Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R0450

    Ir-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-parlament ewropew u tal-kunsill tas-27 ta’ Frar 2003 dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħolTest b'relevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 69, 13.3.2003, p. 1–5 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/08/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/450/oj

    32003R0450



    Official Journal L 069 , 13/03/2003 P. 0001 - 0005


    Ir-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    tas-27 ta’ Frar 2003

    dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari Artikolu 285(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew [3],

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura preskritta f’Artikolu 251 tat-Trattat [4],

    Billi:

    (1) Firxa ta’ statiska, li tagħha l-indiċijiet tal-ispiża tax-xogħol jiffurmaw parti essenzjali, hija relevanti biex wieħed jifhem il-proċess inflazzjonarju u d-dinamika tas-suq tax-xogħol.

    (2) Il-Komunità, u b’mod partikolari l-awtoritajiet tagħha ekonomiċi, ta’ l-impiegi u dawk monetarji, għandhom il-ħtieġa li jkollhom indiċijiet tal-ispiża tax-xogħol regolari u fil-ħin għall-għan li jissorveljaw il-bidliet fl-ispejjeż tax-xogħol.

    (3) Il-ħtiġiet statistiċi għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, magħmul mill-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Bank Ċentrali Ewropew, identifika bħala prijorità l-iżvilupp ta’ bażi legali li jkopri l-istatiska dwar l-ispiża tax-xogħol f’terminu qasir ta’ żmien.

    (4) Il-benefiċċji tal-ġbir, fil-livell tal-Komunità ta’ data kompleta fuq il-partijiet kollha ta’ l-ekonomija għandhom ikunu bilanċjati kontra il-possibiltajiet ta’ rapportar u l-piż biex tar-risposti fuq intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

    (5) Ir-Regolament huwa skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà kif stipulati f’Artikolu 5 tat-Trattat. Il-ħolqien ta’ standards komuni ta’ statistika għall-indiċijiet tal-ispiża tax-xogħol jista’ jinkiseb biss fuq il-bażi ta’ att legali tal-Komunità għaliex il-Kummissjoni biss tista tikkoordina l-armonizzazzjoni meħtieġa ta’ informazzjoni statistika fil-livell tal-Komunità, waqt li l-ġbir ta’ data u l-kompilazzjoni ta’ indiċijiet komparabbli tal-ispiża tax-xogħol jistgħu jiġu organizzati mill-Istati Membri.

    (6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar statistika tal-Komunità [5] jipprovdi l-qafas ġenerali għall-produzzjoni ta’ l-indiċijiet tal-ispiża tax-xogħol taħt dan ir-Regolament.

    (7) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [6].

    (8) Il-Kumitat tal-Programm Statistiku (SPC), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom [7], ġie konsultat skond Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għan

    L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni, trasmissjoni u evalwazzjoni ta’ indiċijiet komparabbli tal-ispiża tax-xogħol fil-Komunità. L-Istati Membri għandhom jipproduċu indiċijiet tal-ispiża tax-xogħol għall-attivitajiet ekonomiċi definiti f’Artikolu 4.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    1. L-indiċi tal-ispiża tax-xogħol (LCI) huwa definit bħala l-indiċi Laspeyres dwar l-ispejjeż tax-xogħol għal kull siegħa maħduma, marbut anwalment f’sensiela u bbażat fuq struttura fissa ta’ attività ekonomika fil-livell tas-sezzjoni NACE Rev.1, fejn NACE Rev.1 hija l-klassifikazzjoni stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 tad-9 ta’ Ottubru 1990 dwar il-klassifikazzjoni statistika ta’ l-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea [8]. Aktar disaggregazzjonijiet tas-sezzjonijiet tan-NACE Rev.1, li għandhom jiġu inklużi fl-istruttura fissa, għandhom ikunu definiti skond Artikolu 4(1). Il-formolali għandha tintuża għall-kalkolazzjoni ta’ l-LCI hija definita fl-Anness li jinsab ma’ dan ir-Regolament.

    2. L-ispejjeż tax-xogħol huma t-total tal-ispejjeż għal kull kwart magħmula minn min iħaddem fl-impjegar ta’ l-impjegati. Il-partiti ta’ l-iżpiża tax-xogħol u l-impjegati total impjegati huma definiti b’referenza għall-Anness II, Taqsimiet A u D (partiti D.1, D.4 u D.5 u s-subkomponenti tagħhom esklużi l-partiti D.2 u D.3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1726/1999 tas-27 ta’ Lulju 1999 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 li jikkonċerna statistika strutturali dwar il-qliegħ u l-ispejjeż tax-xogħol fir-rigward tad-definizzjoni u trasmissjoni ta’ informazzjoni dwar l-ispejjeż tax-xogħol [9].

