Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R2172

2172/2005/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2172/2005 tat- 23 ta’ Diċembru 2005 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ kwota ta’ tariffa fuq l-importazzjoni ta’ annimali bovini ħajjin ta’ piż li ma jaqbiżx il-160 Kg u li joriġinaw mill-Iżvizzera kif previst fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli

ĠU L 346, 29.12.2005, p. 10–15 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 321M, 21.11.2006, p. 395–400 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/01/2013; Imħassar b' 32012R1223

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2172/oj

21.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

395


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2172/2005

tat-23 ta’ Diċembru 2005

li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ kwota ta’ tariffa fuq l-importazzjoni ta’ annimali bovini ħajjin ta’ piż li ma jaqbiżx il-160 Kg u li joriġinaw mill-Iżvizzera kif previst fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 32(1) tiegħu,

Billi,

(1)

Wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja fl-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera laħqu ftehim biex jipproċedu bl-adattament tal-konċessjonijiet tat-tariffa fi ħdan il-qafas tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (2) (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”). L-adattament ta’ dawn il-konċessjonijiet tariffarji, b’deċiżjoni (3) tal-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura li temenda l-Annessi 1 u 2 tal-Ftehim, jipprevedi l-ftuħ ta’ kwota tat-tariffa tal-Komunità eżenti mill-ħlas tad-dwana għall-importazzjoni ta' 4 600 annimal bovin ħaj ta' piż ta' iktar minn 160 Kg u li joriġinaw mill-Iżvizzera. Regoli ddettaljati għandhom jiġu adottati għall-ftuħ u għall-amministrazzjoni ta’ din il-kwota tat-tariffa fuq bażi multiannwali.

(2)

Għall-allokazzjoni tal-kwota tat-tariffa u minħabba l-prodotti kkonċernati, ikun xieraq li jiġi applikat metodu ta’ eżaminazzjoni simultanja kif jirreferi għalih it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999.

(3)

Biex ikunu eliġibbli għall-benefiċċju ta’ din il-kwota tat-tariffa, l-annimali ħajjin għandhom joriġinaw mill-Iżvizzera skond ir-regoli li jirreferi għalihom l-Artikolu 4 tal-Ftehim.

(4)

Bil-għan li tiġi evitata l-ispekulazzjoni, il-kwantitajiet disponibbli fi ħdan il-kwota għandhom ikunu aċċessibbli għall-operaturi li kapaċi juru li huma ġenwinament involuti f'kummerċ ta' skala sinifikanti ma' pajjiżi terzi. Minħabba dan u biex ikun żgurat immaniġġjar effiċjenti, il-kummerċjanti kkonċernati huma mitluba li jkollhom minimu ta’ 50 annimal impurtat matul is-sena ta’ qabel il-perjodu annwali tal-kwota kkonċernat, minħabba li konsenja ta’ 50 annimal tista’ titqies bħala tagħbija normali. L-esperjenza wriet illi ix-xiri ta' konsenja waħda hija l-kondizzjoni minima meħtieġa sabiex transazzjoni titqies reali u vijabbli.

(5)

Jekk dawn il-kriterji għandhom jiġu vverifikati, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati fl-Istat Membru fejn l-importatur huwa mdaħħal f'reġistru tal-VAT.

(6)

Ukoll bil-għan li tiġi evitata l-ispekulazzjoni, l-importaturi li m'għadhomx involuti fil-kummerċ ta’ annimali bovini ħajjin sa mill-1 ta’ Jannar ta’ qabel il-bidu tal-perjodu annwali tal-kwota kkonċernat għandhom jiġu mċaħħda mill-aċċess għall-kwota. Barra minn hekk, għandha tiġi ffissata garanzija għad-drittijiet ta’ l-importazzjoni, il-liċenzji m’għandhomx ikunu trasferibbli u l-liċenzji ta’ l-importazzjoni għandhom jinħarġu lill-kummerċjanti biss għal dawk il-kwantitajiet li fuqhom ikunu ġew allokati drittijiet ta’ l-importazzjoni.

