Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R0851

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 851/2006 tad- 9 ta' Ġunju 2006 li jispeċifika l-entrati li għandhom jiġu inklużi taħt id-diversi intestaturi fil-formoli tal-kontijiet murija fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1108/70 (Verżjoni kkodifikata) Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 158, 10.6.2006, p. 3–8 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 23–28 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/02/2023; Imħassar b' 32023R0144

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/851/oj

    1.12.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    23


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 851/2006

    tad-9 ta' Ġunju 2006

    li jispeċifika l-entrati li għandhom jiġu inklużi taħt id-diversi intestaturi fil-formoli tal-kontijiet murija fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1108/70

    (Verżjoni kkodifikata)

    (Test b’rilevanza ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1108/70 ta' l-4 ta' Ġunju 1970 li jintroduċi sistema ta' kontabilità għall-ispiża fuq l-infrastruttura fuq trasport bil-ferroviji, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (1), b'mod partikolari l-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2598/70 tat-18 ta’ Diċembru 1970 li jispeċifika l-entrati li għandhom jiġu inklużi taħt id-diversi intestaturi fil-formoli tal-kontijiet murija fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1108/70 ta' l-4 ta' Ġunju 1970 (2), ġie emendat (3) diversi drabi b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

    (2)

    Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-koordinazzjoni tax-xogħol meħtieġ mir-Regolament (KEE) Nru 1108/70. Il-Kummissjoni hija responsabbli b'mod partikulari sabiex tistabbilixxi liema entrati għandhom jiġu inklużi taħt id-diversi intestaturi fil-formoli tal-kontijiet murija fl-Anness I ta' dak ir-Regolament. Id-dispożizzjonijiet xierqa għandhom jiġu adottati sabiex jassiguraw li l-formoli tal-kontijiet ikunu applikati b'mod uniformi bejn id-diversi Stati Membri u l-mezzi differenti ta' trasport.

    (3)

    Il-passi li għandhom jittieħdu għandhom jinkludu kemm dak li jiġi definit fis-sens tal-kelma “infrastruttura”, billi jiġi speċifikat dwar kull mezz ta' trasport l-installazzjonijiet, il-bini u l-apparat li jaqa' taħt dik il-kelma, u billi jiġi speċifikat ix-xorta ta' spejjeż li għandhom jidħlu taħt id-diversi intestaturi fil-formoli tal-kontijiet,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-entrati li għandhom jiġu inklużi taħt id-diversi intestaturi fil-formoli tal-kontijiet murija fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru. 1108/70 għandhom jiġu stabbiliti skond l-Annessi I u II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2598/70 hu mħassar.

    Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 9 ta' Ġunju 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 130, 15.6.1970, p. 4. Regolament emendat l-aħħar mill-Att ta’ Adeżjoni 2003.

    (2)  ĠU L 278, 23.12.1970, p. 1. Regolament emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 906/2004 (ĠU L 163, 30.4.2004, p. 49).

    (3)  Ara l-Anness III.


    ANNESS I

    Definizzjoni u skop tal-kliem “Infrastruttura tat-Trasport”

    Għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1108/70, “infrastruttura tat-trasport” tfisser ir-rotot u l-installazzjonijiet fissi kollha tat-tliet mezzi ta' trasport, li jkunu rotot u installazzjonijiet neċessarji għaċ-ċirkolazzjoni u għas-sigurtà tat-traffiku.

    A.   FERROVIJI

    L-infrastruttura tal-ferroviji tikkonsisti fl-affarijiet segwenti, sakemm dawn jiffurmaw parti mil-linja permanenti, li tinkludi l-binarji ż-żgħar tal-ġenb tas-servizz, iżda teskludi l-linji li qegħdin fil-postijiet fejn jissewwew il-magni tal-ferrovija, fl-imħażen jew fl-imħażen lokomottivi, u branki ta' linji u binarji żgħar privati:

    Żona terrana;

