Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003D0822

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Kummissjoni Codex Alimentarius

ĠU L 309, 26.11.2003, p. 14–21 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/822/oj

32003D0822



Official Journal L 309 , 26/11/2003 P. 0014 - 0021


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-17 ta’ Novembru 2003

dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Kummissjoni Codex Alimentarius

(2003/822/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 37, 95, 133 u 152(4) flimkien ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) L-għan tal-Kummissjoni Codex Alimentarius huwa, inter alia, li jiġu żviluppati u armonizzati l-istandards tas-saħħa madwar id-dinja kollha u li jinħarġu linji ta’ gwida u rakkomandazzjonijiet dwar prodotti agrikoli u dawk ta’ l-industrija tas-sajd, oġġetti ta’ l-ikel, żidiet ma’ l-ikel biex jagħtuh il-kulur jew biex jippreservawh u sustanzi li jikkontaminaw, għalf għall-bhejjem, mediċina veterinarja, pestiċidi, inkluż l-ittikkettjar, metodi ta’ analiżi u t-teħid ta’ kampjuni, kodiċi ta’ l-etika u prattiċi agrikoli tajbin u linji gwida għal prattiċi ta’ l-iġjene, bl-iskop li tkun mħarsa s-saħħa tal-konsumatur u li jkun żgurat li l-kummerċ internazzjonali jitmexxa bil-fier. Dawn l-għanijiet huma skond l-għanijiet tal-Komunità Ewropea fir-rigward ta’ miżuri meħudin biex iħarsu l-ħajja u s-saħħa tal-bnedmin, ta’ l-annimali u tal-pjanti jew il-miżuri li jirrigwardaw l-ambjent u l-kummerċ internazzjonali relatat, u l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ oġġetti ta’ l-ikel, żidiet ma’ l-ikel biex jagħtuh il-kulur jew biex jippriservawh u sustanzi li jikkontaminaw, inkluż l-ittikkettjar u l-metodi ta’ l-analiżi u t-teħid ta’ kampjuni, bl-għan li tkun żgurata ċ-ċirkolazzjoni

(2) Mill-1994 ’l hawn, bid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-kummerċ (WTO), b’mod partikolari l-Ftehim dwar l-applikazzjoni tal-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (il-Ftehim SPS) u l-Ftehim dwar it-Tfixkil Tekniku tal-Kummerċ (il-Ftehim TBT), il-kodiċi tal-Codex Alimentarius, il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet akkwistaw rilevanza legali akbar bis-saħħa tar-referenza magħmula għall-Codex Alimentarius fil-Ftehim ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Kummerċ (WTO) u l-preżunzjoni ta’ konformità li hija mogħtija lil miżuri nazzjonali rilevanti meta jkunu bbażati fuq tip ta’ standards, linji gwida jew rakkomandazzjonijiet bħal dawk li jkunu adottati mill-Kummissjoni Codex Alimentarius.

(3) Il-Komunità’ Ewropea għandha tkun tista’ tħaddem il-kompetenza u l-irwol tagħha matul il-preparazzjoni, in-negozjar u l-adozzjoni ta’ l-istandards, tal-linji gwida jew ir-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni Codex Alimentarius u l-korpi sussidjarji tagħha. L-adeżjoni tal-Komunità’ Ewropea bħala membru sħiħ tal-Codex Alimentarius, flimkien ma’ l-Istati Membri tagħha, hija essenzjali sabiex ikun żgurat illi s-saħħa primarja u interessi oħrajn tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha jiġu kkunsidrati waqt il-preparazzjoni, in-negozjar u l-adozzjoni ta’ dawn l-istandards, linji ta’ gwida jew rakkomandazzjonijiet u disposizzjonijiet oħra mill-Kummissjoni Codex Alimentarius.

(4) L-adeżjoni tal-Komunità Ewropea bħala membru sħiħ tal-Codex Alimentarius għandha tgħin biex tkun imsaħħa l-koerenza bejn l-istandards, il-linji gwida jew ir-rakkomandazzjonijiet u disposizzjonijiet oħra mill-Kummissjoni Codex Alimentarius u obbligi internazzjonali rilevanti oħra tal-Komunità Ewropea.

