EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R1277

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1277/2005 tas- 27 ta' Lulju 2005 li jistabbilixxi r-regoli li jimplimentaw għar-Regolament (KE) Nru. 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi prekursuri tad-droga u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jfassal ir-regoli għas-sorveljanza tal-kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi tas-sustanzi prekursuri tad-droga Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 202, 3.8.2005, p. 7–33 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 287M, 18.10.2006, p. 246–272 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/06/2015; Imħassar b' 32015R1011

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1277/oj

18.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

246


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1277/2005

tas-27 ta' Lulju 2005

li jistabbilixxi r-regoli li jimplimentaw għar-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi prekursuri tad-droga u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jfassal ir-regoli għas-sorveljanza tal-kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi tas-sustanzi prekursuri tad-droga

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru. 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar is-sustanzi prekursuri tad-droga (1), u b’mod partikolari l-punti (a) u (f) ta’ l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi r-regoli għas-sorveljanza tal-kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi tas-sustanzi prekursuri tad-droga (2), u b’mod partikolari t-tielet sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 6 (1), l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 9(2), il-paragrafi (1) u (3) ta’ l-Artikolu 11, it-tielet sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 12(1), l-Artikolu 19 u l-Artikolu 28 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 3677/90 tat-13 ta’ Diċembru 1990 li jistabbilixxi l-miżuri li għandhom jittieħdu biex tkun skoraġġuta d-devjazzjoni ta’ ċertu sustanzi lejn il-manifattura illegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (3) li kien implimentat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru. 3769/92 tal-21 ta’ Diċembru 1992 li jimplimenta u jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 3677/90 li jistabbilixxi l-miżuri li għandhom jittieħdu biex tkun skoraġġuta d-devjazzjoni ta’ ċertu sustanzi lejn il-manifattura illegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (4) ħadlu postu r-Regolament (KE) Nru. 111/2005. Jeħtieġ li dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni, li jinsabu fir-Regolament 3769/92, isiru konformi mas-sett ġdid ta’ regoli previsti fir-Regolament (KE) Nru. 111/2005. Ir-Regolament (KEE) Nru. 3769/92 għandu għalhekk ikun revokat.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru. 273/2004 dwar is-sustanzi prekursuri tad-droga, li jieħu post id-Direttiva tal-Kunsill 92/109/KEE (5), jarmonizza d-dispożizzjonijiet dwar it-tqegħid fuq is-suq ta’ ċertu sustanzi użati fil-manifattura illegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi fi ħdan il-Komunità. Sabiex titjieb il-ħidma regolari tas-suq intern, għall-kummerċ tas-sustanzi prekursuri tad-droga, id-dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni għal liċenzja, l-għoti jew iċ-ċaħda tal-ħruġ ta' liċenzja, is-sospensjoni jew ir-revoka tagħha, għandhom ikunu armonizzati fuq livell Komunitarju.

(3)

Huwa importanti li tkun evitata t-tneħħija mhux awtorizzata tas-sustanzi tal-Kategorija 1, u għalhekk il-bini kummerċjali fejn dawn is-sustanzi huma maħżuna jew użati għandhom ikunu assigurati kontra t-tneħħija mhux awtorizzata.

(4)

It-tipi ta’ operaturi involuti f’kummerċ fi ħdan il-Komunità li jistgħu jibbenefikaw minn liċenzji speċjali u reġistrazzjonijiet speċjali għandhom ikunu definiti aħjar. Għandhom ikunu definiti l-każi fejn l-operaturi involuti f’kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi jistgħu jkunu eżentati mill-ħtieġa ta’ liċenzjar u reġistrazzjoni.

(5)

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-liċenzja u l-obbligazzjonijiet ta’ notifika ta’ l-operaturi involuti f’kummerċ fi ħdan il-Komunità u f’kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi għandhom, kemm jista’ jkun possibbli, ikunu identiċi.

(6)

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jippermettu li jkunu verifikati l-finijiet leċiti tal-kunsinni kollha ta’ sustanzi prekursuri tad-droga li jidħlu fit-territorju doganali tal-Komunità, inklużi, b’mod partikolari, il-kunsinni li jkunu fi triqithom lejn destinazzjoni oħra u dawk tat-trasbord u żoni sensittivi, bħaż-żoni Komunitarji ħielsa.

(7)

Hemm bżonn ta’ proċeduri speċifiċi għall-awtorizzazzjoni ta’ l-importazzjonijiet biex ikunu sorveljati kunsinni individwali ta’ importazzjonijiet tas-sustanzi tal-Kategorija 1 sabiex tkun evitata d-devjazzjoni f’fażi bikrija u b’mod partikolari biex tkun indirizzata l-problema dejjem tikber ta’ l-istimulanti tat-tip ta’ l-anfetamina.

(8)

Regoli dettaljati dwar in-notifika ta’ qabel l-esportazzjoni għandhom jippermettulha tadatta t-trasferiment ta’ l-informazzjoni u t-tip meħtieġ ta’ reazzjoni għas-sensittività tal-kunsinna esportata. Sabiex isir użu sħiħ min-notifika ta’ qabel l-esportazzjoni u s-sistema ta’ awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, l-isforzi għandhom fil-prinċipju jkunu mmirati lejn kunsinni b’riskju għoli. Regoli dettaljati dwar l-użu ssemplifikat tan-notifiki ta’ qabel l-esportazzjoni u l-għoti ta’ l-awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni permezz tal-proċedura ssemplifikata għandhom jippermettu li jeħfief il-piż amministrattiv għall-kimiċi tal-massa b’użu leċitu komuni.

(9)

Bl-għan li l-kummerċ ikun sorveljat b’mod effiċjenti, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod effiċjenti u jiskambjaw l-informazzjoni bejniethom.

(10)

Biex titjieb il-koordinazzjoni tas-sorveljanza għas-sustanzi prekursuri tad-droga huwa xieraq li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni, b’mod regolari, informazzjoni dwar il-prevenzjoni tad-devjazzjoni tas-sustanzi prekursuri tad-droga.

(11)

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-istess data bħar-Regolament (KE) Nru. 273/2004 u bħar-Regolament (KE) Nru 111/2005.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-kumitat dwar is-sustanzi prekursuri tad-droga.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

ID-DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni ta’ Regolamenti (KE) Nru. 273/2004 u (KE) Nru 111/2005 fir-rigward ta’ l-uffiċjal responsabbli, il-liċenzjar u r-reġistrazzjoni ta’ operaturi, l-għoti ta’ informazzjoni, in-notifiki ta’ qabel l-esportazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ esportazzjonijiet u importazzjonijiet fil-qasam tas-sustanzi prekursuri tad-droga.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, flimkien mad-definizzjonijiet li jinsabu fir-regolamenti (KE) Nru. 273/2004 u (KE) Nru. 111/2005, il-“bini kummerċjali” għandu jfisser il-bini flimkien ma’ l-art okkupata minn operatur f’post wieħed biss.

