Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0197

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 3 ta' Marzu 2006 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' ikel li jkun fih, ikun jikkonsisti fi, jew li jkun prodott minn qamħirrum modifikat ġenetikament tal-linja 1507 (DAS- Ø15Ø7-1) skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    ĠU L 70, 9.3.2006, p. 82–86 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 382–386 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/03/2016: This act has been changed. Current consolidated version: 23/06/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/197/oj

    8.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    382


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-3 ta' Marzu 2006

    li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' ikel li jkun fih, ikun jikkonsisti fi, jew li jkun prodott minn qamħirrum modifikat ġenetikament tal-linja 1507 (DAS- Ø15Ø7-1) skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (2006/197/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar l-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fil-15 ta' Frar 2001, il-Pioneer Overseas Corporation u d-Dow AgroSciences Europe ressqu talba flimkien quddiem l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Olanda, skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar ikel ġdid u ingredjenti ta' l-ikel ġodda (2), għat-tqegħid fis-suq ta' tipi ta' ikel u ingredjenti ta' l-ikel miġjuba minn qamħirrum modifikat ġenetikament tal-linja 1507 bħala ikel ġdid u ingredjenti ta' l-ikel ġodda (“il-prodotti”).

    (2)

    Fir-rapport evalwattiv inizjali tagħha ta' l-4 ta' Novembru 2003, l-entità ta' l-Olanda kompetenti fl-evalwazzjoni ta' l-ikel ikkonkludiet li l-prodotti huma sikuri daqs tipi ta' ikel u ingredjenti ta' l-ikel miġjuba minn linji konvenzjonali ta' qamħirrum u jistgħu jintużaw bl-istess mod.

    (3)

    Il-Kummissjoni għaddiet ir-rapport ta' l-evalwazzjoni inizjali lill-Istati Membri kollha nhar l-10 ta' Novembru 2003. Fi żmien il-perjodu ta' 60 jum stipulat fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97, tqajmu oġġezzjonijiet raġunati għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti b'mod konformi ma' dik id-dispożizzjoni. Konsegwentement, inħtieġ rapport ta' evalwazzjoni addizzjonali.

    (4)

    L-Artikolu 46(1) tar-Regolament (KE) 1829/2003 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ: ir-Regolament) jipprevedi li talbiet imressqa skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 qabel id-data ta' l-applikazzjoni tar-Regolament, jiġifieri t-18 ta' April 2004, jinbidlu f'applikazzjonijiet skond il-Kapitolu II, Taqsima 1 tar-Regolament f'każi fejn jinħtieġ rapport ta' evalwazzjoni addizzjonali skond l-Artikolu 6(3) jew 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

    (5)

    Il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 258/97 huwa limitat għat-tqegħid fis-suq, fi ħdan il-Komunità, ta' ikel ġdid u ingredjenti ta' l-ikel ġodda. Konsegwentement, id-Deċiżjoni preżenti ma tkoprix it-tqegħid fis-suq ta' għalf li jkun fih, ikun jikkonsisti fi, jew ikun prodott mill-qamħirrum tal-linja 1507.

    (6)

    Partikolarment, it-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum modifikat ġenetikament tal-linja 1507 bħala jew f'xi prodotti li fihom jew jikkonsistu minn dan il-qmħirrun huwa suġġett għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/772/KE dwar it-tqegħid fis-suq, skond id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrun (Zea mays L, linja 1507) modifikat ġenetikament għar-reżistenza għal ċerti pesti lepidotteri u għat-tolleranza għall-erbiċida glufosinate-ammonium  (3).

    (7)

    Għalf prodott minn qamħirrum tal-linja 1507 tqiegħed fis-suq qabel id-data ta' l-applikazzjoni tar-Regolament, jiġifieri t-18 ta' April 2004. Konsegwentement, dan huwa suġġett għar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 20 tar-Regolament u jista' jitqiegħed fis-suq u jintuża skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-reġistru tal-Komunità ta' l-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament.

    (8)

    Nhar it-3 ta' Marzu 2005, l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà Alimentari (“l-Awtorità”) tat l-opinjoni tagħha skond l-Artikolu 6 tar-Regolament li m'hemm l-ebda evidenza li tagħti x'wieħed jifhem li t-tqegħid fis-suq tal-prodotti aktarx li jwassal għal effetti ħżiena fuq saħħet il-bniedem jew l-annimali jew fuq l-ambjent (4). Waqt li tat l-opinjoni tagħha, l-Awtorità qieset il-mistoqsijiet u l-punti ta' tħassib speċifiċi kollha mqajma mill-Istati Membri.

    (9)

    Skond dan, l-Awtorità tat il-parir tagħha li m'huma meħtieġa l-ebda rekwiżiti speċifiċi ta' tikkettar għajr dawk previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament. L-Awtorità tat il-parir ukoll li m'huma meħtieġa l-ebda kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet speċifiċi għat-tqegħid fis-suq u/jew kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet speċifiċi għall-użu jew il-ġarr, inklużi r-rekwiżiti ta' monitoraġġ ta' wara t-tqegħid fis-suq, u l-ebda kundizzjonijiet speċifiċi għall-protezzjoni ta' ekosistemi/ambjent u/jew żoni ġeografiċi partikolari, kif stipulat fil-punt (e) ta' l-Artikolu 6(5) tar-Regolament.

