EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R0523

523/2005/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 523/2005 ta’ l- 1 ta’ April 2005 li jniedi reviżjoni ta’ esportatur ġdid għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/2004 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-polyethylene terephthalate (PET)li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jirrevoka d-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni

ĠU L 84, 2.4.2005, p. 9–11 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 69–71 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/08/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/523/oj

2.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

69


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 523/2005

ta’ l-1 ta’ April 2005

li jniedi reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/2004 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-polyethylene terephthalate (PET)li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jirrevoka d-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (1) tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   TALBIET GHAL VERIFIKA

(1)

Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għal reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. L-applikazzjoni tressqet minn Jiangyin Chengsheng New Packaging Material Co., Ltd. (‘l-applikant’). L-applikant hu prodottur li jesporta fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (‘il-pajjiż ikkonċernat’).

B.   IL-PRODOTT

(2)

Il-prodott taħt verifika hu l-polyethylene terephthalate (PET) li għandu numru ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew aktar, skont l-Istandard ISO 1628-5, ikklassifikat taħt il-kodiċi NM 3907 60 20 u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (‘il-prodott ikkonċernat’).

C.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

(3)

Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazji anti-dumping definittivi imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/2004 (2) li taħtu l-importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li ġie prodott mill-applikant, huma suġġetti għal dazju anti-dumping definittiv ta’ 184 EUR għal kull tunnellata bl-eċċezzjoni ta’ bosta kumpaniji partikolarment imsemmija li huma suġġetti għal rati ta’ dazju individwali.

D.   IL-BAŻIJIET GHALL-VERIFIKA

(4)

L-applikant jallega li l-kumpanija topera taħt il-kondizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq kif iddefinit fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, li l-prodott ikkonċernat ma ġiex esportat lill-Komunità tul il-perjodu ta’ stħarriġ, li fuqu ġew imsejsa l-miżuri ta’ l-antidumping, jiġifieri l-perjodu mill-1 ta’ April 2002 sal-31 ta’ Marzu 2003 (“il-perjodu oriġinali ta’ stħarriġ”) u li dan mhuwiex irrelatat ma ebda mill-produtturi esportaturi tal-prodott li huma suġġetti għall-miżuri tal-antidumping imsemmija hawn fuq.

(5)

L-applikant barra minn hekk jallega li beda jesporta l-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità wara tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali.

E.   IL-PROĊEDURA

(6)

Il-produtturi tal-Komunità magħrufa li huma ikkonċernati kienu infurmati bl-applikazzjoni ta’ hawn fuq u ngħataw l-opportunità li jikkumentaw. Ma wasal l-ebda kumment.

(7)

Wara li eżaminat ix-xhieda disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm xhieda biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta’ verifika ta’ “esportatur ġdid”, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, bil-ħsieb li jiġi ddeterminat jekk l-applikant huwiex jopera taħt kondizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq kif iddefinit fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku jew alternattivament jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti li jkollu dazju individwali stabbilit skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u, jekk huwa hekk, il-marġini individwali ta’ dumping tal-applikant u, kemm-il darba jinstab li seħħ id-dumping, il-livell ta’ dazju li għalih għandhom ikunu suġġetti l-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati lejn il-Komunità.

(a)   Kwestjonarji.

(8)

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis bħala meħtieġ għall-istħarriġ tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-applikant.

(b)   Ġbir ta’ tagħrif u ż-żamma ta’ seduti.

(9)

Il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu xhieda ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dejjem jekk jagħmlu talba bil-miktub li turi li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

(c)   Stat ta’ ekonomija tas-suq.

(10)

F’każ li l-applikant jipprovdi biżżejjed xhieda li turi li huwa jopera taħt kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, jiġifieri li jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, il-valur normali jkun iddeterminat skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, għandhom jintbagħtu talbiet issostanzjati kif xieraq fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni se tibgħat formoli ta’ talba lill-applikant, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(d)   Għażla tal-pajjiż b’ekonomija tas-suq.

(11)

F’każ li l-applikant ma jingħatax stat ta’ ekonomija tas-suq imma jissodisfa r-rekwiżiti li jkollu dazju individwali stabbilit skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, jintuża pajjiż addattat b’ekonomija tas-suq għall-fini li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni bi ħsiebha terġa’ tuża lill-Istati Uniti tal-Amerika (“USA”) għal dan l-għan kif kien sar fl-istħarriġ li wassal għall-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna biex jikkummentaw dwar kemm din l-għażla hija xierqa, fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament.