KAPITOLU II

L-UFFIĊJAL RESPONSABBLI

Artikolu 3

L-operaturi involuti fl-importazzjoni, fl-esportazzjoni jew f’attivitajiet intermedjarji li jissemmew fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru. 111/2005 li jinvolvi s-sustanzi fl-iskeda tal-Kategorija 1 jew 2, għandhom jaħtru uffiċjal responsabbli għall-kummerċ fis-sustanzi msemmija fl-iskeda, jinnotifikaw ismu lill-awtoritajiet kompetenti, u d-dettalji li bihom jista’ jsir kuntatt ma’ dan l-uffiċjal u jinnotifikawhom minnufih kull meta din l-informazzjoni tinbidel.

Artikolu 4

L-uffiċjal responsabbli msemmi fl-Artikolu 3 għandu jiżgura li l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-attivitajiet intermedjarji jseħħu b’konformità mad-dispożizzjonijiet legali rilevanti u għandu jingħata s-setgħa li jirrappreżenta lill-operatur u li jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa fit-twettiq ta’ dan il-kompitu.

KAPITOLU III

IL-LIĊENZJAR U R-REĠISTRAZZJONI TA’ L-OPERATURI

Artikolu 5

1.   Sabiex tinkiseb liċenzja skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru. 273/2004, l-operatur ikkonċernat għandu jagħmel applikazzjoni bil-miktub.

Din l-applikazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

l-isem sħiħ u l-indirizz ta’ l-applikant;

(b)

l-isem sħiħ ta’ l-uffiċjal responsabbli;

(c)

id-deskrizzjoni tal-pożizzjoni u l-kompiti ta’ l-uffiċjal responsabbli;

(d)

l-indirizzi sħaħ ta’ fejn jinsab il-bini kummerċjali;

(e)

id-deskrizzjoni tal-postijiet kollha tal-ħażna, tal-produzzjoni, tal-manifattura u ta’ l-ipproċessar tas-sustanzi fl-iskeda;

(f)

l-informazzjoni li turi li ttieħdu miżuri xierqa kontra t-tneħħija mhux awtorizzata ta’ sustanzi fl-iskeda mill-postijiet elenkati fil-punt (e);

(g)

l-isem u l-Kowd tan-NM tas-sustanzi fl-iskeda kif iddikjarat fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru. 273/2004;

(h)

fil-każ ta’ taħlita jew prodott naturali, indikazzjoni ta’ dan li ġej:

(i)

l-isem tat-taħlita jew tal-prodott naturali;

(ii)

l-isem u l-kowd tan-NM tas-sustanzi fl-iskeda fit-taħlita jew fil-prodott naturali, kif indikat fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru. 273/2004;

(iii)

il-persentaġġ massimu ta’ dawn is-sustanzi fl-iskeda fit-taħlita jew fil-prodott naturali;

(i)

deskrizzjoni tat-tip ta’ operazzjonijiet ikkunsidrati li jissemmew fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru. 273/2004;

(j)

kopja awtentika tar-Reġistru tal-kumpaniji jew ta’ l-attivitajiet, fejn hu xieraq;

(k)

ċertifikat ta’ kondotta tajba ta’ l-applikant u ta’ l-uffiċjal responsabbli jew dokument li juri li dawn jagħtu l-garanzija meħtieġa għat-tmexxija xierqa ta’ l-operazzjonijiet, kif hu xieraq.

L-applikant għandu jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom, b’aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti addizzjonali rilevanti.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika fir-rigward tal-liċenzji msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 111/2005.

Għall-finijiet tal-punt (e) tal-paragrafu 1, l-applikazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-postijiet kollha tal-ħażna, tal-ħidma, ta’ l-ipproċessar, tal-metodi normali ta’ ġestjoni u użu tas-sustanzi fl-iskeda.

Għall-finijiet tal-punt (g) u tal-punt (h) (ii) tal-paragrafu 1 għandu jingħata l-isem u l-kowd tan-NM tas-sustanzi fl-iskeda kif iddikjarat fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru. 111/2005.

Għall-finijiet tal-punt i) tal-paragrafu 1, trid tingħata deskrizzjoni tat-tipi ta’ operat li huma maħsuba, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 111/2005

Artikolu 6

L-operaturi għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jaraw li mill-bini ma jkunx hemm tneħħija mhux awtorizzata tas-sustanzi fl-iskeda elenkati fil-Kategorija 1.

Artikolu 7

1.   L-awtorità kompetenti għandha tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal-liċenzji msemmija fl-Artikolu 5 sa 60 ġurnata tax-xogħol mid-data li tkun waslet l-applikazzjoni.

Fil-każ ta’ tiġdid ta’ liċenzja, id-deċiżjoni għandha tittieħed fi żmien 30 ġurnata tax-xogħol.

2.   L-awtorità kompetenti tista’ tissospendi l-perjodi li jissemmew fil-paragrafu 1 biex tippermetti lill-applikant jipprovdi kwalunkwe informazzjoni nieqsa. F’dan il-każ is-sospensjoni għandha tibda mill-ġurnata meta l-awtorità kompetenti tinforma lill-applikant dwar l-informazzjoni nieqsa.

3.   Il-liċenzja tista’ tkopri l-operazzjonijiet kollha msemmija fir-Regolament (KE) Nru. 273/2004 u fir-Regolament (KE) Nru. 111/2005.

4.   Fl-għoti tal-liċenzja, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw il-mudell stabbilit fl-Anness I.

5.   L-awtorità kompetenti tista’ tagħti liċenzja taħt waħda minn dawn il-forom segwenti:

(a)

liċenzja li tkopri s-sustanzi kollha fl-iskeda u l-operazzjonijiet kollha għal kull bini kummerċjali;

(b)

liċenzja li tkopri s-sustanzi kollha fl-iskeda u l-operazzjonijiet kollha għal kull Stat Membru;

Artikolu 8

1.   Sakemm il-miżuri adottati skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru. 273/2004 ma jkunux ippreġudikati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiċħdu l-ħruġ tal-liċenzja jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 (1) ta’ dan ir-Regolament ma jintlaħqux jew jekk ikun hemm raġunijiet validi biex wieħed jissuspetta li s-sustanzi fl-iskeda jkunu maħsuba għall-manifattura illegali ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.