    3. Is-sigħat maħduma huma definiti b’referenza għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità [10], Anness A, il-Kapitolu 11, il-paragrafi 11.26 sa 11.31.

    4. L-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-indiċi, inklużi r-reviżjonijiet għall-istruttura tal-piż, jistgħu jiġu definiti mill-ġdid skond il-proċedura msemmija f’Artikolu 12(2).

    Artikolu 3

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-attivitajiet kollha definiti fis-sezzjonijiet Ċ sa O tan-NACE Rev.1.

    2. L-inklużjoni tal-attivitajiet ekonomiċi definit fin-NACE Rev.1 sezzjonijiet L, M, N u O fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura msemmija f’Artikolu 12(2), waqt li jingħata kont ta’ l-istudji ta’ possibiltà definiti f’Artikolu 10.

    3. L-LCI għandha tirrappreżenta l-unitajiet statistiċi kollha kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 tal-15 ta’ Marzu 1993 dwar l-unitajiet statistiċi għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema ta’ produzzjoni fil-Komunità [11].

    Artikolu 4

    Tqassim tal-varjabbli

    1. Id-data għandha tiġi mqassma skond l-attivitajiet ekonomiċi definiti fis-sezzjonijiet tan-NACE Rev.1 u b’aktar disaggregazzjonijiet, mhux’ hinn mill-livell tad-diviżjonijiet tan-NACE Rev.1 (livell b’2 figuri) jew gruppi ta’ diviżjonijiet, li jagħtu kont għall-kontribuzzjonijiet ta’ okupazzjoni totali u tal-ispejjeż tax-xogħol fil-livelli tal-Komunità u dawk nazzjonali, definiti skond il-proċedura msemmija f’Artikolu 12(2). Indiċijiet tal-ispiża tax-xogħol għandhom jiġu provduti separatament għat-tlett kategoriji tal-ispiża tax-xogħol identifikati hawn taħt:

    (a) l-ispejjeż totali tax-xogħol;

    (b) pagi u salarji definiti b’referenza għall-partita D.11 f’Anness II li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1726/1999;

    (ċ) il-kontribuzzjonijiet soċjali ta’ min iħaddem miżjuda b’taxxi mħallsa minn min iħaddem imnaqqsa bis-sussidji riċevuti minn min iħaddem, kif definiti bis-somma tal-partiti D.12 u D.4 nieqes D.5 f’Anness II li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1726/1999.

    2. Indiċi li jistma l-ispejjeż totali tax-xogħol, esklużi bonuses, fejn bonuses huma definiti b’D.11112 f’Anness II li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1726/1999, għandu jiġi provdut, imqassma skond l-attività ekonomika definita skond il-proċedura msemmija f’Artikolu 12(2), u għandu jkun ibbażat fuq il-klassifikazzjoni NACE Rev.1, waqt li jagħti kont ta’ l-istudji ta’ possibiltà definiti f’Artikolu 10.

    Artikolu 5

    Frekwenza u data b’lura

    1. Id-data għall-LCI għandha l-ewwel tiġi kompilata għall-ewwel kwart ta’ l-2003, u wara għal kull kwart (li jintemm fil-31 ta’ Marzu, fit-30 ta’ Ġunju, fit-30 ta’ Settembru u fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena).

    2. Data b’lura li tkopri l-perjodu mill-ewwel kwart ta’ l-1996 sar-raba’ kwart ta’ l-2002 għandha tintgħamel disponibbli mill-Istati Membri. Id-data b’lura għandha tkun provduta għal kull wieħed minn-NACE Rev.1 sezzjonijiet C sa K u għall-partiti ta’l-ispiża tax-xogħol imsemmija f’Artikolu 4(1).

    Artikolu 6

    Trasmissjoni tar-riżultati

    1. Id-data msemmija f’Artikolu 4 għandha tiġi provduta f’ forma ta’ indiċi. Il-piżijiet użati għall-kalkolu ta’ l-indiċi, definiti fl-Annes li jinsab ma dan ir-Regolament, għandhom jintgħamlu disponibbli għall-pubblikazzjoni fl-istess waqt.

    Il-format xieraq tekniku li għandu jintuża għat-trasmissjoni tar-riżultati msemmija fl-Artikolu 4, u l-proċeduri ta’ aġġustament li għandhom ikunu applikati għad-data għandhom ikunu definiti skond il-proċedura msemmija f’Artikolu 12(2).

    2. L-Istati Membri għandhom jittrasmettu d-data, imqassma kif speċifikat f’Artikolu 4, lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien 70 jum mit-tmiem tal-perjodu ta’ referenza. Metadata, definita bħala l-ispjegazzjonijiet meħtieġa biex jiġu interpretati il-bidliet fid-data jew li joħorġu mill-bidliet metodoloġiċi jew tekniċi, jew minħabba bidliet fis-suq tax-xogħol, għandha titwassal mad-data.

