EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R0701

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 701/2006 tal- 25 ta' April 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2494/95 rigward il-kopertura temporali tal-ġbir ta' prezzijiet fl-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur Test b'relevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 122, 9.5.2006, p. 3–4 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 36–37 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/08/2020; Imħassar b' 32020R1148

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/701/oj

25.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

36


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 701/2006

tal-25 ta' April 2006

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2494/95 rigward il-kopertura temporali tal-ġbir ta' prezzijiet fl-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

Il-Kunsill Ta' l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta' Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2), kif meħtieġ skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 2494/95,

Billi:

(1)

L-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (harmonised indices of consumer prices, (“HICPs”) huma ċifri armonizzati ta' inflazzjoni meħtieġa mill-Kummissjoni u mill-Bank Ċentrali Ewropew fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom taħt l-Artikolu 121 tat-Trattat. L-HICPs huma mfasslin sabiex jiffaċilitaw il-paraguni internazzjonali ta' l-inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur. Huma jservu bħala indikaturi importanti għall-immaniġġar tal-politika monetarja.

(2)

Taħt l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2494/95, kull Stat Membru huwa meħtieġ, bħala parti mill-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament, li jipproduċi HICP li tibda bl-indiċi għal Jannar 1997.

(3)

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2494/95 jirrikjedi li l-HICP għandu jkun ibbażat fuq il-prezzijiet ta' merċi u servizzi disponibbli għax-xiri fit-territorju ekonomiku ta' l-Istati Membri bl-iskop li jaqdu b'mod dirett il-bżonnijiet tal-konsumatur.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1749/96 tad-9 ta' Settembru 1996 dwar miżuri ta' implementazzjoni inizjali għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 li jikkonċerna indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (3), iddefinixxa l-kopertura ta' l-HICP bħala dawk il-merċi u s-servizzi li huma inklużi fl-ispiża monetarja domestika finali għall-konsum li ssir, inter alia, fit-territorju ekonomiku ta' l-Istat Membru, f'wieħed mill-perjodi ta' żmien paragunati jew fit-tnejn li huma.

(5)

L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1749/96 jeħtieġ li l-HICP jkun mibni minn kampjuni mmirati li jkollhom prezzijiet suffiċjenti fi ħdan kull aggregat elementari sabiex jittieħed kont tal-varjazzjoni fil-movimenti tal-prezzijiet fil-popolazzjoni.

(6)

Id-differenzi fil-perjodi tal-ġbir ta' prezzijiet jistgħu jwasslu għal differenzi sinifikattivi fil-bidla kalkolata tal-prezzijiet għall-perjodi paragunati.

(7)

Huwa meħtieġ approċċ armonizzat fir-rigward tal-kopertura temporali ta' l-HICPs sabiex ikun żgurat li l-HICPs li jirriżultaw jissodisfaw ir-rekwiżiti fir-rigward tal-komparabbiltà, kredibbiltà, u relevanza taħt it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 4 u taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 2494/95.

(8)

Il-ġbir ta' l-indiċi ta' l-Unjoni Monetarja tal-prezzijiet għall-konsumatur (Monetary Union index of consumer prices, “MUICP”) u l-indiċi Ewropew tal-prezzijiet għall-konsumatur (European index of consumer prices, “EICP”) jeħtieġu kunċett armonizzat għall-kopertura temporali ta' l-HICPs. Dan ma għandux madankollu jipprekludi l-ħruġ ta' HICPs provviżorji jew ta' stimi rapidi ta' l-HICP tal-bidla medja fil-prezzijiet ibbażati fuq parti mill-informazzjoni dwar il-prezzijiet osservati fix-xahar li għalih jirriferi l-indiċi kurrenti.

(9)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1921/2001 tat-28 ta' Settembru 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar standards minimi għar-reviżjonijiet ta' l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2602/2000 (4) jistipula li l-bidliet fis-sistema tar-regoli armonizzati ma għandhomx jirrikjedu reviżjonijiet, iżda li, fejn neċessarju, għandhom isiru stimi ta' l-impatt fuq ir-rati annwali tal-bidla ta' l-HICP.

(10)

Il-Kumitat dwar il-Programm ta' l-Istatistika ġie kknsultat skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KKE, Euratom tad-19 ta' Ġunju 1989 li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi ta' l-Istatistiċi tal-Komunitajiet Ewropej (5),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

Għan

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi standards minimi għall-perjodi ta' ġbir ta' prezzijiet sabiex ikunu mtejba l-komparabbiltà, il-kredibbiltà u r-relevanza ta' l-HICPs.

Artikolu 2

Rappreżentanza

L-HICP hija statistika kampjunarja li għandha tirrappreżenta l-bidla medja fil-prezzijiet bejn ix-xahar kalendarju ta' l-indiċi kurrenti u l-perjodu li miegħu isir il-paragun.

Artikolu 3

Standards minimi għall-ġbir tal-prezzijiet

1.   Il-ġbir tal-prezzijiet għandu jsir matul, għall-inqas, perjodu ta' ġimgħa ta' xogħol fi jew lejn in-nofs tax-xahar kalendarju li għalih jappartjeni l-indiċi.

2.   Fejn prodotti ikunu magħrufa li tipikament juru bidliet qawwija u irregolari fil-prezzijiet fi ħdan l-istess xahar, il-ġbir tal-prezzijiet għandu jsir fuq perjodu ta' aktar minn ġimgħa waħda ta' xogħol.

Din ir-regola għandha tapplika b'mod partikulari għall-prodotti li ġejjin:

(a)

prodotti ta' l-enerġija; u

(b)

ikel frisk, bħal frott u ħxejjex.

Artikolu 4

Implementazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu implementati mhux aktar tard minn Diċembru 2007 u jibdew ikollhom effett flimkien ma' l-indiċi għal Jannar 2008.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, nhar il-25 ta' April 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. PRÖLL


(1)  ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)  Opinjoni tas-27 ta' Frar 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 229, 10.9.1996, p. 3. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1688/98 (ĠU L 214, 31.7.1998, p. 12).

(4)  ĠU L 261, 29.9.2001 p. 49.

(5)  ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.


Top