2.   Soġġett għall-Artikolu 5(2), il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jrid japplika fejn għandhom x’jaqsmu l-applikazzjonijiet taħt ir-Regolament (KE) Nru. 111/2005 u sakemm il-miżuri adottati skond l-Artikolu 26(3) ta’ dak ir-Regolament ma jkunux ippreġudikati.

Artikolu 9

Fil-każ ta’ kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi msemmi fir-Regolament (KE) Nru. 111/2005, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jew jillimitaw il-validità tal-liċenzja għal perjodu li ma jeċċedix it-tliet snin jew jeħtieġu li l-operaturi, f’intervalli ta’ żmien li ma jeċċedux it-tliet snin, juru li l-kundizzjonijiet li taħthom ingħatat il-liċenzja għadhom qed jintlaħqu.

Il-validità tal-liċenzji maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru. 111/2005 m’għandix tkun milquta.

Artikolu 10

1.   Liċenzja m’għandix tkun trasferibbli.

2.   Min għandu l-liċenzja għandu, skond l-Artikolu 5, japplika għal liċenzja ġdida f’xi każ fost dawn li ġejjin:

(a)

iż-żieda ta’ sustanza oħra fl-iskeda;

(b)

il-bidu ta’ operazzjoni ġdida;

(c)

li jinbidel il-post tal-bini kummerċjali fejn ikunu qed isiru l-operazzjonijiet.

F’dawn il-każi, il-validità tal-liċenzja eżistenti għandha tintemm fid-data li tiġi l-ewwel fost dawn li ġejjin:

(i)

id-data ta’ meta tiskadi l-validità fejn terminu ta’ validità kien stabbilit skond l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament jew skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 273/2004;

(ii)

id-data ta’ meta tibda l-validità tal-liċenzja l-ġdida.

3.   F’każi ta’ bidliet fl-informazzjoni provduta skond l-Artikolu 5 għajr għal dawk li jissemmew fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari l-isem ta’ l-uffiċjal responsabbli, min għandu l-liċenzja għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol wara din il-bidla.

Fil-każi fejn, wara l-bidla, il-kundizzjonijiet li jissemmew fl-Artikolu 5 jibqgħu jintlaħqu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jemendaw il-liċenzja kif jixraq.

4.   Is-sidien tal-liċenzji għandhom jirritornaw il-liċenzji li ma jkunux għadhom validi lill-awtoritajiet kompetenti.

5.   Il-paragrafu 2 għandu japplika għal-liċenzji maħruġa qabel id-data ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru. 273/2004 u tar-Regolament (KE) Nru. 111/2005.

Artikolu 11

1.   Sakemm il-miżuri adottati skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru. 273/2004 ma jkunux ippreġudikati, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jissospendu jew jirrevokaw liċenzja fil-każi li ġejjin:

(a)

il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament ma jibqgħux jintlaħqu;

(b)

hemm raġunijiet validi sabiex wieħed jissuspetta li s-sustanzi fl-iskeda huma maħsuba għall-manifattura illegali ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi;

(c)

min għandu l-liċenzja ma jkunx uża l-liċenzja għall-perjodu ta’ tliet snin.

2.   Soġġett għall-Artikolu 5(2), il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu japplika fir-rigward tal-liċenzji skond ir-Regolament (KE) Nru. 111/2005 u sakemm il-miżuri adottati skond l-Artikolu 26 (3) ta’ dan ir-Regolament mhumiex ippreġudikati.

Artikolu 12

1.   L-Artikoli 5 sa 11 m’għandhomx japplikaw għal-liċenzji speċjali msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru. 273/2004.

2.   L-awtoritajiet pubbliċi msemmija fil-paragrafi 2 u 6 ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru. 273/2004 għandhom jinkludu d-dwana, il-pulizija u l-laboratorji uffiċjali ta’ l-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 13

L-ispiżeriji, l-ispiżeriji tal-mediċina veterinarja, id-dwana, il-pulizija u l-laboratorji uffiċjali ta’ l-awtoritajiet kompetenti u l-forzi armati għandhom ikunu eżentati mill-ħtieġa ta’ liċenzjar u reġistrazzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru. 111/2005 fejn dawn l-operaturi jużaw sustanzi prekursuri tad-droga fl-ambitu tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom biss.

L-operaturi indikati fl-ewwel paragrafu huma eżentati wkoll minn dan li ġej

(a)

l-għotja tad-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 ta’Regolament (KE) Nru. 111/2005,

(b)

l-obbligu li jinħatar uffiċjal reponsabbli kif previst fl-Artikolu 3 ta’ dan Regolament.

Artikolu 14

1.   L-operaturi involuti fl-esportazzjoni ta’ sustanzi fl-iskeda elenkati fil-Kategorija 3 ta’ l-Anness għar-Regolament (KE) Nru. 111/2005 għandhom ikunu eżentati mill-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament jekk it-total tal-kwantitajiet li jirrigwardaw l-esportazzjonijiet tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti (1 ta’ Jannar –31 ta’ Diċembru) ma jeċċedix l-ammonti speċifikati fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Meta dawn l-ammonti jinqabżu fis-sena kalendarja kurrenti l-operatur għandu minnufih jikkonforma mal-ħtieġa li jirreġistra.

2.   L-operaturi involuti fl-esportazzjoni ta’ taħlitiet li fihom is-sustanzi fl-iskeda elenkati fil-Kategorija 3 ta’ l-Anness għar-Regolament (KE) Nru. 111/2005, għandhom ikunu eżentati mill-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament jekk l-ammont tas-sustanza fl-iskeda preżenti fit-taħlitiet ma jeċċeddix, matul is-sena kalendarja preċendenti, l-ammonti speċifikati fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Meta dawn l-ammonti jinqabżu fis-sena kalendarja kurrenti, l-operatur għandu minnufih jikkonforma mal-ħtieġa li jirreġistra.

Artikolu 15

Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru. 273/2004, il-klijenti għandhom jinformaw lill-fornituri tagħhom jekk l-Artikolu japplikax għalihom.

Artikolu 16

Fejn, skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru. 111/2005, l-awtoritajiet kompetenti jitolbu prova tal-finijiet legali tat-tranżazzjoni, l-operatur għandu, skond il-mudell stabbilit fl-Anness III għal dan ir-Regolament, jipprovdi dikjarazzjoni bil-miktub li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu sodisfatti li l-kunsinna telqet mill-pajjiż ta’ l-esportazzjoni skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ adottati skond l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-traffiku illegali fid-Drogi Narkotiċi u s-sustanzi Psikotropiċi (minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti”).