    Il-linja tal-ferrovija u l-istruttura nnifisha, b'mod partikulari, l-imbankamenti, it-taħfir fl-art, il-kanali u fossi tad-drenaġġ, il-kanali ta' taħt il-ferrovija, il-ħitan li jgħattu dawn l-istrutturi, l-impjant ta' rampi fil-ġenb għall-protezzjoni eċċ.;

    pjattaformi għall-passiġġieri u għall-merkanzija;

    mogħdijiet erbgħa tal-mixi u mogħdijiet tal-mixi;

    il-ħitan li jservu għall-għeluq, sisien, ċnut;

    strippi ta' protezzjoni min-nar;

    l-apparat li jintuża' fil-postijiet ta' sħana; fejn il-linji tal-ferroviji jaqsmu ma' xulxin, eċċ.;

    paraventi ta' protezzjoni mill-borra;

    Strutturi ta' l-inġinerija:

    ponti, kanali li jaqsmu minn taħt il-ferroviji u mogħdijiet li jgħaddu minn fuq, mini, taħfir ta' l-art għoli u mogħdijiet oħra li jgħaddu minn taħt,

    ħitan li jservu għall-appoġġ, u strutturi għall-protezzjoni kontra l-valangi u l-ġebel li jaqa' eċċ.;

    Postijiet fejn il-linji tal-ferroviji jaqsmu ma' xulxin li jkunu fuq livell wieħed, li jinkludi l-apparat li jassigura s-sigurtà fit-traffiku tat-triq;

    Is-soprastruttura, b'mod partikolari:

    linji, linji spirali u ta' kontroll;

    travi ta' taħt il-linji u dawk li jżommu l-istruttura lonġitudinali, strutturi żgħar għall-mogħdija permanenti, saborra li tinkludi ż-żrar u r-ramel;

    punti, postijiet fejn il-linji tal-ferroviji jaqsmu ma' xulxin, eċċ.;

    l-istrutturi li jiddirezzjonaw il-linji u li jittraversaw (barra minn dawk li huma riżervati esklużivament għal-lokomottivi);

    Mezzi ta' aċċess għall-passiġġieri u l-merkanzija, inkluż l-aċċess bit-triq;

    Sigurtà, sinjalazzjoni u installazzjonijiet ta' telekomunikazzjoni fil-linji tal-ferrovija miftuħa, fl-istazzjonijiet u fil-wesgħa tal-ferroviji tal-merkanzija, inkluż l-impjant għal ġenerazzjoni, trasformazzjoni u distribuzzjoni tal-kurrent elettriku sabiex isiru s-sinjalazzjonijiet u t-telekomunikazzjonijiet;

    bini għal dawn l-installazzjonijiet u impjanti;

    brejkijiet fil-linji;

    Installazzjonijiet tad-dwal tat-traffiku u s-sigurtà;

    Impjant għat-trasformazzjoni u t-trasportazzjoni tal-kurrent elettriku minħabba t-trasport tal-merkanzija permezz tal-ferroviji: stazzjonijiet sussidjarji, provvista ta' kejbils bejn l-istazzjonijiet sussidjarji u l-fili tal-kuntatt, katenarji u appoġġ; it-tielet linja bl-appoġġ;

    Bini użat għad-dipartiment ta' l-infrastruttura, inkluż l-użu ta' parti għall-installazzjoni għall-ġabra tal-ħlas mitlub għat-trasport.

    B.   TOROQ

    L-infrastrutta fit-toroq tikkonsisti fl-affarijiet segwenti:

    Art;

    Xogħol fit-toroq qabel l-iċċangar:

    it-taħfir, iċ-ċnut, ix-xogħol tad-drenaġġ, eċċ.;

    l-appoġġ u l-mili tal-ħofor;

    Xogħol fil-pavimenti u xogħol anċillari:

    il-korsi tal-pavimenti, inkluż ix-xogħol magħmul fuqhom sabiex ma jgħaddix l-ilma minnhom, ix-xifer, ir-riżerva ċentrali, il-kanali ta' l-ilma u faċilitajiet oħra tad-drenaġġ, il-medda tat-triq għall-waqfien ta' emerġenza tal-vetturi u spazji oħra għal waqfien ta' emerġenza, l-ispazju fejn il-vetturi jistgħu jieqfu mingħajr ma jostakolaw it-traffiku u postijiet ta' l-ipparkjar fit-toroq miftuħin (fit-toroq għall-aċċess, ipparkjar u sinjali tat-traffiku), l-ispazji għall-ipparkjar f'postijiet żviluppati fuq art pubblika, it-tħawwil ta' xtieli u t-tiżjin tal-pajsaġġ, installazzjonijiet intenzjonati għas-sigurtà eċċ.;

