EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0215

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-1 ta’ Marzu 2004 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE fir-rigward ta’ garanziji addizzjonali għal kummerċ intra-Komunitarji ta’ annimali bovini li jirrelataw ma’ rhinotracheitis bovina nfettiva u l-approvazzjoni tal-programmi ta’ qirda ppreżentati minn ċerti Stati Membri (notifikata bid-dokument numru K(2004) 573)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 67, 5.3.2004, p. 24–26 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/07/2004; Imħassar b' 32004D0558

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/215/oj

32004D0215



Official Journal L 067 , 05/03/2004 P. 0024 - 0026


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

ta’ l-1 ta’ Marzu 2004

li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE fir-rigward ta’ garanziji addizzjonali għal kummerċ intra-Komunitarji ta’ annimali bovini li jirrelataw ma’ rhinotracheitis bovina nfettiva u l-approvazzjoni tal-programmi ta’ qirda ppreżentati minn ċerti Stati Membri

(notifikata bid-dokument numru K(2004) 573)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2004/215/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar problemi ta’ saħħa ta’ annimali li jolqtu l-kummerċ intra-Komunitarji ta’ annimali bovini u majjali [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 9 [2] u l-Artikolu 10(2) tagħha,

Billi:

(1) Rhinotracheitis bovina nfettiva hi d-deskrizzjoni ta’ l-aktar sinjali kliniċi prominenti ta’ l-infezzjoni minħabba herpesvirus 1 bovin (BHV-1). Minħabba li ħafna infezzjonijiet b’dak il-virus għandhom kors subklinikali, miżuri ta’ kontroll għandhom ikunu diretti għall-qirda ta’ l-infezzjoni minflok it-trażżin tas-sintomi.

(2) Parti II ta’ l-Anness E mad-Direttiva 64/432/KEE iniżżel "rhinotracheitis bovina infettiva" fost il-mard li għalihom jistgħu jiġu approvati programmi ta’ kontroll nazzjonali u mitluba garanziji addizzjonali.

(3) Il-Ġermanja issottomettiet programm imwettaq bil-għan li tinqered l-infezzjoni BHV 1 fil-partijiet kollha tat-territorju tagħha, li jħares il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/432/KEE u jipprovdi regoli għall-moviment nazzjonali ta’ l-annimali bovini li huma ekwivalenti għal dawk li kienu implimentati qabel fid-Danimarka, fl-Awstrija, fil-Provinċja ta’ Bolzano fl-Italja u fl-Isvezja li kellhom suċċess fil-qirda tal-marda minn dawk il-pajjiżi.

(4) Hu għalhekk xieraq li jkun approvat il-programm ippreżentat mill-Ġermanja u, kif mitlub minn dak l-Istat Membru, fl-istess ħin ikunu definiti garanziji addizzjonali fir-rigward tal-kummerċ ta’ annimali bovini sabiex jiġi żgurat is-suċċess ta’ dak il-programm.

(5) Garanziji addizzjonali jeżistu fir-rigward tad-Danimarka, ta’ l-Awstrija, tal-Finlandja u ta’ l-Isvezja kif ukoll ta’ l-Italja, li jikkonċernaw il-provinċja ta’ Bolzano. Dawk l-Istati Membri, kif ukoll l-Italja fir-rigward tal-Provinċja ta’ Bolzano, jikkunsidraw li t-territorju tagħhom hu ħieles minn rhinotracheitis bovina nfettiva. Skond l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 64/432/KEE, huma taw lill-Kummissjoni dokumenti ta’ sostenn, b’mod partikolari sabiex jagħtu prova li l-osservazzjoni tas-sitwazzjoni qed titkompla.

(6) Għall-Istati Membri jew reġjuni tagħhom li huma meqjusa bħala li huma ħielsa minn dik il-marda u li bħalissa huma mniżżla fl-Anness mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/42/KEE(2) għandhom japplikaw biss il-ħtiġiet minimi għall-bgħit fi Stati Membri oħra ta’ annimali bovini għat-trobbija u produzzjoni.

(7) Għall-istandardizzazzjoni tat-testijiet BVH 1 fil-laboratorji, l-Organizzazzjoni Dinjija dwar Saħħa ta’ l-Annimali (OIE) adottat serum pożittiv qawwi, pożittiv dgħajjef u negattiv bħala l-istandards internazzjonali OIE għal testijiet BHV 1 li huma disponibbli fil-Laboratorji ta’ Referenza ta’ l-OIE għal rhinotracheitis bovina infettiva imsemmija fil-Manwal ta’ l-Istandards għal Testijiet Dijanostiċi u Vaċċini [3].