Madankollu, l-operatur jista’ wkoll jippreżenta l-awtoritazzazzjoni għall-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 jew id-dikjarazzjoni tal-klijent imsmmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru. 273/2004.

KAPITOLU IV

L-INFORMAZZJONI PPROVDUTA

Artikolu 17

Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru. 273/2004 l-operaturi għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti fil-qosor dwar il-kwantitajiet tas-sustanzi fl-iskeda użati jew fornuti u, fil-każ ta’ forniment, il-kwantità fornuta lil kull parti terza.

L-ewwel paragrafu għandu japplika għas-sustanzi fl-iskeda fil-Kategorija 3, biss fuq talba mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 18

1.   Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru. 111/2005 l-operaturi li għandhom liċenzja jew reġistrazzjoni għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar dan li ġej:

(a)

l-esportazzjonijiet kollha tas-sustanzi fl-iskeda soġġetti għal awtorizzazzjoni ta’ l-esportazzjoni;

(b)

l-importazzjonijiet kollha tas-sustanzi fl-iskeda tal-Kategorija 1 li jeħtieġu awtorizzazzjoni għall-importazzjoni jew il-każi kollha fejn is-sustanzi fl-iskeda tal-Kategorija 2 jiddaħħlu f’żona ħielsa ta’ kontroll tat-tip II, u jitqiegħdu taħt proċedura li twassal għal sospensjoni għajr għal meta jkunu se jintbagħtu f’destinazzjoni oħra, jew jinħelsu biex jiċċirkolaw b’mod ħieles;

(c)

l-attivitajiet intermedjarji kollha li jinvolvu s-sustanzi fl-iskeda tal-Kategoriji 1 u 2.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tkun organizzata billi ssir referenza għall-pajjiżi tad-destinazzjoni, għall-kwantitajiet li jridu jiġu esportati u għan-numri ta’ referenza ta’ l-awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni, skond kif ikun il-każ.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandha tkun organizzata billi ssir referenza għall-pajjiż terz ta’ l-esportazzjoni u għan-numru ta’ referenza ta’ l-awtorizzazzjonijiet għall-importazzjoni, skond kif ikun il-każ.

4.   L-informazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandha tkun organizzata billi ssir referenza għall-pajjiżi terzi involuti f’dawn l-attivitajiet intermedjarji u għall-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni u għall-importazzjoni, skond kif ikun il-każ. L-operaturi għandhom jipprovdu aktar informazzjoni, fuq talba ta’ l-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 19

L-informazzjoni li tissemma fl-Artikoli 17 u 18 għandha tkun ipprovduta darba fis-sena qabel il-15 ta’ Frar.

L-operatur għandu jinforma wkoll lill-awtoritajiet kompetenti meta ma tkun saret l-ebda operazzjoni.

L-informazzjoni għandha titiqies bħala informazzjoni kummerċjali konfidenzjali.

KAPITOLU V

IN-NOTIFIKA TA’ QABEL L-ESPORTAZZJONI

Artikolu 20

Il-listi li jissemmew fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru. 111/2005 għandhom, ta’ l-inqas, jinkludu dan li ġej:

(a)

il-pajjiżi li magħhom il-Komunità kkonkludiet ftehim speċifiku dwar is-sustanzi prekursuri tad-droga;

(b)

il-pajjiżi terzi li talbu li jirċievu notifika ta’ qabel l-esportazzjoni skond l-Artikolu 12(10) tal-Konvenzjoni tal-Nazzjonijiet Uniti.

Dawn il-listi huma mniżżla fl-Anness IV.

Artikolu 21

1.   Fil-każ ta’ l-esportazzjonijiet maħsuba għall-proċedura ssemplifikata ta’ l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru. 111/2005 u fl-Artikoli 25, 26 u 27 ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jibagħtu notifika ssemplifikata ta’ awtorizzazzjoni ta’ qabel l-esportazzjoni li tkopri diversi operazzjonijiet ta’ esportazzjoni mwettqa f’perjodu speċifiku ta’ sitta jew tnax-il xahar.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru. 111/2005 u jindikaw lill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni li n-notifika ta’ qabel l-esportazzjoni tkopri numru ta’ operazzjonijiet ta’ esportazzjoni mwettqa f’perjodu speċifiku ta’ sitta jew tnax-il xahar.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu notifika ta’ qabel l-esportazzjoni lill-pajjiż tad-destinazzjoni billi jużaw il-formola għan-“notifika multilaterali ta’ rapportar kimiku” stabbilita fl-Anness V.

KAPITOLU VI

L-AWTORIZZAZZJONI GĦALL-IMPORTAZZJONI/ESPORTAZZJONI

Artikolu 22

Il-pajjiżi tad-destinazzjoni ta’ l-esportazzjonijiet tas-sustanzi fl-iskeda elenkati fil-Kategorija 3 li jeħtieġu awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni huma indikati fl-Anness IV.

Artikolu 23

1.   L-awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni u għall-importazzjoni għandhom isiru fuq il-formoli mogħtija fl-Anness VI u fl-Anness VII rispettivament. It-taqsim tal-formoli għandu jkun wieħed li jorbot.

Awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni jew għall-importazzjoni tista’ tingħata wkoll b’mezzi elettroniċi. F’dak il-każ, l-Istati Membri jistgħu jadattaw il-kaxxa li għandha x’taqsam man-numru ta’ l-awtorizzazzjoni.

2.   Awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni għandha tkun stabbilita f’erba’ kopji nnumerati mill-1 sa l-4.

Il-Kopja Nru. 1 għandha tinżamm mill-awtorità li toħroġ l-awtorizzazzjoni.

Il-Kopji Nru. 2 u Nru. 3 għandhom ikunu mas-sustanzi fl-iskeda u jkunu ppreżentati lill-uffiċċju tad-dwana fejn issir id-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni doganali u sussegwentement lill-awtoritajiet kompetenti fil-punt tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Komunità. L-awtoritajiet kompetenti, fil-punt tal-ħruġ, għandhom jirritornaw il-Kopja Nru. 2 lill-awtorità li tkun ħarġitha. Il-Kopja Nru. 3 għandha tkun mas-sustanzi fl-iskeda għand l-awtorità kompetenti tal-pajjiż ta’ importazzjoni.

Il-Kopja Nru. 4 għandha tinżamm mill-esportatur.