(7)

Biex ikun ipprovdut aċċess ugwali għall-kwota filwaqt li jkun żgurat numru kummerċjalment vijabbli ta’ annimali ma’ kull applikazzjoni, il-limitu massimu u dak minimu għandhom ikunu ffissati għal numru ta’ annimali koperti f’kull applikazzjoni.

(8)

Għandu jiġi stabbilit illi d-drittijiet ta' l-importazzjoni għandhom jiġu allokati wara perjodu ta' riflessjoni u fejn ikun meħtieġ b’applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ allokazzjoni fiss.

(9)

Skond l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999, l-arranġamenti għandhom ikunu mmanniġġjati permezz tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni. Għal dan il-għan, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar is-sottomissjoni ta' l-applikazzjonijiet u dwar l-informazzjoni li għandha tingħata dwar l-applikazzjonijiet u l-liċenzji, fejn meħtieġ, flimkien ma’ jew bħala deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 tad-9 ta' Ġunju 2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji ta' l-importazzjoni u ta’ l-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta' iffissar bil-quddiem għall-prodotti agrikoli (4), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1445/95 tas-26 ta' Ġunju 1995 dwar regoli għall-applikazzjoni ta’ liċenzi ta' importazzjoni u ta’ esportazzjoni fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2377/80 (5).

(10)

Biex l-operaturi jiġu obbligati japplikaw għal-liċenzji ta' l-importazzjoni għad-drittijiet kollha ta' l-importazzjoni allokati, għandu jiġi stabbilit li l-applikazzjoni għandha tikkostitwixxi, fir-rigward tal-garanzija għad-drittijiet ta’ l-importazzjoni, ħtieġa primarja fi ħdan it-tifsira tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85 tat-22 ta’ Lulju 1985 li jistabbilixxi r-regoli komuni ddettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema tal-garanziji għall-prodotti agrikoli (6).

(11)

L-esperjenza turi li l-immaniġġjar xieraq tal-kwota jeħtieġ ukoll illi l-detentur titolari tal-liċenzja jkun importatur ġenwin. Għalhekk, dan l-importatur għandu jipparteċipa b'mod attiv fix-xiri, fit-trasport u fl-importazzjoni ta’ l-annimali ikkonċernati. Il-preżentazzjoni tal-prova ta' dawn l-attivitajiet għandha għalhekk tkun ħtieġa primarja fir-rigward tal-garanzija tal-liċenzja.

(12)

Bil-ħsieb li jiġi żgurat kontroll statistiku strett fuq l-annimali importati taħt il-kwota, m’għandhiex tapplika t-tolleranza li jirreferi għaliha l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000.

(13)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni taċ-Ċanga u l-Vitella,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Kwota tat-tariffa tal-Komunità eżenti mill-ħlas tad-dwana qiegħda hawnhekk tinfetaħ fuq bażi multiannwali għall-perjodi mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru għall-importazzjoni ta’ 4 600 annimal bovin ħaj li joriġina mill-Iżvizzera ta’ piż ta’ iktar minn 160 kg, li jaqgħu fi ħdan il-Kodiċi NM 0102 90 41, 0102 90 49, 0102 90 51, 0102 90 59, 0102 90 61, 0102 90 69, 0102 90 71 jew 0102 90 79.

Din il-kwota tat-tariffa għandu jkollha n-numru ta’ l-ordni 09.4203.

2.   Ir-regoli ta’ oriġini applikabbli għall-prodotti li jirreferi għalihom il-paragrafu 1 se jkunu dawk previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 2

1.   Sabiex ikunu eliġibbli skond il-kwota prevista fl-Artikolu 1, l-applikanti jridu jkunu persuni naturali jew legali u għandhom jagħtu prova għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, fiż-żmien li jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom, li kienu importaw mill-inqas 50 annimal koperti b'kodiċi NM 0102 10 u 0102 90 matul it-12 il-xahar ta' qabel id-data ta’ l-għeluq għall-applikazzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 3(3).

L-applikanti għandhom ikunu mniżżla f'reġistru tal-VAT nazzjonali.