(5) Fis-26 ta’ Novembru 1991, il-Komunità Ewropea saret Membru, flimkien ma’ l-Istati Membri, ta’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u l-Agrikoltura (FAO).

(6) L-Artikolu 2 ta’ l-Istatuti tal-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius jagħti d-dritt lill-Komunità Ewropea, bħala Membru tal-FAO, li ssir ukoll Membru sħiħ tal-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius.

(7) Permezz tad-Deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 1993, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet għall-adeżjoni tal-Komunità’ Ewropea bħala membru sħiħ tal-Kummissjoni Codex Alimentarius fuq il-bażi tal-kompetenza tal-Komunità’ Ewropea, is-sitwazzjoni tagħha fil-FAO u fl-istess waqt ikunu kkunsidrati l-għan u l-karatteristiċi partikolari tal-Kummissjoni Codex Alimentarius.

(8) Id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet ta’ l-Organizzazzjonijiet li huma Membri fil-FAO jistgħu jiġu applikati, mutatis mutandis, għas-sħubija fil-Komunità Ewropea tal-Kummissjoni Codex Alimentarius, u d-deċiżjonijiet xierqa li jirrigwardaw l-addattamenti meħtieġa tad-disposizzjonijiet rilevanti tar-regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni Codex Alimentarius u l-korpi sussidjarji tagħha diġà ttieħdu.

(9) Ir-riżultat tan-negozjati mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea huwa kkunsidrat bħala wieħed sodisfaċenti x’ħin wieħed jikkunsidra l-interessi tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-karatteristiċi speċifiċi tal-Kummissjoni Codex Alimentarius.

(10) Huwa neċessarju li jkunu maħsubin modalitajiet prattiċi li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fix-xogħol tal-Kummissjoni Codex Alimentarius u l-korpi sussidjarji tagħha b’mod li jkun probabbli li jiġi żgurat l-ogħla vantaġġ possibbli għall-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha bħala riżultat ta’ l-adeżjoni tal-Komunità għall-Codex Alimentarius.

(11) Minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq, issa huwa xieraq li l-Komunità Ewropea tidħol tagħmel parti formalment mill-Kummissjoni Codex Alimentarius.

(12) Id-Direttorati Ġenerali tal-FAO u l-WHO approvaw l-emendi tar-Regoli ta’ Proċedura adottati mis-26 Sezzjoni tal-Kummissjoni Codex Alimentarius fit-30 ta’ Ġunju 2003, li jippermettu l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika li jsiru membri tal-Codex,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

1. Il-Komunità Ewropea għandha tressaq talba għall-adeżjoni fil-Kummissjoni Codex Alimentarius akkumpanjata bi strument formali li permezz tiegħu taċċetta l-obbligazzjonijiet ta’ l-istatuti tal-Kummissjoni Codex Alimentarius li jkunu fis-seħħ fil-mument ta’ l-adeżjoni (l-Anness I għal dan) u Dikjarazzjoni unika dwar l-eżerċizzju tal-kompetenzi (l-Anness II għal dan).

2. Il-President tal-Kunsill għandu jkun responsabbli mill-iffinalizzar tal-proċeduri neċessarji għal dan il-għan.

Artikolu 2

L-Arranġament bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni rigward il-preparazzjoni ta' laqgħat u dikjarazzjonijiet għall-Codex Allimentarius u l-eżerċizzju ta' drittijiet ta' vot, mehmużin bħala l-Anness III, jgħodd bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, is-17 ta’ Novembru 2003.

F’isem il-Kunsill

Il-President

G. Alemanno

[1] Opinjoni datata s-7 ta’ Novembru 2001 (li għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

--------------------------------------------------

ANNESS I

Strument ta' adeżjoni għall-Kummissjoni Codex Alimentarius

Għażiż Sinjur,

Għandi l-unur ninfurmak li l-Komunità Ewropea, bħala Membru tal-FAO, iddeċidiet li tagħmel talba għall-adeżjoni mal-Kummissjoni Codex Alimentarius. Jien, għalhekk, nitolbok taċċetta dan l-istrument, li bih il-Komunità Ewropea taċċetta r-Regoli modifikati ta' Proċedura tal-Kummissjoni Codex Alimentarius, skond ir-Regola II tagħhom, u d-Dikjarazzjoni unika mill-Komunità Ewropea dwar l-eżerċitar tal-kompetenzi.