3.   L-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni għandha tkun stabbilita f’erba’ kopji nnumerati mill-1 sa l-4.

Il-Kopja Nru. 1 għandha tinżamm mill-awtorità li toħroġ l-awtorizzazzjoni.

Il-Kopja Nru. 2 għandha tintbagħat lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż li qed jesporta mill-awtorità li toħroġha.

Il-Kopja Nru. 3 għandha tkun mas-sustanzi fl-iskeda mill-punt tad-dħul fit-territorju doganali tal-Komunità sal-bini kummerċjali ta’ l-importatur, li jibgħat din il-kopja lill-awtorità li tkun ħarġitha.

Il-Kopja Nru. 4 għandha tinżamm mill-importatur.

4.   Awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni jew għall-importazzjoni m’għandix tingħata għal aktar minn żewġ sustanzi fl-iskeda.

Artikolu 24

1.   Il-formoli ta’ l-awtorizzazzjoni għandhom ikunu stampati f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità jew f’aktar minn waħda.

2.   Il-formoli għandhom ikunu ta’ format A4. Dawn għandu jkollhom sfond stampat b’disinn ornamentali li jixbaħ żagarelli mmaljati li minħabba fih tidher kwalunkwe falsifakazzjoni b’mezzi mekkaniċi jew kimiċi.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirriservaw id-dritt li jistampaw il-formoli ta’ l-awtorizzazzjoni huma stess jew jibagħtuhom għall-istampar għand stampaturi approvati minnhom. F’dan l-aħħar każ, kull formola ta’ l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi referenza għal approvazzjoni bħal din. Barra minn hekk, il-formola ta’ l-awtorizzazzjoni għandu jkollha l-isem u l-indirizz ta’ l-istampatur jew marka li biha l-istampatur jista’ jkun identifikat.

Artikolu 25

Fuq applikazzjoni min-naħa ta’ l-operatur ikkonċernat, l-awtorità kompetenti tista’ tagħti awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni bi proċedura ssemplifikata, kif jissemma fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, f’każi ta’ esportazzjoni frekwenti ta’ sustanza fl-iskeda speċifika waħda, fil-lista tal-Kategorija 3, li tinvolvi l-istess esportatur stabbilit fil-Komunità u l-istess importatur fl-istess pajjiż terz tad-destinazzjoni, li tkopri perjodu speċifiku ta’ żmien ta’ sitta jew tnax-il xahar.

Awtorizzazzjoni ssemplifikata għall-esportazzjoni bħal din tista’ tingħata biss fil-każi li ġejjin:

(a)

fejn matul l-esportazzjonijiet preċedenti l-operatur wera l-ħila li jissodisfa l-obbligazzjonijiet kollha marbuta ma’ dawk l-esportazzjonijiet, u ma wettaq l-ebda offiża kontra l-leġislazzjoni rilevanti;

(b)

fejn l-awtorità kompetenti tista’ tkun sodisfatta dwar il-finijiet legali ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni.

Artikolu 26

1.   L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ssemplifikata għall-esportazzjoni li tissemma fl-Artikolu 25 għandha tinkludi, ta’ l-inqas, dan li ġej:

(a)

l-ismijiet u l-indirizzi ta’ l-esportatur, l-importatur fil-pajjiż terz u d-destinatarju finali;

(b)

l-isem tas-sustanza fl-iskeda, kif indikat fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru. 111/2005, jew, fil-każ ta’ taħlita jew prodott naturali, l-isem u l-Kowd tan-NM tagħha u l-isem ta’ kwalunkwe sustanza fl-iskeda, kif indikat fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru. 111/2005, li tinsab fit-taħlita jew fil-prodott naturali;

(c)

il-kwantità massima tas-sustanza fl-iskeda maħsuba għall-esportazzjoni;

(d)

il-perjodu ta’ żmien maħsub għall-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tieħu d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ssemplifikata ta’ l-esportazzjoni f’perjodu ta’ 15-il ġurnata ta’ xogħol mid-data li fiha tkun waslet l-informazzjoni meħtieġa.

Artikolu 27

1.   Għandha tkun stabbilita awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni mogħtija bi proċedura ssemplifikata billi jintużaw il-kopji Nru. 1, 2, u 4 u l-formola stabbilita fl-Anness VI.

Il-Kopja Nru. 1 għandha tinżamm mill-awtorità li toħroġ l-awtorizzazzjoni.

Il-Kopja Nru. 2 u l-Kopja Nru. 4 għandhom jibqgħu għand l-esportatur.

L-esportatur għandu jindika d-dettalji ta’ kull operazzjoni ta’ esportazzjoni fuq in-naħa ta’ wara tal-Kopja Nru. 2, b’mod partikolari l-kwantità tas-sustanza fl-iskeda ta’ kull operazzjoni ta’ esportazzjoni u l-kwantità li jkun fadal. Il-Kopja Nru. 2 għandha tkun ippreżentata lill-uffiċċju doganali meta ssir id-dikjarazzjoni tad-dwana. L-uffiċċju doganali għandu jikkonferma d-dettalji u jirritorna l-kopja lill-esportatur.

2.   L-operatur għandu jikteb in-numru ta’ l-awtorizzazzjoni u l-kliem “proċedura ssemplifikata ta’ awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni” fuq id-dikjarazzjoni tad-dwana għal kull operazzjoni ta’ esportazzjoni.

Fejn l-uffiċċju doganali tal-ħruġ ma jkunx fil-punt tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Komunità, l-informazzjoni msemmija fl-ewwel sotto-paragrafu għandha tkun provduta fuq id-dokumenti li jkun hemm mal-kunsinna esportata.

3.   L-esportatur għandu jirritorna l-Kopja Nru. 2 lill-awtorità li ħarġitha mhux aktar tard minn għaxart ijiem ta’ xogħol wara li jiskadi l-perjodu ta’ validità ta’ l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni mogħtija bi proċedura ssemplifikata.

KAPITOLU VII

ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 28

1.   Kull Stat Membru għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom ta’ kontroll u sorveljanza, inklużi spezzjonijiet biex ikun eżaminat jekk il-bini kummerċjali huwiex xieraq.

2.   L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kollha involuti.

Artikolu 29

1.   Fix-xahar li jiġi wara kull perjodu kalendarju ta’ tliet xhur, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni lista li tipprovdi l-informazzjoni dwar il-każi fejn il-ħruġ tas-sustanzi fl-iskeda kien sospiż jew is-sustanzi fl-iskeda kienu miżmuma.

