EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0020

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta' Diċembru 2006 li tikkonċerna l-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-implimentazzjoni ta' stħarriġ epidemjoloġiku u ta' miżuri ta' sorveljanza tal- bluetongue fil-kuntest tal-miżuri ta' emerġenza meħuda biex tiġi miġġielda din il-marda fil-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Olanda fl-2006 u fl-2007 (notifikat bid-dokument numru C(2006) 6968)

ĠU L 7, 12.1.2007, p. 41–43 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 7, 12.1.2007, p. 26–26 (BG, RO)
ĠU L 219M, 24.8.2007, p. 27–29 (MT)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/20(1)/oj

24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

27


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta' Diċembru 2006

li tikkonċerna l-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-implimentazzjoni ta' stħarriġ epidemjoloġiku u ta' miżuri ta' sorveljanza tal-bluetongue fil-kuntest tal-miżuri ta' emerġenza meħuda biex tiġi miġġielda din il-marda fil-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Olanda fl-2006 u fl-2007

(notifikat bid-dokument numru C(2006) 6968)

(It-testi bl-Olandiż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss huma awtentiċi)

(2007/20/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(2a) tagħha,

Billi:

(1)

Fit-tielet u r-raba' ġimgħat ta' Awissu 2006, ġew innutati tifqigħat tal-bluetongue fl-Olanda, il-Belġju, il-Ġermanja u Franza, f'żoni fejn ma kinux ġew innutati tifqigħat qabel. It-tfaċċar ta' din il-marda tista' tirrappreżenta riskju serju għall-popolazzjoni tal-bhejjem tal-Komunità.

(2)

Il-Kummissjoni adottat diversi deċiżjonijiet sabiex tiddemarka ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza u biex tistipola l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-movimenti ta' l-annimali minn dawn iż-żoni, u emendat id-Deċiżjoni 2005/393/KE (2) dwar iż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fir-rigward tal-bluetongue u l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-movimenti minn u ġewwa dawn iż-żoni. Dik id-Deċiżjoni ġiet emendata għall-aħħar darba mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/761/KE (3) sabiex tqis it-tifqigħat ta' dan l-aħħar imsemmija fil-premessa (1).

(3)

Sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-marda kemm jista' jkun malajr, il-Komunità għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għan-nefqa eliġibbli mġarrba mill-Olanda, il-Belġju, il-Ġermanja u Franza fil-kuntest tal-miżuri ta' emerġenza, kif previst fid-Deċiżjoni 90/424/KEE.

(4)

Jixraq li jiġu stabbiliti urġentement attivitajiet armonizzati ta' sorveljanza għall-bluetongue fl-Olanda, il-Belġju, il-Ġermanja u Franza.

(5)

Miżuri armonizzati u miżjuda għal sorveljanza ta' emerġenza ġew stabbiliti b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Olanda għall-kontroll ta' l-epidemija permezz tat-twettiq ta' stħarriġiet epidemjoloġiċi u miżuri ta' sorveljanza tal-mard, inklużi testijiet tal-laboratorju għas-sorveljanza seroloġika u viroloġika u sorveljanza entomoloġika.

(6)

L-awtoritajiet ta' l-Istati Membri milquta (il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Olanda) pprovdew evidenza ta' kooperazzjoni msaħħa sabiex jevitaw it-tixrid tal-marda permezz ta' miżuri ta' sorveljanza tal-bluetongue.

(7)

Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (4), il-miżuri veterinarji ta' emerġenza li jittieħdu skond ir-regoli Komunitarji għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija.. Għal raġunijiet ta' kontroll finanzjarju, għandhom japplikaw l-Artikoli 9, 36 u 37 ta' dak ir-Regolament.

(8)

Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-azzjonijiet ippjanati fil-fatt twettqu u li l-awtoritajiet jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa fiż-żmien stipulat.

(9)

Fl-ewwel ġimgħa ta' Novembru 2006, il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Olanda ressqu stima inizjali ta' l-ispejjeż li se jiġġarrbu għall-implimentazzjoni ta' stħarriġ epidemjoloġiku u miżuri ta' sorveljanza tal-bluetongue fil-kuntest tal-miżuri l-oħra ta' emerġenza li ttieħdu biex tiġi miġġielda l-marda. Din l-istima tal-miżuri ta' sorveljanza epidemjoloġika tammonta għal EUR 12 533 634.

(10)

Sakemm jitwettqu kontrolli fuq il-post mill-Kummissjoni, issa hu meħtieġ li jiġi ffissat l-ammont għall-ħlas ta' l-ewwel pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità. Dak l-ewwel pagament għandu jkun daqs 50 % tal-kontribuzzjoni tal-Komunità, stabbilit fuq il-bażi tan-nefqa eliġibbli stmata għall-miżuri ta' sorveljanza epidemjoloġika. Jixraq ukoll li jiġu ffissati l-ammonti massimi li għandhom jitħallsu lura għall-ispejjeż ta' ċerti testijiet użati fil-qafas ta' dawn il-miżuri.

(11)

L-awtoritajiet tal-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Olanda ssodisfaw l-obbligi tekniċi u amministrattivi kollha tagħhom fir-rigward tal-miżuri stipulati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE.