    Strutturi ta' l-inġinerija:

    ponti, kanali li jaqsmu minn taħt, mogħdijiet li jgħaddu minn fuq, mini, strutturi għall-protezzjoni kontra l-valangi, ġebel li jaqa', paraventi ta' protezzjoni mill-borra eċċ.;

    Postijiet fejn it-toroq jiltaqgħu ma' xulxin fuq l-istess livell;

    Sinjali u senjalazzjoni tat-traffiku u stallazzjonijiet tat-telekomunikazzjoni;

    Installazzjonijiet tad-dawl;

    Installazzjonijiet li jiġbru l-ħlas, mijters ta' l-ipparkjar;

    Bini użat mid-dipartiment ta' l-infrastruttura.

    Ċ.   PASSAĠĠI FUQ L-ILMA INTERNI

    L-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni tikkonsisti fl-affarijiet segwenti:

    Art;

    Kanal (xogħlijiet ta' l-art, baċiri tal-kanali u kisi, sollijiet, ilqugħ, mogħdijiet dojoq, mogħdijiet ta' l-irmonk u toroq ta' servizz), protezzjoni tal-ġnub, akwadotti li jġorru l-kanali, siphons u kondotti, mini tal-kanali, baċiri ta' servizz użati esklussivament sabiex jingħataw kenn il-bastimenti;

    Xogħlijiet sabiex jitwaqqaf il-passaġġ għas-sigurtà, passaġġi għall-ilma miġbur biex jinżel bil-gravità, baċiri u ġibjuni li jaħżnu l-ilma li jżid u jirregola l-livell ta' l-ilma, strutturi li jikkontrollaw l-ilma, apparat li bih titkejjel it-tnixxija ta' l-ilma, reġistraturi tal-livelli u strumenti ta' twissija;

    Milqgħi jew digi (li huma mibnija matul il-qiegħ ta' xmara sabiex iżommu fond suffiċjenti ta' ilma għan-navigazzjoni u sabiex jirriduċu l-ħeffa tat-tnixxija ta' l-ilma billi joħolqu daqqiet u mezzi li jiddirezzjonaw l-ilma), strutturi assoċjati (slielem tal-ħut, kanali ta' soljev);

    Il-magħluq tal-kanali, liftijiet u pjanijiet inklinati, li jinkludu l-baċiri ta' stennija u l-baċiri għall-ekonomija ta' l-ilma;

    Apparat ta' l-irmiġġ u mollijiet ta' gwida (bagi ta' l-irmiġġ, dolphins, bitti ta' l-irmiġġ, bolards, rixtelli u oġġetti għall-protezzjoni);

    Pontijiet mobbli;

    Installazzjonijiet ta' bagi fil-kanali, sinjalazzjoni, sigurtà, telekomunikazzjoni u dawl;

    Installazzjoni ta' mezzi biex jiġi kkontrollat it-traffiku;

    Installazzjonijiet li jiġbru l-ħlas tat-tollijiet;

    Bini użat mid-dipartimenti ta' l-infrastruttura.


    ANNESS II

    Definizzjoni ta' l-ispiża li għandha tidħol fid-diversi intestaturi magħmula fil-formoli tal-kontijiet murija fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 1108/70

    A.   OSSERVAZZJONIJIET ĠENERALI

    1.

    L-ispiża li għandha titniżżel fil-kontijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 2(2) tar-Regolament hawn fuq imsemmi għandha tkun dik li seħħet direttament sabiex titħallas l-ispiża tax-xogħol, servizzi u provvisti inkonnessjoni mal-kostruzzjoni, it-tmexxija u l-amministrazzjoni ta' l-infrastruttura. Dawn id-dispożizzjonijiet jeskludu għalhekk li fil-kontijiet jitniżżlu approprjazzjonijiet annwali għat-tiġdid, fondi ta' assigurazzjoni jew riservi mwaqqfa sabiex ikopru spejjeż futuri.

    2.

    Fil-każ ta' kull infrastruttura, l-ispiża li għandha titqies taħt id-diversi intestaturi fil-formoli tal-kontijiet hija l-ispiża totali li tintefaq fir-rigward ta' dik l-infrastruttura, irrispettivament mill-mod ta' kif l-ispiża hija ffinanzjata.