Il-Komunità Ewropea formalment u mingħajr riserva taċċetta l-obbligazzjonijiet li joriġinaw mis-sħubija fil-Kummissjoni Codex Alimentarius, kif stipulati fl-Istatuti tal-Kummissjoni Codex Alimentarius, u tintrabat b'mod solenni li twettaq bl-akbar lealtà u kuxjenza l-obbligazzjonijiet li jkunu fis-seħħ fil-mument tas-sħubija tagħha.

Sinjur, għandi l-unur li nkun dejjem tiegħek

Alessandro PIGNATTI

Il-President fil-kariga tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

Il-President, Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti

(L-1 Parti)

Sur Diouf

Direttorat Ġenerali

Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar l-Ikel u l-Agrikultura,

Via delle Terme di Caracalla

I-00100 Ruma

--------------------------------------------------

ANNESS II

Dikjarazzjoni unika tal-Komunità Ewropea dwar l-eżerċitar tal-kompetenzi skond ir-Regola VI tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni Codex Alimentarius

Din id-Dikjarazzjoni tispeċifika l-eżerċitar tal-kompetenzi bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha f’oqsma koperti bl-istrumenti li jistabbilixxu l-Kummissjoni Codex. Ma taffettwax l-arrangament ta’ kif issir il-komunikazzjoni bejn il-Komunità u l-Istati Membri.

Din id-Dikjarazzjoni tapplika għal-laqgħat kollha tal-Kummissjoni Codex Alimentarius u kull wieħed mill-korpi sussidjarji tagħha, sakemm il-Komunità Ewropea ma tiddeċidix, jew sakemm xi membru tal-Codex Alimentarius ma jitlobx fir-rigward ta’ xi punt partikolari ta’ l-aġenda qabel il-laqgħa, li jagħmlu dikjarazzjoni speċifika.

Jekk l-għan tal-qsim tal-kompetenzi deskritt hawn taħt bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri jinbidel, din id-Dikjarazzjoni tiġi għalhekk aġġornata.

1. IL-KOMPETENZI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA

Bħala regola ġenerali, il-Komunità Ewropea għandha kompetenza esklussiva fuq il-punti ta’ l-aġenda li jirrigwardaw l-armonizzazzjoni ta’ standards dwar ċerti prodotti agrikoli, oġġetti ta’ l-ikel, żidiet ma’ l-ikel biex jagħtuh il-kulur jew biex jippreservawh, sustanzi li jikkontaminaw, mediċina veterinarja, pestiċidi, prodotti magħmulin mill-ħut u prodotti ta’ l-industrija tas-sajd, inkluż ittikkettjar, metodi ta’ analiżi u teħid ta’ kampjuni, kif ukoll kodiċi u linji gwida ta’ prattika ta’ l-iġjene, sal-punt li l-leġislazzjoni Komunitarja tkun armonizzat jew kompletament, jew kemm jista’ jkun, l-attivitajiet rilevanti f’dawn l-oqsma, kif ukoll kwistjonijiet ta’ kummerċ internazzjonali sal-punt li jkunu jirrelataw ma’ l-oġġettivi tal-Kummissjoni, notevolment sabiex tiġi mħarsa saħħet il-konsumatur u jkun żgurat li l-kummerċ ta’ l-ikel jitmexxa bil-fier.

2. IL-KOMPETENZA TA’ L-ISTATI MEMBRI

Bħala regola ġenerali, l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għandhom il-kompetenza fuq punti ta’ l-aġenda li jittrattaw materji ta’ organizzazzjoni (eż. Punti legali jew ta’ estimi) u materji ta’ proċedura (eż. elezzjoni ta’ presidenti, adozzjoni ta’ l-aġenda, adozzjoni ta’ rapporti).