    3. Id-data b’lura msemmija fl-Artikolu 5 għandha tkun trasmessa lill-Kummissjoni (Eurostat) fl-istess waqt bħal l-LCI għall-ewwel kwart ta’ l-2003.

    Artikolu 7

    Sorsi

    L-Istati Membri jistgħu jipproduċu l-estimi meħtieġa billi jużaw kombinazzjoni tas-sorsi differenti speċifikati hawn taħt billi japplikaw il-prinċipju ta’ simplifikazzjoni amministrattiva:

    (a) stħarriġ, fejn unitajiet statistiċi, kif definiti fir-Regolament (KEE) Nru 696/93, huma mitluba li jagħtu informazzjoni fil-ħin, eżatta u kompleta;

    (b) sorsi oħra adattati, inkluża data amministrattiva jekk dawn huma attwali u relevanti;

    (ċ) proċeduri adatti għall-istima statistika.

    Artikolu 8

    Kwalità

    1. Id-data kurrenti u d-data b’lura trasmessa għandha tissodisfa kriterji separati ta’ kwalità li għandhom ikunu definiti taħt il-proċedura msemmija f’Artikolu 12(2).

    2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu rapporti annwali tal-kwalità lill-Kummissjoni, li għandhom jibdew fl-2003. Il-kontenut tar-rapporti għandu jkun definit taħt il-proċedura msemmija f’Artikolu 12(2).

    Artikolu 9

    Perjodi transitorji u derogi

    1. Perjodi transitorji li jirrelataw ma’ l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jistgħu jingħataw taħt il-proċedura msemmija f’Artikolu 12(2), li ma jestendux aktar minn sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    2. Matul il-perjodi transitorji, derogi minn dan ir-Regolament jistgħu jiġu aċċettati mill-Kummissjoni sal-limitu li s-sistema nazzjonali ta’ l-istatistika teħtieġ addattazzjonijiet prinċipali.

    Artikolu 10

    Studji ta’ possibiltà

    1. Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija f’Artikolu 12(2), tistitwixxi serje ta’ studji ta’ possibiltà, li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri, b’mod partikolari minn dawk li ma jistgħu jipprovdu d-data għan-NACE Rev. 1 sezzjonijiet L, M, N, u O (Artikolu 3(2)) jew it-tqassim ta’ l-indiċi li jistma l-ispejjeż totali stmati tax-xogħol, esklużi bonuses (Artikolu 4(2)).

    2. L-istudji ta’ possibiltà għandhom jitwettqu, waqt li jingħata kont tal-benefiċċji tal-ġbir ta’ data b’relazzjoni man-nefqa tal-ġbir u l-piż fuq in-neġzju, biex jagħmlu stima ta’:

    (a) ta’ kif l-indiċijiet tal-ispiża tax-xogħol ta’ kull kwart definiti f’Artikolu 4(1) jistgħu jinkisbu għan-NACE sezzjonijiet L, M, N u O; u

    (b) kif l-indiċi li istma l-ispejjeż totali tax-xogħol, esklużi l-bonuses, definit f’ Artikolu 4(2) jista jinkiseb.

    3. L-Istati Membri li jwettqu l-istudji ta’ possibiltà għandhom jibgħatu rapport interim dwar ir-riżultati tagħhom lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Die1mbru 2004. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jibgħatu rapport finali dwar l-istudji ta’ possibilità lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005.

    4. L-istudji ta’ possibiltà li jikkonċernaw il-paragrafu 2(a) għandhom jagħtu kont tar-riżultati ta’ l-istudji pilota imsemmija fl-Annessi li jinsbu mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 58/97 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1996 li jikkonċerna statistika strutturali tan-negozju [12].

    5. Il-miżuri adottati taħt Artikolu 11(ħ) bis-saħħa tar-riżultati ta’ l-istudji ta’ possibiltà għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ l-effettività fil-ġestjoni tal-ispejjeż, kif definit f’Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 322/97, inkluż it-tnaqqis tal-piż fuq ir-respondenti.

    6. L-implimentazzjoni tal-miżuri adottati taħt Artikolu 11(ħ) bis-saħħa tar-riżultati ta’ l-istudji ta’ possibiltà għandhom jagħmlu possibbli t-trasmissjoni ta’ data sa l-ewwel kwart ta’ l-2007, sakemm ir-riżultati ta’ l-situdji ta’ possibiltà jippermettu għall-produzzjoni effettiva fil-ġestjoni tal-ispejjeż ta’ data ta’ kwalità suffiċjenti.