    Madanakollu, fil-każ li żewġ amministrazzjonijiet ta' l-infrastruttura jew iżjed jidħlu fi spejjeż ta' installazzjoni diretti jew indiretti fir-rigward ta' l-istess spiża ta' infrastruttura, hija dik l-ispiża netta biss illi għandha titħallas minn kull amministrazzjoni li għandha tiġi inkluża mal-kontijiet tagħhom. Barra minnhekk, meta l-kumpens jingħata mill-awtoritajiet pubbliċi lil ċerti amministrazzjonijiet ta' l-infrastruttura, l-ammont ta' dak il-kumpens għandu jiġi mnaqqas mill-ispiża magħmula minn dawk l-amministrazzjonijiet. Fil-każ tal-ferroviji, l-ammonti mnaqqsa għandhom jintwerew separatament. Dawn l-ammonti jista' jkollhom x'jaqsmu partikolarment mal-kumpens riċevut fir-rigward ta':

    spiża ta' infrastruttura [Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1107/70 (1), l-Artikolu 3(1)(b)],

    ħlasijiet fir-rigward ta' irtirar u pensjonijiet oħrajn [Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1192/69 (2), l-Artikolu 4(1)(ċ), Klassi III].

    3.

    Il-valur ta' installazzjonijiet jew apparat żarmat, jekk mibjugħ jew użat diversi drabi, għandu jiġi kkumpensat ma' l-ispiża magħmula taħt it-titoli xierqa fil-formoli ta' kontijiet, suġġett, fil-każ ta' linji tal-ferrovija, għal kwalunkwe dispożizzjonijiet speċjali konnessi li jinsabu fi ftehim magħmul bejn l-impriżi tal-ferroviji u l-awtoritarjiet pubbliċi.

    4.

    L-ispiża relatata max-xiri, kura u operat ta' l-apparat u għodda speċjalizzati użati mid-dipartiment ta' l-infrastruttura u l-ispiża relatata mat-trasport użat għall-iskop tas-servizz ta' dak id-dipartiment għandhom isiru taħt l-intestaturi xierqa fil-formoli tal-kontijiet, jew jekk dan ma jsirx, taħt it-titolu “Spejjeż ġenerali”.

    5.

    Il-ħlas mitlub fil-postijiet u l-imħażen tax-xogħol għandhom normalment jiġu mniżżla fil-prezz tal-fattura ta' l-oġġetti u l-materjali pprovduti lid-dipartiment ta' l-infrastruttura. Fejn dan il-ħlas dirett ma jistax isir, dawn il-ħlasijiet għandhom jiġu mniżżla taħt it-titolu “Spejjeż ġenerali”.

    B.   DESKRIZZJONI TAL-PUNTI LI GĦANDHOM JIĠU MNIŻŻLA TAĦT ID-DIVERSI INTESTATURI

    1.   Intestaturi komuni għat-tliet mezzi ta' trasport

    L-ispiża ta' investiment (intestaturi A1, B1, C1)

    L-ispiża ta' investiment tinkludi l-ispiża totali (fir-rigward ta' persunal, merkanzija u servizzi pprovduti minn terzi) marbuta mal-kostruzzjoni, estensjoni, rikostruzzjoni u rinnovazzjoni ta' l-installazzjonijiet ta' l-infrastruttura, inklużi l-ispejjeż inċidentali u l-ispejjeż ta' riċerka konnessa ma' dan ix-xogħol. Madanakollu, din id-definizzjoni m'għandhiex tipprekludi skrizzjonijiet, bis-saħħa ta' dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali, ta' ċerti spejjeż minuri ta' investiment taħt l-intestatura “Spejjeż kurrenti”.

    Spejjeż kurrenti (intestaturi A2, B2, C2)

    L-ispejjeż kurrenti għandhom jinkludu l-ispiża totali (fir-rigward ta' persunal, merkanzija u servizzi pprovduti minn terzi) marbuta mal-manutenzjoni u t-tħaddim ta' l-infrastruttura.