3. IL-KOMPETENZA TA’ L-ISTAT MEMBRU U TAL-KOMUNITÀ

Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha t-tnejn għandhom kompetenza a priori fl-oqsma li ġejjin, sal-punt li l-miżuri previsti f’dawk l-oqsma jaqgħu taħt l-iskop ta’ azzjoni tal-Codex Alimentarius u fejn il-Komunità għandha s-setgħa li tarmonizza imma dawn l-oqsma jkunu ġew armonizzati sa ċertu punt biss:

(a) il-politika agrikola kollha kemm hi, inkluż l-armonizzazzjoni ta’ standards għall-ħajja u s-saħħa ta’ l-annimali jew pjanti (l-Artikoli 32 sa 38 tat-Trattat tal-KE)

(b) l-approssimazzjoni tad-disposizzjonijiet stabbiliti b’liġijiet, regolamenti jew azzjoni amministrattiva mill-Istati Membri fl-oqsma tal-ħajja jew is-saħħa tal-bnedmin, annimali jew pjanti (l-Artikoli 94 u 95 tat-Trattat tal-KE)

(ċ) miżuri dwar il-politika tas-saħħa pubblika (l-Artikolu 152 tat-Trattat tal-KE) u miżuri dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (l-Artikolu 153 tat-Trattat tal-KE);

(d) politika dwar riċerka u żvilupp teknoloġiku (l-Artikoli 163 sa 173 tat-Trattat tal-KE);

(e) politika ambjentali (l-Artikolu 174 sa 176 tat-Trattat tal-KE);

(f) politika għall-iżvilupp (l-Artikolu 177 sa 181 tat-Trattat tal-KE);

(g) politika oħra tal-Komunità Ewropea li tista’ tikkonċerna b’mod anki mhux komplet l-attivitajiet speċifiċi tal-Kummissjoni Codex Alimentarius.

--------------------------------------------------

ANNESS III

Arranġament bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar preparamenti għal-Laqgħat tal-Codex Alimentarius u dikjarazzjonijiet u eżerċitar tad-dritt tal-vot.

1. L-għan ta’ l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ kordinazzjoni

Dawn il-proċeduri ta’ kordinazzjoni għandhom japplikaw għal kull laqgħa tal-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius jew xi wieħed mill-korpi sussidjarji tagħha, inkluż gruppi ta’ ħidma u għal tweġibiet għal Ċirkularijiet.

2. Ċirkularijiet tal-Codex Alimentarius

2.1. Bl-għan li jkun irrispettat it-terminu perentorju għat-tweġib taċ-Ċirkularijiet tal-Codex, il-Kummissjoni għandha tibgħat, f’intervalli regolari ta’ mhux aktar minn xahrejn, lill-Istati Membri, tabella li jkun fiha, separatament, kull Ċirkulari li tkun pendenti, avżata u antiċipata, filwaqt li jkunu identifikati dawk iċ-Ċirkularijiet li għalihom tkun sejra tlesti abbozz ta’ tweġiba komuni f’isem il-Komunità u t-terminu li fih dan ikun ser isir u tagħti sa fejn hu possibbli l-opinjoni tagħha dwar l-istatus ta’ kompetenza għal kull waħda minnhom.

2.2. Meta l-Kummissjoni tindika li trid titlesta tweġiba komuni, l-Istati Membri jżommu ruħhom milli jirrispondu direttament iċ-Ċirkularijiet tal-Codex identifikati imma jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni bil-materji jew punti speċifiċi li joħolqulhom problema u l-orjentazzjoni li jissuġġerixxu li tiġi adottata fit-tweġiba.

2.3. Il-Kummissjoni tlesti abbozz ta’ tweġiba komuni u tieħu nota ta’ l-indikazzjoni ta’ l-Istati Membri u tikkomunika b’ħeffa l-abbozz lill-Istati Membri għal aktar kummenti permezz tal-Punti ta’ Kuntatt tal-Codex jew xi punt speċifiku indikat mill-Istati Membri. Fuq il-bażi tal-kummenti li tkun irċeviet, il-Kummissjoni tipprepara reviżjoni tat-tweġiba komuni, tindika l-kummenti li tkun irċeviet u tispjega fejn hu neċessarju għaliex xi wħud minnhom ma ġewx ikkunsidrati.

