Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004L0056

Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/56/KE tal-21 ta' April 2004 li temenda d-Direttiva 77/799/KEE dwar assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, ċerti dazji tad-dwana u t-taxxi fuq premiums ta' l-assigurazzjoni

ĠU L 127, 29.4.2004, p. 70–72 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/01/2013; Impliċitament imħassar minn 32011L0016

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/56/oj

32004L0056



Official Journal L 127 , 29/04/2004 P. 0070 - 0072


Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/56/KE

tal-21 ta' April 2004

li temenda d-Direttiva 77/799/KEE dwar assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, ċerti dazji tad-dwana u t-taxxi fuq premiums ta' l-assigurazzjoni

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jitabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 93 u 94 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekomomiku u Soċjali Ewropew [2],

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 li tikkonċerna assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, ċerti dazji tad-dwana u t-taxxa fuq premiums ta' l-assigurazzjoni [3] affermat ir-regola bażika għal koperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġu skoperti u ma iitħallewx evażjoni tat-taxxa u frodi tat-taxxa u biex tagħmilha possibli lill-Istati Membri biex iwettqu stima ta' taxxa korretta. Huwa essenzali li dawn ir-regoli jiġu mtejbin, imwessgħa u modernizzati.

(2) Meta Stat Membru jwettaq inkjesti bil-għan li jikseb l-informazzjoni meħtieġa biex jirrispondi għal talba għall-assistenza, dak l-Istat għandu jiġi kkunsidrat li jkun qed jaġixxi f'ismu; b'hekk, ser ikun hemm biss sett wieħed ta' regoli li japplikaw għall-proċess tal-ġbir ta' l-informazzjoni u l-investigazzjoni mhix ser tiddgħajjef b'dewmien.

(3) Mhuwiex xieraq, jekk il-ġlieda kontra frodi għandha tkun effettiva, li Stat Membru li jkun irċieva nformazzjoni mingħand Stat Membru ieħor għandu sussegwentement jitlob permess li jiżvela l-informazzjoni f'seduti pubbliċi jew ġudizzji.

(4) Għandu jkun mgħarraf b'mod ċar li Stat Membru m'huwiex taħt obbligazzjoni li jwettaq inkjesti sabiex jikseb l-informazzjoni meħtieġa biex jirrispondi għal talba għal assistenza fejn jew il-leġislazzjoni jew prattiċi amministrattivi tiegħu ma jippermettux l-awtorità kompetenti tiegħu li twettaq inkjesti jew tikseb din l-informazzjoni.

(5) Għandu jkun possibli għall-awtorità kompetenti ta' Stat Membru li tirrifjuta nformazzjoni jew assistenza meta l-Istat Membru li jkun qed jitlob dan mhuwiex f'posizzjoni li jipprovdi l-istess tip ta' informazzjoni, sew għal raġunijiet ta' fatti u sew ta' liġi.

(6) Fid-dawl tal-bżonn legali f'ċertu Stati Membri li persuna ntaxxata tiġi nnotifikata fuq deċiżjonijiet u strumenti li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tat-taxxa tagħha u tad-diffikultajiet suċċessivi għall-awtoritajiet tat-taxxa, li jinkludu każijiet fejn il-persuna ntaxxata rrilokolat għal Stat Membru ieħor, huwa mixtieq li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom ikunu kapaċi li jsejħu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li għalih il-persuna ntaxxata rrilokat.

(7) La darba li s-sitwazzjoni tat-taxxa ta' wieħed jew iktar persuni responsabbli għat-taxxa stabbilita f'diversi Stati Membri spiss hija nteress komuni u komplementari, għandu jibda jkun possibli għal kontrolli simultanji li jitwettqu minn tnejn jew iktar Stati Membri għal dawn il-persuni, bi ftehim reċiproku u fuq bażi volontarja, kull fejn dawn il-kontrolli jidhru li huma iktar effettivi minn kontrolli li jitwettqu minn Stat Membru wieħed waħdu.