(12)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lill-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Olanda

1.   Fil-kuntest tal-miżuri ta' emerġenza meħuda biex tiġi miġġielda l-bluetongue fl-2006 u fl-2007, il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Olanda għandhom jiġu intitolati għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità li tammonta għal 50 % tan-nefqa mġarrba għall-ispejjeż tat-testijiet fil-laboratorju, għas-sorveljanza seroloġika u viroloġika u l-ispejjeż tas-sorveljanza entomoloġika, inkluż ix-xiri ta' nases.

2.   L-ammonti massimi ta' l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lura lill-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Olanda għal test ELISA għas-sorveljanza seroloġika msemmija fil-paragrafu 1 ma għandux jisboq EUR 2.5 għal kull test li jsir.

3.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha teskludi t-taxxa fuq il-valur miżjud.

Artikolu 2

Arranġamenti għall-ħlas

Soġġett għar-riżultati tal-kontrolli fuq il-post imwettqa skond l-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, l-ewwel pagament parzjali għandu jiġi mħallas bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità stipulata fl-Artikolu 1 għandu jitħallas kif ġej:

(a)

EUR 300 000 lill-Belġju;

(b)

EUR 2 200 000 lill-Ġermanja;

(ċ)

EUR 100 000 lil Franza;

(d)

EUR 25 000 lil-Lussemburgu;

(e)

EUR 165 000 lill-Olanda.

Il-pagament għandu jsir fuq il-bażi ta' dokumenti ta' appoġġ sottomessi mill-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Olanda li għandhom x'jaqsmu mat-testijiet fil-laboratorju għas-sorveljanza seroloġika, viroloġika u entomoloġika u max-xiri ta' nases, imsemmija fl-Artikolu 1(1).

Artikolu 3

Il-kundizzjonijiet għall-ħlas u d-dokumenti ta' appoġġ

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità kif imsemmija fl-Artikolu 1 għandha titħallas fuq il-bażi ta':

(a)

it-tressiq ta' rapport tekniku intermedju dwar l-eżekuzzjoni teknika tal-miżuri ta' sorveljanza, inklużi r-riżultati miksuba, matul il-perjodu mill-15 ta' Awissu 2006 sal-31 ta' Marzu 2007;

(b)

it-tressiq ta' rapport finanzjarju intermedju, f'għamla kompjuterizzata skond l-Anness, dwar l-ispejjeż imħallsa mill-Istat Membru matul il-perjodu mill-15 ta' Awissu 2006 sal-31 ta' Marzu 2007;

(ċ)

it-tressiq ta' rapport tekniku finali dwar l-eżekuzzjoni teknika tal-miżuri ta' sorveljanza, inklużi r-riżultati miksuba, matul il-perjodu mill-15 ta' Awissu 2006 sal-31 ta' Diċembru 2007;

(d)

it-tressiq ta' rapport finanzjarju finali, f'għamla kompjuterizzata skond l-Anness, dwar l-ispejjeż imħallsa mill-Istat Membru matul il-perjodu mill-15 ta' Awissu 2006 sal-31 ta' Diċembru 2007;

(e)

ir-riżultati ta' kwalunkwe kontrolli fuq il-post imwettqa skond l-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE.

Id-dokumenti msemmija fil-punti (a) sa (d) għandhom isiru disponibbli għall-kontrolli fuq il-post imsemmija fil-punt (e) imwettqa mill-Kummissjoni.

2.   Ir-rapport tekniku intermedju u r-rapport finanzjarju intermedju msemmija fil-paragrafu 1(a) u (b) għandhom jitressqu sa mhux iktar tard mill-31 ta' Mejju 2007. Jekk dak il-limitu ta' żmien ma jiġix irrispettat, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha titnaqqas b"25 % għal kull xahar kalendarju ta' dewmien.

3.   Ir-rapport tekniku finali u r-rapport finanzjarju finali msemmija fil-paragrafu 1(c) u (d) għandhom jitressqu sa mhux iktar tard mill-31 ta' Mejju 2008. Jekk dak il-limitu ta' żmien ma jiġix irrispettat, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha titnaqqas b"25 % għal kull xahar kalendarju ta' dewmien.

Artikolu 4

Id-destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju ta' l-Olanda.

Magħmul fi Brussell, 22 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1999, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2006/53/KE (ĠU L 29, 2.2.2006, p. 37).

(2)  ĠU L 130, 24.5.2005, p. 22. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 2006/761/KE (ĠU L 311, 10.11.2006, p. 51).

(3)  ĠU L 311, 10.11.2006, p. 51.

(4)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 320/2006 (ĠU L 58, 28.2.2006, p. 42).


ANNESS

Id-data msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) u (d)

L-ispejjeż imġarrba

Natura ta' l-azzjoni

Numru

Ammont (ma jinkludix il-VAT)

Testijiet ELISA

 

 

Testijiet PCR

 

 

Testijiet viroloġiċi oħra

 

 

Testijiet entomoloġiċi

 

 

Nases

 

 

It-total

 


Top