2.4. Stat Membru jista’ wkoll jindika lill-Kummissjoni li xi Ċirkulari partikolari tkun teħtieġ tweġiba komuni. F’każ bħal dan il-Kummissjoni tipprepara abbozz ta’ tweġiba bl-għajnuna teknika ta’ dan l-Istat Membru.

2.5. Meta l-Kummissjoni tikkunsidra li mhux neċessarju li tiġi ppreparata tweġiba komuni, l-Istati Membri jkollhom id-dritt iwieġbu direttament iċ-Ċirkularijiet tal-Codex li għalihom ma tkunx prevista tweġiba komuni. Madankollu, f’dan il-każ, l-Istati Membri li bi ħsiebhom jibagħtu kummenti direttament jiċċirkolaw abbozz bejn l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni qabel ma jibagħtuha lill-Codex sabiex jiġi vverifikat illi m’hemmx opposizzjoni mill-Kummissjoni jew xi Stat Membru ieħor.

2.6. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħmlu sforz serju biex jilħqu posizzjoni komuni malajr kemm jista’ jkun. Jekk l-abbozz tat-tweġiba komuni huwa aċċettabbli mill-Istati membri, jintbagħat lis-segretarjat tal-Codex Alimentarius. Imma jekk ikun għad hemm nuqqas sostanzjali ta’ qbil, il-Kummissjoni tibgħat l-abbozz lis-Segretarjat tal-Kunsill biex tiġi organizzata laqgħa ta’ kordinazzjoni biex jiġu solvuti d-differenzi li jkun baqa’, tiġi applikata l-proċedura rilevanti stabbilita f’Taqsima 3.

3. Proċedura ta’ kordinazzjoni fil-Kunsill

3.1. Bħala tħejjija għal kull laqgħa tal-Codex Alimentarius, isiru laqgħat ta’ kordinazzjoni:

- Ġewwa Brussel, fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill (normalment il-Grupp ta’ Ħidma tal-Codex Alimentarius), malajr kemm jista’ jkun, u kemm-il darba jkun hemm bżonn qabel il-laqgħa tal-Codex Alimentarius, u barra dan,

- għal għarrieda, partikolament fil-bidu u, jekk ikun neċessarju, waqt u fl-aħħar tal-laqgħa tal-Codex Alimentarius, filwaqt li jissejħu aktar laqgħat ta’ kordinazzjoni kull meta jkun meħtieġ matul is-serje ta’ laqgħat.

3.2. Il-laqgħat ta’ kordinazzjoni jaqblu fuq id-dikjarazzjonijiet li jridu jinħarġu f’isem il-Komunità’ jew f’isem il-Komunità u l-Istati Membri. Id-dikjarazzjonijiet li jridu jsiru f’isem l-Istati Membri ma jiffurmawx parti mill-kordinazzjoni fis-sens strett tal-kelma, imma jistgħu naturalment ikunu wkoll soġġetti għall-kordinazzjoni f’dawn il-laqgħat jekk isir qbil fuq dan bejn l-Istati Membri.

Il-posizzjonijiet tal-Komunità’ jew dawk komuni normalment jiġu miftehma f’għamla ta’ posizzjoni ta’ negozjati, stqarrija jew abbozz ta’ stqarrija. Meta f’dan l-arranġament issir referenza għal "stqarrija", għandu jkun ikkunsidrat li qed tirreferi wkoll għal forom oħra fejn il-posizzjoni tal-Komunità’ jew dik komuni jkun sar qbil fuqha.