Din l-informazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

l-isem tas-sustanzi fl-iskeda; jekk magħrufa, l-oriġini tagħhom, minn fejn ġejjin u d-destinazzjoni tagħhom;

(b)

il-kwantità tas-sustanzi fl-iskeda, l-istat doganali tagħhom u l-mezz ta’ trasport użat.

2.   Fit-tmiem ta’ kull sena kalendarja, il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri kollha l-informazzjoni li rċeviet skond il-paragrafu 1.

Artikolu 30

Ir-Regolament (KEE) Nru. 3769/92 huwa rrevokat b’effett mit-18 ta’ Awwissu 2005.

Ir-referenzi għar-Regolament irrevokat għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 31

Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrevokaw l-awtorizzazzjonijiet individwali għall-esportazzjonijiet li għadhom miftuħa, li kienu ngħataw skond l-Artikoli 5(3) u 5a(3) tar-Regolament (KEE) Nru. 3677/90. Madankollu, din ir-revoka m’għandix ikollha effett fuq is-sustanzi fl-iskeda li kienu ddikjarati għall-esportazzjoni qabel l-1 ta’ Jannar 2006.

Artikolu 32

Dan ir-Regolament irid jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

uwa japplika mit-18 ta’ Awwissu 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar is-27 ta' Lulju 2005.

Għall-Kummissjoni

Gunther VERHEUGEN

Viċi-President


(1)  ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1

(2)  ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 357, 20.12.1990, p. 1.

(4)  ĠU L 383, 29.12.1992, pġ. 17; Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1232/2002 (ĠU L 180, 10.7.2002, p. 5);

(5)  ĠU L 370, 19.12.1992, p. 76, Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2003/101/KE (ĠU L 286, 4.11.2003, p. 14);


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

Noti

1.

It-taqsim tal-mudell ma jorbotx.

2.

In-numri ta’ l-ordni u t-test tal-mudell jorbtu. Il-kaxxi mmarkati b’tipa skura għandhom jimtlew bilfors.

3.

Id-dettalji tal-kaxxi:

 

Kaxxa 1 (Min għandu l-liċenzja): Jista’ jkun inkluż ukoll l-isem ta’ l-uffiċjal responsabbli.

 

Kaxxa 3 (validità/tmiem): Speċifika t-tmiem tal-validità jew jekk l-operaturi humiex obbligati juru, f’intervalli li ma jeċċedux it-tliet snin, li l-kundizzjonijiet li taħthom ingħatat il-liċenzja għadhom jintlaħqu.

 

Kaxxa 4 (sustanzi fl-iskeda): Isem is-sustanza fl-iskeda kif iddikjarat fl-Anness, jew, fil-każ ta’ taħlita jew prodott naturali, isimha/ismu u l-isem ta’ kull sustanza fl-iskeda, kif iddikjarat fl-Anness, inkluża fit-taħlita jew fil-prodott naturali. Indika l-imluħ fejn hu xieraq.

 

Kaxxa 4 (Kowd tan-NM): Barra mill-Kowd tan-NM, in-numru tal-CAS jista’ jkun miżjud.

 

Kaxxa 4 (operazzjoni): Speċifika l-attivitajiet ta’ l-esportazzjoni, l-importazzjoni u/jew l-attivitajiet intermedjarji. Fil-każ ta’ importazzjoni, speċifika jekk il-ħażna, il-ħidma, l-ipproċesar, il-metodi normali ta’ ġestjoni u/jew ta’ ħruġ għal ċirkolazzjoni ħielsa, fejn hu xieraq. Għall-operazzjonijiet koperti mir-Regolament (KE) Nru 273/2004, speċifika: il-ħażna, il-produzzjoni, il-manifattura, l-ipproċessar, il-kummerċ, id-distribuzzjoni u/jew is-senserija.

 

Kaxxa 4 (bini kummerċjali): Fil-każ ta’ l-attivitajiet intermedjarji msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, m’hemmx għalfejn ikun speċifikat il-bini kummerċjali.

4.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu xi kaxxi oħra għal finijiet nazzjonali. Dawn il-kaxxi għandhom ikunu indikati b’numru ta’ l-ordni segwit minn ittra kapitali (eż. 4A).


ANNESS II

Sustanza

Kwantità

Aċetun (1)

50  kg

Etere ta’ l-etile (1)

20  kg

Methylethylketone  (1)

50  kg

Toluene  (1)

50  kg

Aċidu sulfuriku

100  kg

Aċidu idrokloriku

100  kg


(1)  L-imluħ ta’ dawn is-sustanzi kull fejn l-eżistenza ta’ dawn l-imluħ hija possibbli.


ANNESS III

Image

Test ta 'immaġni

Noti

1.

It-taqsim tal-mudell ma jorbotx.

2.

In-numri ta’ l-ordni u t-test tal-mudell jorbtu.


ANNESS IV

I.

Il-lista tal-pajjiżi li jissemmew fl-Artikolu 20:

Is-sustanza

Id-destinazzjoni

Anidride aċetika

Permanganat tal-potassju

Kull pajjiż terz

Aċidu antroniliku

 

Antigwa u Barbuda

 

Il-Benin

 

Il-Bolivja

 

Il-Brażil

 

Il-Gżejjer Kajman

 

Iċ-Ċilì

 

Il-Kolombja

 

Il-Kosta Rika

 

Ir-Repubblika Dominikana

 

L-Ekwador

 

L-Etijopja

 

Il-Ħaiti

 

L-Indja

 

L-Indonesja

 

Il-Ġordan

 

Il-Kazakastan

 

Il-Libanu

 

Il-Madagaskar

 

Il-Malasja

 

Il-Messiku

 

In-Niġerja

 

Il-Paragwaj

 

Il-Perù

 

Il-Filippini

 

Ir-Repubblika tal-Moldova

 

Ir-Rumanija

 

Il-Federazzjoni Russa

 

L-Għarabja Sawdita

 

L-Afrika t’Isfel

 

It-Taġikistan

 

It-Turkija

 

L-Emirati Għarab Magħquda

 

Ir-Repubblika Magħquda tat-Tanzanija

 

Il-Venezwela

Aċidu Fenilaċetiku

Piperidina

 

Antigwa u Barbuda

 

Il-Benin

 

Il-Bolivja

 

Il-Brażil

 

Il-Gżejjer Kajman

 

Iċ-Ċilì

 

Il-Kolombja

 

Il-Kosta Rika

 

Ir-Repubblika Dominikana

 

L-Ekwador

 

L-Etijopja

 

Il-Ħaiti

 

L-Indja

 

L-Indonesja

 

Il-Ġordan

 

Il-Kazakastan

 

Il-Libanu

 

Il-Madagaskar

 

Il-Malasja

 

Il-Messiku

 

In-Niġerja

 

Il-Paragwaj

 

Il-Perù

 

Il-Filippini

 

Ir-Repubblika tal-Moldova

 

Ir-Rumanija

 

Il-Federazzjoni Russa

 

L-Għarabja Sawdita

 

It-Taġikistan

 

It-Turkija

 

L-Emirati Għarab Magħquda

 

Ir-Repubblika Magħquda tat-Tanzanija

 

Stati Uniti ta' l-Amerka

 

Il-Venezwela

II.