(8) Il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għal Direttiva fuq il-bażi tal-Artikolu 95 tat-Trattat. Il-Kunsill, bl-opinjoni tiegħu li l-proposta għal Direttiva hi relatata ma' l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni fil-qasam ta' kemm it-tassazzjoni diretta uindiretta u li l-Att għandhu għalhekk jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 93 u 94 tat-Trattat, ikkonsulta l-Parlament Ewropew b'ittra bid-data 12 ta' Novembru 2003 li tinformah bl-intenzjoni tal-Kunsill li jibdel il-bażi legali.

(9) Id-Direttiva 77/799/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 77/799/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 1(5) għandu jigi emendat kif gej:

(a) l-għażla tal-kliem użat taħt

"fl-Italja"

għandu jiġi mibdul kif ġej:

"il Capo del Dipartimento per le Politiche Fiscali jew rappreżentanti awtorizzati tiegħu"

(b) il-kliem użat taħt

"fl-Iżvezja"

għandu jiġi mibdul kif ġej:

"Chefen för Finansdepartementet jew rappreżentanti awtorizzati tiegħu"

2. fl-Artikolu 2(2), is-subparagrafu li ġej għandu jigi miżjud:

"Sabiex tinkiseb l-informazzjoni mfittxa, l-awtorità mitluba jew l-awtorità amministrattiva li għandha użu għaliha għandha tipproċedi qisu qed jaġixxi f'ismu jew fuq talba ta' awtorità oħra fis-Stat Membru tagħha stess."

3. L-Artikolu 7(1) għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

"1. Kull informazzajoni li titgħarraf lil Stat Membru taħt din id-Direttiva għandha tinżamm sigrieta f'dak l-Istat bl-istess manjiera kif tiġi rċevuta nformazzjoni taħt il-legislazzjoni nazzjonali tiegħu. F'kull każ, din l-informazzjoni:

- tista' tiġi għad-disposizzjoni biss lill-persuni direttament involuti fis-stima tat-taxxa jew fil-kontroll amministrattiv ta' din l-istima,

- tista' tiġi magħrufa biss dwar proċeduri ġudizzjarji jew proċeduri amministrattivi li jinvolvu sanzjonijiet li jorbtu bil-għan, jew relatati ma', li jagħmlu u jirrevedu l-istima tat-taxxa u biss lil persuni li huma direttament involuti f'dawn il-proċeduri; din l-informazzjoni tista, madankollu, tiġi żvelata waqt seduti pubbliċi jew f'sentenzi jekk l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li tipprovdi l-informazzjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni fil-bidu waqt il-ħin meta hi tipprovdi l-informazzjoni,

- ma għandha taħt l-ebda ċirkustanzi tiġi wżata barra minn finijiet ta' tassazzjoni jew f'konnessjoni ma proċeduri ġudizzjarji jew proċeduri amministrattivi li jinvolvu sanzjonijiet li jorbtu bil-għan, jew relatati ma', li jagħmlu u jirrevedu l-istima tat-taxxa.

Barra dan, Stati Membri jistgħu jipprovdu għall-informazzjoni riferuta fl-ewwel subparagrafu li tintuża għal stima ta' imposti oħra, dazji u taxxi koperti bl-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/308/KEE [4]."

4. L-Artikolu 8 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"1. Din id-Direttiva ma timponi l-ebda obbligu fuq Stat Membru minn fejn informazzjoni hi mitluba biex jitwettqu nkjesti jew biex jikkomunika nformazzjoni, jekk din tkun kontra l-legislazzjoni jew prattiċi amministrattivi tagħha għall-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat li jwettaq dawn l-inkjesti jew li jiġbor l-informazzjoni mfittxa."