3.3. X’ħin il-Kummissjoni tirċievi aġenda ta’ laqgħa tal-Codex Alimentarius tibgħatha lis-Segretarjat tal-Kunsill biex tkun iċċirkolata ma’ l-Istati Membri flimkien ma’ indikazzjoni tal-kwistjonijiet ta’ l-aġenda li fuqhom hemm il-ħsieb li ssir stqarrija u jekk din l-istqarrija tkunx sejra ssir f’isem il-Komunità’ jew l-Istati Membri tagħha.

F’każ ta’ kwistjonijiet fuq l-aġenda li jkunu jeħtieġu deċiżjoni b’kunsens ġenerali jew b’vot f’laqgħa tal-Codex Alimentarius, il-Kummissjoni tagħti indikazzjoni jekk hijiex il-Komunità’ jew l-Istati Membri tagħha li għandhom jivvutaw.

3.4. Il-Kummissjoni tibgħat abbozzi ta’ stqarrijiet u dokumenti dwar posizzjoni lis-Segretarjat tal-Kunsill biex jiġu ċċirkolati lill-Istati Membri malajr kemm jista’ jkun imma għall-inqas ġimgħa qabel il-laqgħa ta’ kordinazzjoni. Għall-preparazzjoni ta’ abbozzi ta’ stqarrijiet jew dokumenti dwar posizzjoni, il-Kummissjoni toqgħod fuq il-ħila teknika ta’ l-Istati Membri. Is-Segretarjat tal-Kunsill jiżgura li l-abbozzi ta’ l-istqarrijiet jiġu mibgħuta fil-pront permezz tal-Punti nazzjonali ta’ Kuntatt tal-Codex jew xi punt speċifiku indikat mill-Istati Membri.

3.5. Il-laqgħat ta’ kordinazzjoni jiddeċiedu dwar l-eżerċitar tar-responsabbiltajiet fir-rigward ta’ stqarrijiet u votazzjoni ta’ kull materja fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Codex Alimentarius, li fuqha tista’ tkun magħmula stqarrija jew li jkun previst it-teħid ta’ vot.

3.6. Il-Kummissjoni tavża lill-Istati Membri qabel il-laqgħat ta’ kordinazzjoni, permezz tas-Segretarjat tal-Kunsill, bil-:

(a) proposti tagħha rigward l-eżerċitar tar-responsabbiltajiet fuq suġġett partikolari;

(b) proposti tagħha rigward stqarrijiet fuq suġġett partikolari.

3.7. Jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri, waqt laqgħat ta’ kordinazzjoni fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma kompetenti tal-Kunsill jew jekk tkun meħtieġa deċiżjoni minnufih, ma jkunux jistgħu jaqblu fuq posizzjoni komuni, inkluż għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ qbil dwar it-tqassim ta’ kompetenzi, fir-rigward ta’ suġġetti li hemm referenza għalihom f’punti 3.6(a) u (b), il-materja tiġi riferuta lill-Kumitat Permanenti tar-Rappreżentanti li jiddeċiedi fuq il-bażi tal-maġġoranza stabbilita fil-liġi Komunitarja rilevanti li tittratta s-suġġett tal-materja li jkun qiegħed jiġi kkunsidrat.

3.8. Id-Deċiżjonijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 3.7 huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenza rispettiva tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha fl-oqsma li jkunu qegħdin jiġu eżaminati.

3.9. Jekk jirriżulta li jkun impossibbli min-naħa tal-Kummissjoni li tlesti l-istqarrijiet sal-laqgħa ta’ kordinazzjoni (minħabba n-nuqqas tad-dokumentazzjoni tal-Codex Alimentarius), il-Kummissjoni tagħti deskrizzjoni qasira lill-Istati Membri, mill-inqas ġimgħa qabel il-laqgħa tal-Codex Alimentarius, ta’ l-elementi prinċipali tal-posizzjoni tal-Komunità jew dik komuni u l-istqarrija li trid tkun magħmula għal din ir-raġuni. Fejn ikun meħtieġ, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, issir laqgħa ta’ kordinazzjoni minnufih biex teżamina mill-ġdid dawn l-elementi u l-istqarrija mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni u ta’ l-Istati Membri preżenti fil-laqgħa.