2.   Il-prova ta’ importazzjoni għandha tingħata esklużivament permezz tad-dokument tad-dwana għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, approvat b’mod korrett mill-awtoritajiet tad-dwana u li fih referenza għall-applikant ikkonċenat.

L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw kopji tad-dokumenti li jirreferi għalihom l-ewwel subparagrafu, iċċertifikati b’mod korrett mill-awtorità kompetenti. Fejn tali kopji jkunu aċċettati, dan għandu jiġi nnotifikat fil-komunikazzjoni mill-Istati Membri li jirreferi għaliha l-Artikolu 3(5) għal kull applikant ikkonċernat.

3.   Operaturi li fl-1 ta’ Jannar ta’ qabel il-perjodu annwali tal-kwota kkonċernat waqqfu l-attivitajiet tagħhom fil-kummerċ ma’ pajjiżi terżi fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella m’għandhomx jikkwalifikaw għal xi allokazzjoni.

4.   Kumpanija ffurmata mill-inkorporazzjoni ta’ kumpaniji kull waħda b'importazzjoni ta' referenza konformi mal-kwantità minima li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 tista’ tuża dawk l-importazzjonijiet ta’ referenza bħala bażi għall-applikazzjoni tagħha.

Artikolu 3

1.   Applikazzjonijiet għal drittijiet ta' l-importazzjoni jistgħu jiġu ppreżentati biss fl-Istat Membru li fih l-applikant huwa rreġistrat għall-iskopijiet tal-VAT.

2.   Applikazzjonijiet għal drittijiet ta’ l-importazzjoni għandhom ikopru minn ta’ l-inqas 50 annimal u ma jistgħux ikopru iktar minn 5 % tal-kwantità disponibbli.

Fejn l-applikazzjonijiet jaqbżu l-perċentwali li jirreferi għalih l-ewwel subparagrafu, iż-żejjed għandu jiġi mwarrab.

3.   Applikazzjonijiet għal drittijiet ta’ l-importazzjoni għandhom jiġu ddepożitati ta’ l-inqas qabel 13:00, ħin ta’ Brussell, fl-1 ta’ Diċembru ta’ qabel il-perjodu annwali tal-kwota kkonċernat.

Madanakollu, għall-perjodu ta’ kwota mid-data ta’ meta se jidħol fis-seħħ ir-Regolament preżenti sal-31 ta’ Diċembru 2006, l-applikazzjonijiet għal drittijiet ta' l-importazzjoni għandhom jiġu ddepożitati ta' l-inqas qabel 13:00, ħin ta’ Brussell, fl-10 jum tax-xogħol wara d-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

4.   L-applikanti ma jistgħux jiddepożitaw iktar minn applikazzjoni waħda fir-rigward tal-kwota li jirreferi għaliha l-Artikolu 1(1). Fejn l-istess applikant jiddepożita iktar minn applikazzjoni waħda, l-applikazzjonijiet kollha mingħand dak l-applikant għandhom ikunu inammissibbli.

5.   Wara li ssir il-verifika tad-dokumenti preżentati, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-10 jum ta' xogħol wara t-tmiem tal-perjodu għas-sottomissjoni ta' l-applikazzjonijiet, il-lista ta' applikanti u l-indirizzi tagħhom kif ukoll il-kwantitajiet li applikaw għalihom.

In-notifiki kollha, inklużi r-risposti li juru “xejn”, għandhom jintbagħtu bil-faks jew bl-e-mail billi tintuża l-formola mudell li tinsab fl-Anness I f’każijiet fejn l-applikazzjonijiet ġew attwalment sottomessi.

Artikolu 4

1.   Wara n-notifika li jirreferi għaliha l-Artikolu 3(5), il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi mill-iktar fis possibbli sa meta tista’ tlaħħaq l-applikazzjonijiet.

2.   Jekk il-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet kif jirreferi għalihom l-Artikolu 3 jaqbżu dawk disponibbli, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi koeffiċjent ta’ allokazzjoni wieħed li għandu jiġi applikat għall-kwantitajiet li għalihom tkun saret applikazzjoni.

