpinġija ta’ mappa fejn huma indikati l-għelieqi u fejn jinsabu;

(d)

ir-rekwiżiti prevedibbli li jkollhom l-għelejjel f’termini ta’ nitroġenu u ta’ fosfru;

(e)

l-ammont u t-tip ta’ demel li jingħata barra l-artijiet tal-farm u fil-farm;

(f)

ir-riżultati ta’ l-analiżi tal-ħamrija relatati ma’ l-istatus N u P tal-ħamrija, jekk hu l-każ;

(g)

l-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosfru mid-demel fuq kull għalqa (taqsimiet tal-farm li huma omoġenji f’dak li jirrigwarda ż-żrigħ u t-tip ta’ ħamrija);

(h)

l-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosfru b’fertilizzanti kimiċi kif ukoll fertilizzanti oħrajn fuq kull għalqa.

Il-pjanijiet għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiċi agrikoli sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn il-pjanijiet u l-prattiċi agrikoli attwali.

4.   Kull farm għandha tħejji kontijiet tal-fertilizzazzjoni, fosthom informazzjoni relatata mal-ġestjoni ta’ l-ilma bil-ħamrija. Dawn għandhom jitressqu lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja.

5.   Kull farm bil-mergħat li tibbenefika minn deroga individwali għandha taċċetta li l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 4, il-pjan ta’ fertilizzazzjoni u l-kontijiet tal-fertilizzazzjoni jkunu jistgħu jiġu suġġetti għal kontroll.

6.   Għandha titwettaq analiżi tan-nitroġenu u tal-fosfru fil-ħamrija għal kull farm li tibbenefika minn deroga individwali għallinqas kull erba’ snin għal kull żona omoġenja tal-farm, fir-rigward tat-tinwib u l-karatteristiċi tal-ħamrija. Għandha tinħtieġ analiżi waħda għal kull ħames ettari ta’ art.

7.   Ma jistax jingħata d-demel fil-ħarifa qabel il-koltivazzjoni tal-mergħa.

Artikolu 6

Ġestjoni ta’ l-artijiet

80 % jew aktar ta’ l-art disponibbli għall-għoti tad-demel fuq farms għandha tkun kkoltivata bħala mergħa. Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga individwali għandhom iwettqu l-miżuri li ġejjin:

(a)

mergħa temporanja għandha tinħarat fir-rebbiegħa;

(b)

il-mergħa li tinħarat fit-tipi kollha ta’ ħamrija għandha tiġi segwita minnufih b’għalla b’domanda ta’ nitroġenu għolja;

(ċ)

it-tinwib ma għandux jinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jassimilaw in-nitroġenu atmosferiku. Madankollu, dan mhux se japplika għas-silla f’mergħa b’inqas minn 50 % ta’ silla u għaċ-ċereali u l-piżelli li jinżergħu flimkien fil-mergħa.

Artikolu 7

Miżuri oħra

L-Irlanda għandha tiggarantixxi li l-użu tad-deroga għandha tkun bla ħsara għall-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma’ leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarja oħra.

Artikolu 8

Monitoraġġ

1.   L-awtorità kompetenti għandha tħejji u taġġorna kull sena l-mapep li juru l-perċentwal ta’ farms bil-mergħat, il-perċentwal ta’ bhejjem u l-perċentwal ta’ raba’ kopert minn deroga individwali f’kull Kontea. Kull sena, dawk il-mapep għandhom jitressqu lill-Kummissjoni u, għall-ewwel darba, sa l-1 ta’ Marzu 2008.

2.   Il-monitoraġġ tal-farms, li huma koperti sew mill-programm ta’ azzjoni sew mid-deroga, għandhom isiru f’ilqugħ agrikoli għall-monitoraġġ kif stabbilit mill-programm ta’ azzjoni Irlandiż. L-ilqugħ ta’ monitoraġġ ta’ referenza għandhom jirrappreżentaw it-tipi differenti ta’ ħamrija, il-livelli ta’ intensità u l-prattiċi ta’ fertilizzazzjoni.