Il-lista tal-pajjiżi msemmija fl-Artikoli 20 u 22:

Is-sustanza

Id-destinazzjoni

Methylethyl ketone (MEK)  (1)

Toluene  (1)

Aċetun  (1)

Etere ta’ l-etile  (1)

 

Antigwa u Barbuda

 

L-Arġentina

 

Il-Benin

 

Il-Bolivja

 

Il-Brażil

 

Il-Gżejjer Kajman

 

Iċ-Ċilì

 

Il-Kolombja

 

Il-Kosta Rika

 

Ir-Repubblika Dominikana

 

L-Ekwador

 

El Salvador

 

L-Eġittu

 

L-Etijopja

 

Il-Gwatemala

 

Il-Ħaiti

 

Il-Ħonduras

 

L-Indja

 

Il-Ġordan

 

Il-Panama

 

Il-Libanu

 

Il-Madagaskar

 

Il-Malasja

 

Il-Messiku

 

In-Niġerja

 

Il-Pakistan

 

Il-Paragwaj

 

Il-Perù

 

Il-Filippini

 

Ir-Repubblika tal-Moldova

 

Ir-Rumanija

 

Il-Federazzjoni Russa

 

L-Għarabja Sawdita

 

It-Taġikistan

 

It-Turkija

 

L-Emirati Għarab Magħquda

 

Ir-Repubblika Maqgħuda tat-Tanzanija

 

L-Urugwaj

 

Il-Venezwela

Aċidu idrokloriku

Aċidu sulfuriku

 

Il-Bolivja

 

Iċ-Ċilì

 

Il-Kolombja

 

L-Ekwador

 

Il-Perù

 

It-Turkija

 

Il-Venezwela


(1)  Dan jinkludi l-imluħ ta’ dawn is-sustanzi kull fejn l-eżistenza ta’ dawn l-imluħ hija possibbli.


ANNESS V

Image

Test ta 'immaġni

Noti

1.

It-taqsim tal-mudell ma jorbotx.

2.

In-numri ta’ l-ordni u t-test tal-mudell jorbtu. Il-kaxxi mmarkati b’tipa skura għandhom jimtlew bilfors.

3.

Aktar dettalji dwar il-kaxxi:

 

Kaxxa “Parti A”: Indika jekk l-NKM tkoprix l-operazzjoni ta’ esportazzjoni waħda jew ta’ aktar minn waħda. Meta tkopri diversi operazzjonijiet, indika l-perjodu ta’ żmien maħsub.

 

Kaxxa 14 (kwantità u piż): Fil-każ ta NKM li tkopri diversi operazzjonijiet, indika l-kwantità u l-piż massimi.

 

Punt 18 (Data tat-tluq): Fil-każ ta’ NKM li tkopri diversi operazzjonijiet, din il-Kaxxa għandha timtela billi tiġi indikata d-data finali tat-tluq stmata.


ANNESS VI

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Noti

I.

1.

L-awtorizzazzjoni għandha timtela f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità. Jekk tinkiteb bl-id, għandha timtela bil-linka b’ittra kapitali.

2.

Il-kaxxi 1, 3, 5, 7, 9 sa 19 għandhom jimtlew mill-applikant hekk kif iressaq it-talba; madankollu l-informazzjoni meħtieġa fil-kaxxi 7, 8 u 10 sa 13 u 18 tista’ tingħata aktar tard, jekk l-informazzjoni ma tkunx magħrufa fil-waqt tat-talba. F’dan il-każ, l-informazzjoni fil-Kaxxa 18 għandha tkun miżjuda sa mhux aktar tard minn meta ssir id-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni u l-informazzjoni supplimentari tal-kaxxi 7, 8 u 10 sa 13 għandha tingħata lid-dwana jew lil awtorità oħra fil-punt tal-ħruġ mit-territorju tal-Komunità sa mhux aktar tard mit-tluq fiżiku tal-prodotti.

3.

Il-kaxxi 1, 5, 7 u 9: Daħħal l-ismijiet u l-indirizzi sħaħ (telefon, fax u email jekk disponibbli).

4.

Il-kaxxa 5: Daħħal in-numru ta’ referenza għad-dokument ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni ta’ l-importatur tal-pajjiż terz, (per eżempju, “ittra ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni”, permess ta’ importazzjoni, dikjarazzjoni oħra mill-pajjiż terz tad-destinazzjoni), fejn ikun xieraq.

5.

Il-kaxxa 7: Daħħal l-isem u l-indirizz sħiħ (telefon, fax u email jekk disponibbli) ta’ kull operatur ieħor involut fl-operazzjoni ta’ l-esportazzjoni bħat-trasportaturi, l-intermedjarji, l-aġenti doganali.

6.

Il-kaxxa 9: Daħħal l-isem u l-indirizz sħiħ (telefon, fax u email jekk disponibbli) tal-persuni jew tal-kumpanija li għandha se jitwasslu l-prodotti fil-pajjiż tad-destinazzjoni (mhux neċessarjament l-utent finali).

7.

Il-kaxxa 10: Agħti l-isem ta’ l-Istat Membru, il-port, l-ajruport jew il-punt tal-fruntieri, fejn adattat.

8.

Il-kaxxa 11: Agħti l-isem tal-pajjiż, il-port, l-ajruport jew il-punt tal-fruntiera, fejn adattat.

9

Il-kaxxa 12: Speċifika l-mezzi kollha tat-trasport li se jintużaw (eż. trakk, vapur, ajruplan, ferrovija, eċċ). Fil-każ ta’ awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni li tkopri diversi operazzjonijiet ta’ esportazzjoni, din il-kaxxa m’għandhiex għalfejn timtela.

10.

Il-kaxxa 13: Agħti kemm jista’ jkun dettalji sħaħ dwar ir-rotta li se tittieħed

11.

Il-kaxxi 14 a, b: Daħħal l-isem tas-sustanza fl-iskeda kif iddikjarat fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru. 111/2005 jew fil-każ ta’ taħlita jew prodott minerali, l-isem u l-Kowd tan-NM ta’ 8 numri tat-taħlita jew prodott naturali

12.