Fejn l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ allokazzjoni li hemm ipprovdut dwaru fl-ewwel subparagrafu jagħti figura ta' inqas minn 50 ras għal kull applikazzjoni, il-kwantità disponibbli għandha tiġi assenjata mill-Istati Membri kkonċernati billi tittella' polza għal drittijiet ta’ l-importazzjoni li jkopru 50 ras kull wieħed. Fejn ikun fadal inqas minn 50 ras, għandu jiġi assenjat dritt ta’ l-importazzjoni wieħed għal dik il-kwantità.

Artikolu 5

1.   Il-garanzija relatata mad-drittijiet ta’ l-importazzjoni għandha tkun ta’ 3 EUR ir-ras. Din għandha tiġi ddepożitata għand l-awtorità kompetenti flimkien ma' l-applikazzjoni għad-drittijiet ta' l-importazzjoni.

2.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni għandhom isiru għall-kwantità allokata. Dan l-obbligu għandu jkun ħtieġa primarja fit-tifsira ta' l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85.

3.   Fejn l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta' allokazzjoni li jirreferi għalih l-Artikolu 4(2) twassal għal inqas allokazzjoni ta’ drittijiet ta' l-importazzjoni minn kemm ġie applikat għaliha, il-garanzija ddepożitata għandha tiġi rrilaxxata proporzjonalment mingħajr dewmien.

Artikolu 6

1.   Il-kwantitajiet assenjati għandhom jiġu importati jekk tiġi ppreżentata liċenzja waħda għall-importazzjoni jew iktar.

2.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzja jistgħu jiġu ddepożitati biss ma' l-Istat Membru fejn l-applikant applika u kiseb drittijiet ta' l-importazzjoni li jaqgħu taħt il-kwota.

Kull ħruġ ta' liċenzja ta' l-importazzjoni għandu jirriżulta fi tnaqqis korrispondenti tad-drittijiet ta' l-importazzjoni miksuba.

3.   Liċenzji ta' l-importazzjoni għandhom jinħarġu ma' l-applikazzjoni minn u f'isem l-operaturi li jkunu kisbu d-drittijiet ta’ l-importazzjoni.

4.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji u l-liċenzji għandhom juru t-tagħrif li ġej:

(a)

f’kaxxa 8, il-pajjiż ta' l-oriġini;

(b)

f’kaxxa 16, wieħed jew iktar mill-kodiċi NM li ġejjin:

0102 90 41, 0102 90 49, 0102 90 51, 0102 90 59, 0102 90 61, 0102 90 69, 0102 90 71 jew 0102 90 79;

(c)

f’kaxxa 20, in-numru ta’ l-ordni tal-kwota (09.4203) u ta’ l-inqas waħda mill-annotazzjonijiet elenkati f’Anness II.

Il-liċenzji għandhom iġorru magħhom l-obbligu ta’ importazzjoni mill-pajjiż indikat f’kaxxa 8.

Artikolu 7

1.   B’ deroga mill-Artkolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, il-liċenzji ta' l-importazzjoni maħruġa skond dan ir-Regolament m’għandhomx ikunu trasferibbli u għandhom jikkonferixxu d-drittijiet skond il-kwoti tat-tariffa biss jekk magħmula fl-istess isem u indirizz bħal dak imdaħħal bħala destinatarju fid-dikjarazzjoni tad-dwana għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera li takkumpanjahom.

2.   L-ebda liċenzja ta’ l-importazzjoni m’hi se tkun valida wara l-31 ta' Diċembru tal-perjodu annwali tal-kwota kkonċernat.

3.   L-għoti tal-liċenzja ta’ l-importazzjoni għandha tkun soġġetta għal depożitu ta’ garanzija ta' 20 EUR ir-ras li għandha tkun magħmula minn:

(a)

garanzija ta’ 3 EUR li jirreferi għaliha l-Artikolu 5(1) u

(b)

l-ammont ta' 17 EUR li l-applikant għandu jiddepożita flimkien ma’ l-applikazzjoni għal-liċenzja.