(12)

Barra minn hekk, f’każ li l-applikant jingħata stat ta’ ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni tista’, jekk huwa meħtieġ, anke tuża’ sejbiet li jikkonċernaw il-valur normali stabbilit f’pajjiż addattat b’ekonomija tas-suq, eż. bl-għan li jinbidel kull prezz li mhux kredibbli jew elementi ta’ prezz fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li huma meħtieġa biex jiġi stabbilit il-valur normali, jekk dejta kredibbli meħtieġa mhijiex disponibbli fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-Kummissjoni tipprevedi li tuża’ wkoll lill-Istati Uniti ta’ l-Amerika għal dan il-għan.

F.   IR-REVOKA TAD-DAZJU FIS-SEĦĦ U R-REĠISTRAZZJONI TAL-IMPORTAZZJONIJIET

(13)

Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku, id-dazji anti-dumping fis-seħħ għandhom jiġu rrevokati għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li hu magħmul u mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità mill-applikant. Fl-istess ħin, tali importazzjonijiet għandhom isiru suġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament Bażiku, sabiex jiġi assigurat li, jekk ir-riżultat tar-reviżjoni juri sejba ta’ dumping b’rispett lejn l-applikant, id-dazji anti-dumping jistgħu jiġu imposti retroattivament mid-data tal-bidu ta’ din il-verifika. L-ammont li għalih huwa responsabbli l-applikant ma jistax jiġi stmat f’dan l-istadju tal-proċediment.

Ġ.   IL-LIMITI TA’ ŻMIEN

(14)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni soda, għandhom jiġu ddikjarati l-limiti taż-żmien biex:

il-partijiet interessati jistgħu jidentifikaw ruħhom mal-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu l-kwestjonarju lura, skont il-premessa 8 ta’ dan ir-Regolament. Il-partijiet jistgħu wkoll jibagħtu tagħrif li għandu jitqies matul l-istħarriġ,

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni,

il-partijiet interessati jistgħu jikkummentaw dwar l-adegwatezza tal-Istati Uniti tal-Amerika li, f’każ li l-applikant ma jingħatax stat ta’ ekonomija tas-suq, jitqies bħala pajjiż b’ekonomija tas-suq għall-fini li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

l-applikant jista’ jressaq talba sostanzjata kif xieraq għal stat ta’ ekonomija tas-suq.

H.   NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

(15)

F’każi fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fiż-żmien stipulat, jew tfixkel l-istħarriġ b’mod sinifikanti, il-konklużjonijiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

(16)

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif għandu jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b’mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkooperat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’dan qed titnieda reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/2004 skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 biex jiġi ddetermiat jekk u sa liema punt l-importazzjonijiet tal-polyethylene terephthalate (PET) li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 3907 60 20 li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, prodotti u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità minn Jiangyin Chengsheng New Packaging Material Co., Ltd. (Kodiċi addizzjonali TARIC A510) għandhom ikunu suġġetti għad-dazji anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/2004.

Artikolu 2

Id-dazji anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 1467/2004 huma hawnhekk irrevokati b’rispett lejn l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

1.   Dawk il-partijiet interessati li jridu li r-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati tul l--istħarriġ, għandhom jippreżentaw rwieħhom lill-Kummissjoni kif ukoll l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jressqu t-tweġibiet tal-kwestjonarju kif ukoll tagħrif ieħor, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, fi żmien 40 jum mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-attenzjoni hi miġbuda lejn il-fatt li t-twettiq ta’ ħafna mid-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament (KE) Nru 384/96 jiddependi fuq il-fatt li l-parti għandha tidentifika ruħha fil-perjodu stabbilit hawn fuq.

Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fi żmien l-istess limitu ta’ 40 jum.

2.   Il-partijiet fl-istħarriġ jistgħu juru x-xewqa li jikkummentaw dwar jekk l-Istati Uniti tal-Amerika humiex addattati biex jitqiesu bħala pajjiż b’ekonomija tas-suq bl-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dawn il-kummenti għandhom jilħqu lill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Talbiet issostanzjati kif xieraq għal stat ta’ ekonomija tas-suq għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

4.   Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux fil-format elettroniku, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor) u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, it-telefown u l-faks, u/jew in-numri tat-telex tal-parti interessata. Kull sottomissjoni bil-miktub, li tinkludi t-tagħrif mitlub f’dan ir-Regolament, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandha tkun ittikkettjata bħala “Ristretta  (3)” u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, għandha tkun akkumpanjata b’verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun ittikkettjata “GĦALL-ISPEZZJONI MILL-PARTIJIET INTERESSATI”.

Kwalunkwe informazzjoni li għandha x’taqsam mal-kwistjoni u/jew kwalunkwe talba għal seduta għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate General for Trade

Directorate B

J-79 5/16

B-1049 Brussels

Fax (32 2) 295 65 05

Telex COMEU B 21877

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 1 ta’ April 2005.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

(2)  ĠU L 271, 19.8.2004, p. 1.

(3)  Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Jitħares skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Hu dokument konfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim WT0 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim Anti-dumping).


Top