    (10)

    Fl-opinjoni tagħha, l-Awtorità kkonkludiet li l-pjan ta' monitoraġġ ambjentali, li jikkonsisti fi pjan ta' sorveljanza ġenerali, imressaq mill-applikant huwa konformi ma' l-użu maħsub għall-prodotti.

    (11)

    Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata.

    (12)

    Għandu jiġi assenjat identifikatur uniku għall-qamħirrum tal-linja 1507 kif previst fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjament ta' identifkaturi uniċi għall-organiżmi modifikati ġenetikament (5).

    (13)

    L-informazzjoni kollha miġbura fl-Anness għal din id-Deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti għandha tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju ta' l-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament kif previst fir-Regolament.

    (14)

    Skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament, il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-prodott jorbtu lill-persuni kollha li jqiegħduh fis-suq.

    (15)

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata permezz tal-Clearing House dwar il-Bijosigurtà għall-Partijiet fil-Protokoll ta' Cartagena dwar il-Bijosigurtà mal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, skond l-Artikoli 9(1) u 15(2), c), tar-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2003 dwar il-movimenti transkonfinanti ta' organiżmi modifikati ġenetikament (6).

    (16)

    Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali ma ta l-ebda opinjoni; il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta lill-Kunsill fil-5 ta' Ottubru 2005 skond l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 199/468/KE (7) minħabba li l-Kunsill meħtieġ jaġixxi fi żmien tliet xhur.

    (17)

    Madankollu, il-Kunsill ma ħax azzjoni fiż-żmien stipulat; il-Kummissjoni issa għandha tadotta Deċiżjoni.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-prodotti

    Din id-Deċiżjoni tkopri l-ikel u l-ingredjenti ta' l-ikel li fihom, jikkonsistu fi, jew li huma prodotti mill-qamħirrum modifikat ġenetikament (Zea mays L.) tal-linja 1507 speċifikat aktar fl-Anness għal din id-Deċiżjoni (“il-prodotti”) u assenjat l-identifikatur uniku DAS-Ø15Ø7-1, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 65/2004.

    Artikolu 2

    It-tqegħid fis-suq

    It-tqegħid fis-suq tal-prodotti, skond il-kundizzjonijiet speċifikati f'din id-Deċiżjoni u fl-Anness tagħha, huwa awtorizzat għall-finijiet ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    Artikolu 3

    It-tikkettar

    Għall-finijiet tar-rekwiżiti speċifiċi dwar it-tikkettar previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-“isem ta' l-organiżmu” huwa “qamħirrum”.

    Artikolu 4

    Il-monitoraġġ ta' l-effetti ambjentali

    1.   Id-detenturi ta' l-awtorizzazzjoni jiżguraw li l-pjan ta' monitoraġġ għall-effetti ambjentali, kif speċifikat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, jiddaħħal fis-seħħ u jiġi implimentat.

    2.   Id-detenturi ta' l-awtorizzazzjoni għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati ta' l-attivitajiet ta' monitoraġġ.

    Dawk ir-rapporti jiddikjaraw b'mod ċar liema partijiet tar-rapporti jitqiesu bħala kunfidenzjali, flimkien ma' ġustifikazzjoni verifikabbli għall-kunfidenzjalità skond l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    Il-partijiet kunfidenzjali tat-tali rapporti jiġu sottomessi f'dokumenti separati.

    Artikolu 5

    Ir-reġistru Komunitarju

    L-informazzjoni fl-Anness għal din id-Deċiżjoni tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju ta' l-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament, kif previst fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    Artikolu 6

    Id-detenturi ta' l-awtorizzazzjoni

    Id-dententuri ta' l-awtorizzazzjoni huma:

    (a)

    il-Pioneer Overseas Corporation, tal-Belġju, li jirrappreżentaw lill-Pioneer Hi-Bred International, ta' l-Istati Uniti, u

    (b)

    id-Dow AgroSciences Europe, tar-Renju Unit, li jirrapreżentaw lill-Mycogen Seeds, ta' l-Istati Uniti,

    li t-tnejn huma responsabbli mill-issodisfar tad-doveri tad-detenturi ta' l-awtorizzazzjoni previsti f'din id-Deÿiÿjoni u fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    Artikolu 7

    Validità

    Din id-Deċiżjoni hija valida għal perjodu ta' 10 snin mid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

    Magħmula fi Brussell, it-3 ta' Marzu 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Markus KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 268, tat-18.10.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 43, ta' l-14.2.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

    (3)  ĠU L 291, tal-5.11.2005, p. 42.