Il-kaxxi 14 a, b: Identifika l-pakketti u s-sustanzi bi preċiżjoni (eż. 2 laned ta’ 5 litri kull waħda). Fil-każ ta’ taħlita, prodott naturali jew preparazzjoni, indika l-isem kummerċjali konċernat.

13.

Il-kaxxi 15 a, b: Daħħal il-Kowd tan-NM ta’ 8 numri tas-sustanza fl-iskeda kif iddikjarat fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru. 111/2005.

14.

Il-kaxxa 19:

Indika b’ittri kapitali l-isem ta’ l-applikant jew, fejn meħtieġ, tar-rappreżentant awtorizzat li jiffirma l-applikazzjoni

Il-firma ta’ l-applikant jew ir-rappreżentant awtorizzat, skond il-modalitajiet ipprovduti mill-Istat Membru kkonċernat, tindika li l-persuna kkonċernata qed tiddikjara li l-partikolaritajiet kollha mogħtija fl-applikazzjoni huma korretti u ddikjarati kollha. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli ta’ dispożizzjonijiet penali, din id-dikjarazzjoni hija ekwivalenti għat-teħid ta’ responsabbiltà, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri, fir-rigward ta’ dan li ġej:

l-eżatezza ta’ l-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni;

l-awtentiċità ta’ kwalunkwe dokumenti mehmuż;

l-osservanza ta’ l-obbligi kollha inerenti fl-esportazzjoni tas-sustanzi fl-iskeda elenkati fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru. 111/2005.

Kull meta l-awtorizzazzjoni tinħareġ permezz ta’ proċedura komputerizzata, dik l-awtorizzazzjoni tista’ ma jkunx fiha l-firma ta’ l-applikant f’din il-kaxxa, jekk l-applikazzjoni stess fiha din il-firma.

II.   

(Il-proċedura ssimplifikata ta’ l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni)

1.

Fil-każ ta’ proċedura ssemplifikata ta’ l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, il-kaxxi 7 sa 13 u 18 jistgħu ma jimtlewx.

2.

Fuq in-naħa ta’ wara tal-Kopja Nru.2, il-kaxxi 24 sa 27 jistgħu jimtlew għal kull operazzjoni ta’ esportazzjoni.

3.

Il-kaxxa 23: Indika l-kwantità massima awtorizzata u l-piż nett

Il-kolonna 24: Indika l-kwantità disponibbli fil-parti 1 u l-kwantità parzjali għall-esportazzjoni fil-parti 2.

Il-kolonna 25: Indika l-kwantità parzjali għall-esportazzjoni fi kliem.

Il-kaxxa 26: In-numru ta’ referenza u d-data tad-dikjarazzjoni tad-dwana.


ANNESS VII

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Noti

1.

L-awtorizzazzjoni għandha timtela f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità. Jekk tinkiteb bl-id, din għandha timtela bil-linka b’ittra kapitali.

2.

Il-kaxxi 1, 4, 6, 8 u 11 sa 16 għandhom jimtlew mill-applikant hekk kif iressaq it-talba; madankollu l-informazzjoni meħtieġa fil-kaxxi 7, 9, 10 u 15 tista’ tingħata aktar tard. F’dan il-każ, din l-informazzjoni għandha tiżdied sa mhux aktar tard minn meta l-prodotti jiddaħħlu fit-territorju doganali tal-Komunità.

3.

Il-kaxxi 1, 4: Daħħal l-ismijiet u l-indirizzi sħaħ (telefon, fax u email jekk disponibbli).

4.

Il-kaxxa 6: Daħħal l-isem u l-indirizz sħiħ (telefon, fax u email jekk disponibbli) ta’ kull operatur ieħor involut fl-operazzjoni ta’ l-esportazzjoni bħat-trasportatur, l-intermedjarji, l-aġenti doganali.

5.

Il-kaxxa 8: Daħħal l-isem u l-indirizz sħiħ tad-destinatarju finali. Id-destinatarju finali jista’ jkun identiku għall-importatur.

6.

Il-kaxxa 7: Daħħal l-isem u l-indirizz (telefon, fax u email jekk disponibbli) ta’ l-awtorità tal-pajjiż terz.

7.

Il-kaxxa 9: Agħti l-isem ta’ l-Istat Membru u l-port, l-ajruport jew il-punt tal-fruntiera

8.

Il-kaxxa 10: Speċifika l-mezzi kollha tat-trasport li se jintużaw (eż. trakk, vapur, ajruplan, ferrovija, eċċ).

9.

Il-kaxxi 11a, 11b: Daħħal l-isem tas-sustanza fl-iskeda kif iddikjarat fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru. 111/2005 jew fil-każ ta’ taħlita jew prodott minerali, l-isem u l-Kowd tan-NM ta’ 8 numri tat-taħlita jew tal-prodott naturali.

10.

Il-kaxxi 11a, 11b: Identifika l-pakketti u s-sustanzi bi preċiżjoni (eż. 2 laned ta’ 5 litri kull waħda). Fil-każ ta’ taħlita, prodott naturali jew preparazzjoni, indika l-isem kummerċjali konċernat.

11.

Il-kaxxi 12a, 12b: Daħħal il-Kowd tan-NM ta’ 8 numri tas-sustanza fl-iskeda kif iddikjarat fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru. 111/2005.

12.

Il-kaxxa 16:

Indika b’ittri kapitali l-isem ta’ l-applikant jew, fejn meħtieġ, tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu li jiffirma l-applikazzjoni.

Il-firma ta’ l-applikant jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu, skond il-modalitajiet provduti mill-Istat Membru kkonċernat, tindika li l-persuna kkonċernata qed tiddikjara li l-partikolaritajiet kollha mogħtija fl-applikazzjoni huma korretti u ġew iddikjarati kollha. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli ta’ dispożizzjonijiet penali, din id-dikjarazzjoni hija ekwivalenti għat-teħid ta’ responsabbiltà, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri, fir-rigward ta’ dan li ġej:

l-eżatezza ta’ l-informazzjoni

l-awtentiċità ta’ kwalunkwe dokument meħmuż;

l-osservanza ta’ l-obbligazzjonijiet l-oħra kollha

Kull meta l-awtorizzazzjoni tinħareġ permezz ta’ proċedura komputerizzata, dik l-awtorizzazzjoni tista’ ma tinkludix il-firma ta’ l-applikant f’din il-kaxxa, jekk l-applikazzjoni stess fiha din il-firma.


Top