(8) Sa’ l-1 ta’ Mejju 2004, meta jidħlu fis-seħħ kondizjonijiet modifikati għas-saħħa ta’ l-annimali u ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali bovini, għandu jkun żgurat li r-referenza għad-Deċiżjoni 93/42/KEE li tipprovdi għall-garanziji addizzjonali fir-rigward ta’ rhinotracheitis bovina nfettiva għal annimali bovini li ġejjin minn pajjiżi terzi hi nterpretata bħala referenza għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni preżenti.

(9) Hu xieraq li tingħaqad f’Deċiżjoni waħdanija l-approvazzjoni tal-programm Ġermaniż u l-garanziji addizzjonali għal rhinotracheitis bovina nfettiva. Għandha għalhekk tiġi mħassra d-Deċiżjoni 93/42/KEE.

(10) Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huma approvati l-programmi ppreżentati mill-Istati Membri mniżżla fl-ewwel kolonna tat-tabella fl-Anness I għall-kontroll u l-qirda ta’ l-infezzjoni tal-herpes virus bovin tip 1 (BHV1), hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjħa "rhinotracheitis bovina nfettiva", fir-reġjuni ta’ dawn l-Istati Membri speċifikati fit-tieni kolonna tat-tabella fl-Anness I.

Artikolu 2

1. Annimali bovini għat-trobbija u għall-produzzjoni li ġejjin mill-Istati Membri jew minn reġjuni tagħhom għajr dawk imniżżla fl-Anness II u ddestinati għal Stati Membri jew reġjuni tagħhom imniżżla fl-Anness I, għandhom jilħqu minn ta’ l-inqas il-garanziji addizzjonali li ġejjin:

(a) għandhom jiġu minn ażjenda li fuqha, skond informazzjoni uffiċjali, ma ġiet reġistrata l-ebda evidenza klinika jew patoloġika ta’ rhinotracheitis bovina nfettiva għall-aħħar 12-il xahar;

(b) kienu iżolati f’faċilità approvata mill-awtorità kompetenti għal 30 ġurnata immedjatament qabel iċ-ċaqliq u l-annimali bovini fl-istess faċilità ta’ iżolament baqgħu ħielsa minn sintomi kliniċi ta’ rhinotracheitis bovina nfettiva matul dak il-perijodu;

(ċ) huma u l-annimali bovini l-oħra kollha fl-istess faċilità ta’ iżolament kienu suġġetti b’riżultati negattivi għal test seroloġiku mwettaq fuq kampjuni tad-demm, meħuda mhux aktar kmieni minn 21 ġurnata wara l-wasla tagħhom fil-faċilità ta’ iżolament, għall-iskoperta ta’ l-anti-korpi li ġejin:

(i) fil-każ ta’ annimali bovini vaċċinati, anti-korpi kontra gE-glycoprotein tal-virus BHV1, jew

(ii) fil-każ ta’ annimali bovini mhux vaċċinati, anti-korpi kontra l-virus BHV 1 kollu.

2. Annimali bovini għall-qatla li ġejjin mill-Istati Membri jew minn reġjuni tagħhom għajr dawk imniżżla fl-Anness II u maħsuba għal Stati Membri jew reġjuni tagħhom imniżżla fl-Anness I għandhom jiġu ttrasportati direttamenti lejn il-biċċerija tad-destinazzjoni jew lejn ċentru ta’ lqugħ approvat minn fejn għandhom jiġu trasferiti għall-biċċerija, skond l-Artikolu 7, it-tieni inċiż, tad-Direttiva 64/432/KEE biex jinqatlu.

3. Għandha tiddaħħal l-informazzjoni li ġejja fil-punt 4 tat-Taqsima Ċ taċ-ċertifikat ta’ saħħa stabbilit fil-Mudell 1 ta’ l-Anness F mad-Direttiva 64/432/KEE li jakkumpanja annimali bovini kif imsejjħa fil-paragrafu 1,:

(a) wara l-ewwel inċiż: "rhinotracheitis bovina nfettiva",

(b) wara t-tieni inċiż: "L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/215/KE".