(b) il-paragrafu 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"3. L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tirrifjuta trasmissjoni ta' informazzjoni meta l-Istat Membru li jitlobha m'huwiex kapaċi, għal raġunijiet ta' fatti jew liġi, li jipprovdi l-istess tip ta' informazzjoni."

5. għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

"L-Artikolu 8a

In-Notifika

1. Fuq talba ta' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor għanda, skond ir-regoli li jirregolaw in-notifika ta' istrument simili fl-Istat Membru mitlub, tinnotifika d-destinatarju fuq kull instrument u deċiżjonijiet li jemanaw mill-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istat Membru li jressaq it-talba, u tikkonċerna l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu ta' leġislazzjoni fuq taxxi koperti minn din id-Direttiva.

2. It-talb għal notifika għandhom jindikaw is-suġġett ta' l-istrument jew deċiżjoni li għandhom jiġu notifikati u għandhom jispeċifikaw l-isem u indirizz tad-destinatarju, flimkien ma' kull informazzjoni oħra li tista tiffaċilita l-identifikazzjoni tad-destinatarju.

3. L-awtorità mitluba għandha tinforma l-awtorità li tressaq it-talba immedjatament fuq ir-risposta tagħha għat-talba għal notifika u għandha tinnotifikha, b'mod partikolari, bid-data tan-notifika tad-deċiżjoni jew strument lid-destinatarju.

Artikolu 8b

Kontrolli simultanji

1. Fejn is-sitwazzjoni tat-taxxa ta' wieħed jew iktar persuni responsabbli għat-taxxa hija nteress komuni u komplementari, għal tnejn jew iktar Stati Membri, dawk l-Istati jistaw jaqblu biex iwettqu kontrolli simultanji, fit-territorju tagħhom stess, bil-ħsieb li jiskambjaw l-informazzjoni hekk miksuba, kull fejn jidhru li huma iktar effettivi minn kontrolli li jitwettqu minn Stat Membru wieħed waħdu.

2. L-awtorità kompetenti f'kull Stat Membru għandha tidentifika b'mod indipendenti l-persuni responsabbli għat-taxxa li għalihom hi għandha l-intenzjoni li tipproponi għal kontrolli simultanji. Għandha tinnotifika l-awtoritajiet kompetenti rispettivi fl-Istati Membri l-oħra ikkonċernati bil-każijiet li, fil-fhema tagħha, għandhom ikunu suġġetti għal kontrolli simultanji. Għandha tagħti raġunijiet għall-għażla tagħha, sakemm huwa possibli, billi tipprovdi l-informazzjoni li ġabet għad-deċiżjoni tagħha. Għandha tispeċifika l-perjodu ta' żmien li fih dawn il-kontrolli għandhom jitwettqu.

3. L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat għandha tiddeċiedi jekk tixtieqx tieħu sehem fil-kontrolli simultanji. Mar-riċeviment tal-proposta għal kontroll simultanju, l-awtorità kompetenti għandha tikkonferma l-ftehim tagħha jew tikkomunika r-rifjut raġunat lill-awtorità kontroparti tagħha.

4. Kull awtorità kompetenti ta' l-Istati Membri kkonċernati għandhom jaħtru rappreżentant bir-responsabbilità li jissorvelja u jikkordina l-operazzjoni tal-kontroll."

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva qabel 1 ta' Jannar 2005. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lil Kummissjoni t-test ta' dawk id-disposizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-disposizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta Stati Membri jaddottaw dawn il-miżuri, huma għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati b'referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hi ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu,fil-21 ta' April 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Walsh

[1] Opinjoni ikkunsinjata fil-15 ta' Jannar 2004 (għandha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU C 32, 05.02.2004, p. 94.

[3] ĠU L 336, 27.12.1977, p. 15. Direttiva kif emendata permezz tad-Direttiva 2003/93/KE (ĠU L 264, 15.10.2003, p. 23).

[4] ĠU L 73, 19.03.1976, p. 18.

--------------------------------------------------

Top