    (4)  http://www.efsa.eu.int/science/gmo/gm_ff_applications/more_info/503/op_gm07_ej182_1507_opinion_nl_doc2_en1.pdf

    (5)  ĠU L 10, tas-16.1.2004, p. 5.

    (6)  ĠU L 287, tal-5.11.2003, p. 1.

    (7)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.


    ANNESS

    (a)   L-Applikanti u d-detenturi ta' l-Awtorizzazzjoni:

    Isem

    :

    Pioneer Overseas Corporation

    Indirizz

    :

    Avenue des Arts 44, B-1040 Brussels, Belgium

    Li jirrapreżentaw lil Pioneer Hi-Bred International, Inc., 400 Locus Street, Suite 800, Des Moines, IA50309, United States

    u

    Isem

    :

    Dow AgroSciences Europe Ltd.

    Indirizz

    :

    European Development Centre, 3 Milton Park, Abingdon, Oxon OX14 4RN, United Kingdom.

    Li jirrapreżentaw lil Mycogen Seeds c/o Dow AgroSciences LLC, 9330 Zionsville Road, Indianapolis, IN 46268-1054, United States.

    (b)   Għażla u speċifikazzjoni tal-prodotti:

    L-ikel u l-ingredjenti ta' l-ikel li fihom, jikkonsistu fi, jew li huma prodotti minn qamħirrum modifikat ġenetikament (Zea mays L.) tal-linja 1507 kif imfissra fl-applikazzjoni, bl-identifikatur uniku DAS-Ø15Ø7-1, li jirreżistu t-taqqab il-qmuħ Ewropew (Ostrinia nubilalis) u ċerti pesti lepidopterani oħrajn u li jittolleraw l-erbiċida glufosinate ammonium. Il-qamħirrum modifikat ġenetikament DAS-Ø15Ø7-1 fih dawn is-sekwenzi tad-DNA li ġejjin f'żewġ każetts:

    (a)

    każett 1:

    Verżjoni sintetika tal-ġene trunkata cry1F mill-Bacillus thuringiensis subsp. Aizawai, li toffri reżistenza lit-taqqab il-qmuħ Ewropew (Ostrinia nubilalis) u ċerti pesti lepidopterani oħrajn, skond ir-regolamentazzjoni tal-promotur ubikwitin ubiZM1(2) miz-Zea mays L. u l-ORF25Polyterminator mill-Agrobacterium tumefaciens pTi15955.

    (b)

    każett 2:

    Verżjoni sintetika tal-ġene pat mill-varjant Tü494 ta' l-istreptomyces viridochromogenes, li tittolera l-erbiċida glufosinate ammonium, skond ir-regolamentazzjoni tas-sekwenzi tat-terminatur u l-promotur 35S mill-Cauliflower Mosaic Virus.

    (ċ)   Tikkettar:

    L-ebda rekwiżiti speċifiċi oħrajn għajr dawk previsti skond l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    Għall-finijiet ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-“isem ta' l-organiżmu” huwa “qamħirrum”.

    (d)   Metodu ta' detezzjoni:

    Metodu kwantitattiv fil-ħin reali speċifiku għall-avveniment u abbażi tal-PCR għall-qamħirrum modifkat ġenetikament DAS-Ø15Ø7-1.

    Ivvalidat mil-laboratorju referenzjarju Komunitarju stabbilit skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ippublikat f'http://gmo-crl.jrc.it/detectionmethods/TC1507-WEB-Protocol-Validation.pdf

    Materjal Referenzjarju: ERM®-BF418 aċċessibli peremezz taċ-Ċentru ta' Riċerka Konġunt (JRC — Joint Research Centre) tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istitut tal-Kejl u l-Materjali Referenzjarji (IRMM — Institute of Reference Materials and Measurements) f' http://www.irmm.jrc.be/html/reference_materials_catalogue/index.htm

    (e)   Identifikatur uniku:

    DAS-Ø15Ø7-1

    (f)   L-informazzjoni rekwiżita skond l-Anness II għall-Protokoll ta' Cartagena dwar il-Bijosigurtà mal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika:

    Clearing House tal-Bijosigurtà, Rekord ID: ara [għandu jimtela meta jkun nnotifikat, qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU]

    (g)   Il-kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet rigward it-tqegħid fis-suq, l-użu jew l-iħħendiljar tal-prodotti:

    Mhux meħtieġa.

    (h)   Il-pjan ta' monitoraġġ

    Il-pjan ta' monitoraġġ għall-effetti ambjentali li jikkonforma ma' l-Anness VII għad-Direttiva 2001/18/KE

    [Link: pjan ippubblikat fl-internet]

    (i)   Rekwiżiti ta' monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-użu ta' l-ikel għall-konsum mill-bniedem

    Mhux meħtieġa.

    Nota: il-links għad-dokumenti relevanti għandhom imnejn ikollhom bżonn jiġu mmodifikati minn żmien għall-ieħor. Dawk il-modifiki ser ikunu mpoġġija għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta' l-aġġornament tar-reġistru Komunitarju ta' l-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament.


    Top