Artikolu 3

1. Annimali bovini għat-trobbija jew għall-produzzjoni li ġejjin minn Stati Membri jew minn reġjuni tagħhom għajr dawk imniżżla fl-Anness II u maħsuba għal Stati Membri jew reġjuni tagħhom li huma ħielsa minn rhinotracheitis bovina nfettiva u mniżżla fl-Anness II, għandhom jilħqu l-garanziji addizzjonali li ġejjin:

(a) għandhom iħarsu l-garanziji addizzjonali pprovduti fl-Artikolu 2(1)(a) u (b);

(b) huma u l-annimali bovini l-oħra kollha fl-istess faċilità ta’ iżolament imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) għandhom ikunu suġġetti b’riżultati negattivi għal testijiet seroloġiċi mwettqa fuq kampjuni ta’ demm meħudha mhux aktar kmieni minn 21 ġurnata wara l-wasla tagħhom fil-faċilità ta’ iżolament, għall-iskoperta ta’ anti-korpi kontra l-virus BHV 1 kollu;

(ċ) m’għandhomx ikunu vaċċinati kontra rhinotracheitis bovina nfettiva.

2. Annimali bovini għal qatla li ġejjin minn Stati Membri jew minn reġjuni tagħhom għajr dawk imniżżla fl-Anness II u maħsuba għal Stati Membri jew reġjuni tagħhom imniżżla fl-Anness II għandhom ikunu trasportati diretti lejn il-biċċerija tad-destinazzjoni għall-qatla skond l-Artikolu 7, l-ewwel inċiż, tad-Direttiva 64/432/KEE.

3. L-informazzjoni li ġejja għandha tiddaħħal fil-punt 4 tat-Taqsima Ċ taċ-ċertifikat ta’ saħħa stabbiliti fil-Mudell 1 ta’ l-Anness F mad-Direttiva 64/432/KEE li takkumpanja l-annimali bovini kif imsejjħa fil-paragrafu 1:

(a) wara l-ewwel inċiż: "rhinotracheitis bovina nfettiva",

(b) wara t-tieni inċiż: "L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/215/KE".

Artikolu 4

Annimali bovini għat-trobbija u għall-produzzjoni li joriġinaw minn Stat Membru jew reġjun tiegħu mniżżel fl-Anness II u maħsub għal Stat Membru jew reġjun tiegħu mniżżel fl-Annessi I jew II għandhom iħarsu l-kondizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 2(1)(a).

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-test seroloġiku msemmi fl-Artikolu 2(1)(ċ)(ii) u fl-Artikolu 3(1)(b) għall-iskoperta ta’ anti-korpi kontra l-virus BHV 1 kollu hu standardizzat kontra s-serum pożittiv qawwi, pożittiv dgħajjef u negattiv adottat bħala standards internazzjonali OIE għal testijiet BHV 1.

Artikolu 6

Deċiżjoni 93/42/KEE hi mħassra.

Referenzi għad-Deċiżjoni 93/42/KEE għandhom ikunu meqjusa bħala referenzi għall-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-8 ta’ Marzu 2004.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-1 ta’ Marzu 2004.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU C 121, tad-29.7.1964, p. 1977/64. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru. 21/2004 (ĠU L 5, tad-9.1.2004, p. 8).

[2] ĠU L 16, tal-25.1.1993, p. 50. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 2000/502/KE (ĠU L 200, tat-8.8.2000, p. 62).

[3] Manwal ta’ Standards għal Testijiet u Vaċċini ta’ Dijanjosi, ir-Raba’ Edizzjoni, Awissu 2000.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Stat Membru | Reġjuni ta’ Stat Membru li għalihom japplikaw il-garanziji addizzjonali għal rhinotracheitis bovina nfettiva skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE |

Il-Ġermanja | Ir-reġjuni kollha |

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

-Stat Membru | Reġjuni ta’ Stat Membru li għalihom japplikaw garanziji addizzjonali għal rhinotracheitis bovina nfettiva skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE |

Id-Danimarka | Ir-reġjuni kollha |

L-Italja | Provinċja ta’ Bolzano |

l-Awstrija | Ir-reġjuni kollha |

il-Finlandja | Ir-reġjuni kollha |

l-Isvezja | Ir-reġjuni kollha |

--------------------------------------------------

Top