3.   Stħarriġ u analiżi kontinwi tan-nutrienti għandhom jipprovdu d-dejta dwar l-użu lokali tar-raba’, it-tinwib u l-prattiċi agrikoli fuq farms li jibbenefikaw minn derogi individwali. Dik id-dejta tista’ tintuża għal kalkoli bbażati fuq mudelli tal-kobor tal-lissija tan-nitrati u tat-telf tal-fosfru minn għelieqi fejn jiġi applikat sa 250 kg nitroġenu għall kull ettaru fis-sena f’demel minn bhejjem li jirgħu.

4.   Il-monitoraġġ ta’ l-ilma tal-pjan tal-wiċċ, l-ilma tal-ħamrija, l-ilma tad-dranaġġ u nixxiegħat f’farms li huma fil-punti ta’ lqugħ agrikoli ta’ monitoraġġ għandhom jipprovdu d-dejta dwar il-konċentrazzjoni ta’ nitrati u fosfru fl-ilma li jħalli ż-żona ta’ l-għeruq u jidħol fl-ilma tal-pjan u fl-ilma tal-wied.

5.   Monitoraġġ ta’ l-ilma aktar bir-reqqa għandu jitwettaq għall-ilqugħ agrikoli li jinsabu qrib lagi l-aktar vulnerabbli u ħażniet ta’ ilma ta’ taħt l-art (akwiferi) partikolarment vulnerabbli.

6.   Għandu jitwettaq studju sabiex, sa tmiem il-perjodu tad-deroga, tinġabar l-informazzjoni xjentifika dettaljata dwar is-sistemi ta’ mergħat għal użu intensiv fl-Irlanda. Dan l-istudju għandu jiffoka fuq il-lissija tan-nitrati f’sistemi ta’ produzzjoni intensivi ta’ ħalib u derivati minnu f’tipi ta’ ħamrija vulnerabbli (ramel u ħamrija mrammla) f’żoni rappreżentattivi.

Artikolu 9

Kontrolli

1.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi tal-farms kollha li jibbenefikaw minn deroga individwali għall-valutazzjoni tal-konformità mal-kwantità massima ta’ 250 kg nitroġenu mid-demel tal-bhejjem, għal kull ettaru fis-sena, mar-rati tal-fertilizazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosfru, u mal-kundizzjonijiet ta’ l-użu ta’ l-art.

2.   Għandu jkun stabbilit programm ta’ spezzjonijiet ta’ l-għelieqi bbażat fuq l-analiżi tar-riskju, riżultati tal-kontrolli tas-snin ta’ qabel u riżultati ta’ kontrolli każwali ġenerali tal-leġislazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE. L-ispezzjonijiet ta’ l-għelieqi għandhom ikopru talanqas 3 % tal-farms li jibbenefikaw minn deroga individwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 u 6.

Artikolu 10

Rappurtaġġ

1.   L-awtorità kompetenti għandha tressaq ir-riżultati tal-monitoraġġ lill-Kummissjoni kull sena, b’rapport konċiż dwar l-evoluzzjoni tal-kwalità ta’ l-ilma u l-prattika ta’ valutazzjoni. Ir-rapport għandu jagħti informazzjoni dwar kif titwettaq l-evalwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga permezz ta’ kontrolli fuq livell ta’ farms u għandu jinkludi informazzjoni dwar farms mhux konformi fuq il-bażi ta’ riżultati ta’ spezzjonijiet amministrattivi u fuq il-post. L-ewwel rapport għandu jitressaq sa Ġunju 2008 u wara, kull sena sax-xahar ta’ Ġunju.

2.   Ir-riżultati miksuba b’dan il-mod se jitqiesu mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ talba ġdida eventwali għal deroga.

Artikolu 11

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntest tal-programm ta’ azzjoni Irlandiż hekk kif implimentat fir-Regolament tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-2006 (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien ta’ l-Ilmijiet) (Strument statutorju nru 378 ta’ l-2006). Tiskadi fis-17 ta’ Lulju 2010.

Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Magħmula fi Brussell, 22 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1. Id-Diretiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).


Top