    Artikolu 11

    Miżuri ta’ implimentazzjoni

    Il-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inklużi miżuri biex jagħtu kont tal-bidliet ekonomiċi u tekniċi, għandhom ikunu stipulati skond il-proċedura msemmija f’Artikolu 12(2). Dawk il-miżuri għandhom jikkonċernaw b’mod partikolari:

    (a) definizzjoni, skond Artikolu 4(1), tad-disaggregazzjonijiet li għandhom jiġu nklużi fl-istruttura fissa;

    (b) speċifikazzjonijiet tekniċi ta’ l-indiċi (Artikolu 2);

    (ċ) inklużjoni tan-NACE Rev.1 sezzjonijiet L, M, N u O (Artikolu 3);

    (d) tqassim ta’ l-indiċijiet skond l-attivitajiet ekonomiċi (Artikolu 4);

    (e) il-format għat-trasmissjonijiet tar-riżultati u l-proċeduri ta’ aġġustament li għandhom jiġu applikati (Artikolu 6);

    (f) kriterji separati ta’ kwalità għal data kurrenti u ta’ lura trasmessa u l-kontenuti tar-rapporti tal-kwalità (Artikolu 8);

    (g) perjodu transitorju (Artikolu 9);

    (h) l-istabbiliment ta’ studji ta’ possibiltà u deċiżjonijiet bis-saħħa tar-riżultati tagħhom (Artikolu 10); u

    (i) il-metodoloġija li għandha tintuża għall-ikkatenar ta’ l-indiċi (L-Anness).

    Artikolu 12

    Proċedura

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Programm Statistiku stabbilit b’Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom.

    2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jingħata kont tad-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 8 tagħha.

    Il-perjodu preskritt f’Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat bħala wieħed ta’ tlett xhur.

    3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

    Artikolu 13

    Rapporti

    Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull sentejn. Ir-rapport għandu jevalwa b’mod partikolari l-kwalità tas-serja ta’ data LCI trasmessa u l-kwalità tad-data b’lura trasmessa.

    L-ewwel rapport għandu jintbagħat mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru tas-sena li tiġi wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Għandu jirreferi biss għall-azzjonijiet esegwiti mill-Istati Membri biex iħejju l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u hu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fis-27 ta’ Frar 2003.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    P. Cox

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Chrisochoïdis

    [1] ĠU Ċ 304 E, tat- 30.10.2001, p. 184.

    [2] ĠU Ċ 48, tal- 21.2.2002, p. 107.

    [3] ĠU Ċ 295, ta’ l- 20.10.2001, p. 5.

    [4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Frar 2002 (ĠU Ċ 293 E, tat- 28.11.2002, p. 20), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Ċ 269 E, tal- 5.11.2002, p. 10) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2002 (għada mhux publikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [5] ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 1.

    [6] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

    [7] ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

    [8] ĠU L 293, ta’ l-24.10.1990, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kommissjoni (KE) Nru 29/2002 (ĠU L 6, ta’ l-10.1.2002, p. 3).

    [9] ĠU L 203, tat-3.8.1999, p. 28.

    [10] ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewrope u tal-Kunsill (KE) Nru 359/2002 (ĠU L 58, tat-28.2.2002, p. 1).

    [11] ĠU L 76, tat-30.3.1993, p. 1. Regolament kif emendat bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994.

    [12] ĠU L 14, tas-17.1.1997, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2056/2002 (ĠU L 317, tal-21.11.2002, p. 1).

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    Il-formola li għandha tintuża għall-kalkolazzjoni tal-LCI

    1. Iddefinixxi:

    wit = spejjeż tax-xogħol għal kull siegħa maħduma ta' impjegati fl-attività ekonomika i fil-perjodu t

    hit = sigħat maħduma minn impjegati fl-attività ekonomika i fil-perjodu t

    Wij = wij * hij = spejjeż tax-xogħol ta' impjegati fl-attività ekonomika i fil-perjodu annwali j.

    2. Il-formola bażika Laspeyres li għandha tintuża għall-kalkolazzjoni ta' l-LCI għall-perjodu t bil-perjodu annwali bażi j hija definita bħala:

    LCI

    =

    =

    w

    /w

    =

    w

    /w

    ijWij∑iWij

    3. Il-metodoloġoja għall-ikkatenar ta' l-indiċi għandha tkun definita skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

    4. Il-piżijiet użati biex jiġi kalkolat l-indiċi u msemmija f'Artikolu 6(1), huma l-valuri ta':

    W

    W

    ij

    fejn Wij, i u j huma definiti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Anness. Dawn il-piżijiet għandhom jintużaw għall-kalkolazzjoni ta' l-indiċi fi żmien sentejn mill-perjodu li jirrelataw għalih.

    --------------------------------------------------

    Top