    Spejjeż ġenerali (intestaturi A3, B4, C4)

    L-ispejjeż ġenerali jinkludu l-ispiża totali tad-dipartimenti konnessa ma' l-amministrazzjoni, is-sorveljanza, u spezzjoni responsabbli speċifikament għall-ħolqien u t-tmexxija ta' l-infrastruttura, kif ukoll dik il-porzjon ta' l-ispiża tad-dipartimenti amministrattivi ġenerali kkonċernati direttament li għandha tiġi mħallsa mill-infrastruttura. L-ispejjeż ġenerali jkopru ukoll l-ispiża l-oħra kollha li ma ġietx ikkunsidrata direttament taħt kwalunkwe intestatura oħra fil-formoli tal-kontijiet.

    L-ispejjeż koperti jinkludi b'mod partikulari dan li ġej:

    spejjeż għall-ħlas tal-pagi tal-persunal u għall-ispejjeż operattivi għad-dipartimenti ċentrali, reġjonali u lokali amministrattivi u tekniċi, spejjeż inkonnessjoni mas-sorveljanza u xogħol;

    ħlas tal-pensjonijiet ta' rtirar għall-persunal permanenti, u ħlas ieħor ta' l-impjegati (benefiċċji tal-familja, kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema, premiums għall-assigurazzjoni mill-inċidenti, kontribuzzjonijiet għall-iskemi ta' pensjoni tal-persunal barra mill-persunal permanenti, eċċ.);

    l-ispiża relatata mas-servizzi ta' akkomodazzjoni pprovduti għall-persunal impjegat fid-dipartiment ta' l-infrastruttura, wara li tiġi mnaqqsa l-kera li jintalab il-ħlas għaliha;

    spiża relatata mas-servizzi tal-bini għat-tiswija u dipartiment tal-manutenzjoni (b'mod partikolari xelters, imħażen ta' l-għodda) sakemm din ma tkunx ġiet meqjusa direttament taħt l-intestaturi l-oħra bħala formoli ta' kontijiet.

    2.   Intestaturi għat-trasport bit-triq biss

    Spiża fir-rigward tal-manutenzjoni ta' l-uċuħ tat-toroq (intestatura B20)

    Din tkopri prinċipalment l-ispiża fir-rigward ta' xogħlijiet marbuta mar-reżistenza mekkanika tat-toroq għat-tagħbijiet li jkunu suġġetti għalihom. Dan jinkludi kemm l-ispiża fir-rigward ta' tiswija fil-wiċċ tal-pavimenti flessibbli u l-ispiża fir-rigward tal-manutenzjoni tas-sezzjoni għall-pavimenti riġidi.

    Pulizija tat-traffiku (intestatura B 3)

    L-ispiża fuq il-pulizija tat-traffiku tinkludi l-ispiża totali tas-servizzi tal-pulizija li jintalab il-ħlas tagħha minħabba s-sorveljanza tat-traffiku u l-funzjonijiet tal-kontroll, li tinkludi l-ispiża fuq il-bini, vetturi u apparat għall-użu speċjali ta' dawn is-servizzi.

    3.   Intestatura għall-passaġġi fuq l-ilma interni biss

    Pulizija tal-passaġġi fuq l-ilma interni (intestatura C 3)

    L-ispiża fuq il-pulizija tal-passaġġi fuq l-ilma interni tinkludi l-ispiża totali għall-pulizija tal-passaġġi fuq l-ilma interni, inkluża l-ispiża fuq il-bini, mollijiet u bastimenti għall-użu speċjali ta' dawn is-servizzi.


    (1)  ĠU L 130, 15.6.1970, p. 1. Regolament emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 543/97 (ĠU L 84, 26.3.1997, p. 6).

    (2)  ĠU L 156, 28.6.1969, p. 8. Regolament emendat l-aħħar mill-Att ta’ Adeżjoni 2003.


    ANNESS III

    Regolament imħassar flimkien ma’ l-emendi tiegħu

    Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2598/70

    (ĠU L 278, 23.12.1970, p. 1)

    Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2116/78

    (ĠU L 246, 8.9.1978, p. 7)

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 906/2004

    (ĠU L 163, 30.4.2004, p. 49)


    ANNESS IV

    Tabella Ta’ Korrelazzjoni

    Regolament (KEE) Nru 2598/70

    Dan ir-Regolament

    L-Artikolu Waħdieni

    Artikolu 1

    Artikolu 2

    Artikolu 3

    L-Annessi I u II

    L-Annessi I u II

    Anness III

    Anness IV


    Top