Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0065

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' 28 ta' Jannar 2005 fir-rigward ta' ċerti garanziji addizzjonali transizzjonali għad-Danimarka f'dak li hu marbut mat-tibdil ta' l-istatus tagħha ta' non-vaċċinazzjoni kontra l-marda ta' Newcastle (innotifikata fid-dokument bin-numru C(2005) 143) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 27, 29.1.2005, p. 52–53 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 269M, 14.10.2005, p. 315–316 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2006

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/65(1)/oj

    14.10.2005   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    315


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta' 28 ta' Jannar 2005

    fir-rigward ta' ċerti garanziji addizzjonali transizzjonali għad-Danimarka f'dak li hu marbut mat-tibdil ta' l-istatus tagħha ta' non-vaċċinazzjoni kontra l-marda ta' Newcastle

    (innotifikata fid-dokument bin-numru C(2005) 143)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2002/65/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/539/KEE tal-15 ta' Ottubru 1990 dwar il-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali li tirregola l-kummerċ intra-Komunitarju fit-tjur u bajd tat-tfaqqis (1) u l-importazzjoni tagħhom minn pajjiżi terzi, u b'mod partikolari l-Artikolu 12(2) u (3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/552/KEE tas-27 ta' Settembru 1991 li tistabbilixxi l-istatus tad-Danimarka fir-rigward tal-marda ta' Newcastle (2) stabbiliet l-istatus tad-Danimarka bħala Stat Membru ta' non-vaċċinazzjoni kontra l-marda ta' Newcastle għall-iskop ta' kummerċ intra-Komunitarju u importazzjoni minn pajjiżi terzi tat-tjur.

    (2)

    Minħabba xi żviluppi reċenti f'dak li għandu x'jaqsam mas-sitwazzjoni tagħha u l-marda ta' Newcastle, id-Danimarka bi ħsiebha tintroduċi l-vaċċinazzjoni tat-tjur kontra din il-marda u għalhekk l-istatus tagħha bħala Stat Membru ta' non-vaċċinazzjoni għandu jiġi sospiż kif previst fid-Direttiva 90/539/KEE.

    (3)

    Biex tiġi salvagwardata l-qagħda preżenti tas-saħħa tat-tjur fid-Danimarka matul il-fażi ta' introduzzjoni għall-vaċċinazzjoni kontra l-marda ta' Newcastle huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli transizzjonali għall-garanziji addizzjonali f'dak li għandu x'jaqsam ma' kunsinni lejn dan l-Istat Membru għal ċertu perijodu.

    (4)

    Għalhekk, id-Danimarka għandha tingħata ċerti garanziji addizzjonali, li jistgħu jinkludu l-ittestjar ta' tjur kif hemm previst fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/340/KEE (3) dwar l-ittestjar tat-tjur għall-marda ta' Newcastle qabel ma jsir xi ċaqliq.

    (5)

    Id-Deċiżjoni 91/552/KEE għandha għalhekk tiġi rrevokata.

    (6)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Articolu 1

    Skop u suġġetti

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-kummerċ intra-Komunitarju fit-tjur, kif definit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/539/KEE, għall-kunsinna lejn id-Danimarka mill-Istati Membri li m'għandomx status ta' non-vaċċinazzjoni kontra l-marda ta' Newcastle, kif hemm previst fl-Artikolu 12(2) ta' din id-Direttiva, u minn pajjiżi terzi.

    Articolu 2

    Awtorizzazzjoni bil-quddiem għall-kunsinni tat-tjur lejn id-Danimarka

    L-awtorizzazzjoni bil-quddiem mill-awtorità veterinarja kompetenti tad-Danimarka għandha tintalab qabel il-kunsinna tat-tjur.

    Din it-talba għall-awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni dwar it-tip ta' vaċċin u l-iskema ta' vaċċinazzjoni użata għall-immunizzazzjoni tat-tjur kontra l-marda ta' Newcastle.

    Articolu 3

    t-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar tat-tjur għall-kunsinna lejn id-Danimarka

    L-awtorità kompetenti tad-Danimarka tista' titlob l-ittestjar tat-tjur b'konformità ma' l-Artikolu 1 u 2 tad-Deċiżjoni 92/340/KEE, hi u tqis l-informazzjoni pprovduta b'konformità ma' l-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni.

    Articolu 4

    Ċaħda ta' kunsinni tat-tjur mid-Danimarka

    Jekk id-Danimarka, hi u tqis l-informazzjoni prevista b'konformità ma' l-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni u r-riżultat ta' l-ittestjar imsemmi fl-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni, tiddeċiedi li ma tawtorizzax id-dħul ta' xi kunsinna ta' tjur fit-territorju tagħha, għandha tinforma lill-Kummissjoni u l-Istat Membru l-ieħor jew xi pajjiżi terzi interessati dwar ir-raġunijiet tad-Deċiżjoni tagħha.

    Articolu 5

    Revoka tad-Deċiżjoni 91/552/KEE

    Id-Deċiżjoni 91/552/KEE ġiet irrevokata.

    Articolu 6

    Applikabilità

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika tat-28 ta' Frar 2006.

    Articolu 7

    Id-Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, fit-28 ta' Jannar 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Marcos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 303, tal-31.10.1990, p. 6. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 1).

    (2)  ĠU L 298, tad-29.10.1991, p. 21.

    (3)  ĠU L 188, tat-8.7.1992, p. 34.


    Top