4.   Il-liċenzji maħruġa għandhom ikunu validi fil-Komunità kollha.

5.   Skond l-Artikolu 50(1) tar-Regolament (KE) No 1291/2000, id-dazju totali tat-Tariffa Tad-Dwana Komuni li hu applikabbli fid-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tad-dwana għaċ-ċirkolazzjoni libera għandu jiġi miġbur għall-kwantitajiet kollha impurtati li jaqbżu dawk li jidhru fil-liċenzja ta' l-importazzjoni.

6.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tat-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, il-garanzija m’għandhiex tiġi rrilaxxata sakemm tiġi ppreżentata prova illi d-detentur titolari tal-liċenzja kien responsabbli kummerċjalment u loġistikament mix-xiri, mit-trasport u mill-approvazzjoni għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ l-annimali kkonċernati. Din il-prova għandha mill-inqas tikkonsisti:

(a)

fil-fattura kummerċjali oriġinali jew kopja awtentikata magħmula f'isem id-detentur titolari mill-bejjiegħ jew mir-rappreżentant tiegħu, it-tnejn stabbiliti fil-pajjiż terz ta' l-esportazzjoni, u prova tal-ħlas mid-detentur titolari jew il-ftuħ mid-detentur titolari ta' kreditu dokumentarju irrevokabbli favur il-bejjiegħ;

(b)

f’dokument ta’ trasport, maħruġ f’isem il-possessur titolari, għall-annimali kkonċernati;

(c)

fi prova li l-prodotti ġew iddikkjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera bl-indikazzjoni ta’ l-isem u l-indirizz tad-detentur titolari bħala destinatarju.

Artikolu 8

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1291/2000 u (KE) Nru 1445/95 għandhom japplikaw, soġġetti għal dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar it-23 ta’ Diċembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 21. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).

(2)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132.

(3)  ĠU L 346, 29.12.2005, p. 33.

(4)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1856/2005 (ĠU L 297, 15.11.2005, p. 7).

(5)  ĠU L 143, tat-27.6.1995, p. 35. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1118/2004 (ĠU L 217, 17.6.2004, p. 10).

(6)  ĠU L 205, 3.8.1985, p. 5. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 673/2004 (ĠU L 105, 14.4.2004, p. 17).


ANNESS I

Faks KE (32 2) 292 17 34

E-mail: AGRI-IMP-BOVINE@cec.eu.int

Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2172/2005

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Annotazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(4)(c)

:

Bl-Ispanjol

:

Reglamento (CE) no 2172/2005

:

Biċ-Ċek

:

Nařízení (ES) č. 2172/2005

:

Bid-Daniż

:

Forordning (EF) nr. 2172/2005

:

Bil-Ġermaniż

:

Verordnung (EG) Nr. 2172/2005

:

Bl-Estonjan

:

Määrus (EÜ) nr 2172/2005

:

Bil-Grieg

:

Κανονισµός (ΕΚ) αριθ 2172/2005

:

Bl-Ingliż

:

Regulation (EC) No 2172/2005

:

Bil-Franċiż

:

Règlement (CE) no 2172/2005

:

Bit-Taljan

:

Regolamento (CE) n. 2172/2005

:

Bil-Latvjan

:

Regula (EK) Nr. 2172/2005

:

Bil-Litwan

:

Reglamentas (EB) Nr. 2172/2005

:

Bl-Ungeriż

:

2172/2005/EK rendelet

:

Bil-Malti

:

Regolament (KE) Nru 2172/2005

:

Bl-Olandiż

:

Verordening (EG) nr 2172/2005

:

Bil-Pollakk

:

Rozporządzenie (WE) nr 2172/2005

:

Bil-Portugiż

:

Regulamento (CE) no 2172/2005

:

Bis-Slovakk

:

Nariadenie (ES) č. 2172/2005

:

Bis-Sloven

:

Uredba (ES) št. 2172/2005

:

Bil-Finlandiż

:

Asetus (EY) N:o 2172/2005

:

Bl-Iżvediż

:

Förordning (EG) nr 2172/2005


Top