3.10. Meta tqum il-ħtieġa, waqt il-laqgħat tal-Codex Alimentarius, li tiġi magħmula stqarrija, mir-rappreżentant tal-Komunità f’isem il-Komunità jew f’isem il-Komunità’ u l-Istati Membri tagħha bħala reazzjoni għal kif ikunu evolvew id-diskussjonijiet u anki d-dinamika tagħhom, jiġi maħdum abbozz ta’ stqarrija minnufih u tkun applikata l-parti rilevanti tal-paragrafu 3.0.

3.11. Matul id-diskussjonijiet tal-Codex, sabiex jirreaġixxu għall-proposti li m’humiex koperti mill-posizzjoni miftiehma tal-Komunità, l-Istati Membri u l-Kummissjoni wara li ssir il-kordinazzjoni meħtieġa fejn ikun possibbli, għandhom ikunu f’posizzjoni li jipproponu tweġiba inizjali u jesploraw għażliet alternattivi mingħajr ma jintrabtu formalment. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jirrispettaw bis-sħiħ il-posizzjoni stabbilita tal-Komunità’ u l-prinċipji ġustifikattivi tagħha, jikkoordinaw minnufih biex jikkonfermaw jew jibdlu l-posizzjonijiet proviżorji.

4. Stqarrijiet u votazzjonijiet fil-laqgħat tal-Codex Alimentarius

4.1. Fil-każi fejn xi suġġett fuq l-aġenda jittratta fuq materji ta’ kompetenza esklussiva tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha titkellem u tivvota f’isem il-Komunità. Wara li ssir il-kordinazzjoni neċessarja, l-Istati Membri jistgħu anki jitkellmu sabiex jappoġġjaw u/jew jiżviluppaw il-posizzjoni tal-Komunità.

4.2. Fil-każi fejn xi suġġett fuq l-aġenda jittratta fuq materji ta’ kompetenza nazzjonali esklussiva, l-Istati Membri għandhom jitkellmu u jivvutaw.

4.3. Fil-każi fejn xi suġġett fuq l-aġenda jittratta fuq materji li jkun fihom elementi ta’ kompetenza kemm nazzjonali kif ukoll Komunitarja, għandhom jesprimu l-posizzjoni komuni l-Presidenza u l-Kummissjoni. Wara li tkun saret il-kordinazzjoni meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu jitkellmu sabiex jappoġġjaw u/jew jiżviluppaw il-posizzjoni komuni. L-Istati Membri jew il-Kummissjoni, kif xieraq, għandhom jivvutaw f’isem il-Komunità u l-Istati Membri tagħha skond il-posizzjoni komuni. Id-Deċiżjoni fuq min għandu jivvota tittieħed fid-dawl tal-prevalenza tal-kompetenza (eż. jekk huwiex prinċipalment kompetenza ta’ Stat Membru jew huwiex prinċipalment kompetenza tal-Komunità).

4.4. Fejn suġġett fuq l-aġenda jittratta dwar materji li jkun fihom elementi ta’ kompetenza kemm nazzjonali kif ukoll tal-Komunità, u l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma jkunx irnexxilhom jaqblu fuq posizzjoni komuni kif msemmija fil-paragrafu 3.7, l-Istati Membri jistgħu jitkellmu u jivvutaw fuq materji li jaqgħu b’mod ċar taħt il-kompetenza tagħhom. Skond ir-regoli ta’ proċedura tal-Codex Alimentarius, il-Kummissjoni tista’ titkellem u tivvota dwar materji li jaqgħu b’mod ċar taħt il-kompetenza tal-Komunità u li għalihom tkun ġiet adottata posizzjoni Komunitarja.

4.5. F’każ ta’ materji li fuqhom m’hemmx qbil bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-qsim tal-kompetenzi, jew fejn ma kienx possibbli li tinkiseb il-maġġoranza meħtieġa għal-posizzjoni Komunitarja, ikun magħmul l-akbar sforz sabiex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni jew li tinkiseb posizzjoni Komunitarja. Sakemm iseħħ dan, u wara li tkun saret il-kordinazzjoni meħtieġa, l-Istati Membri u/jew il-Kummissjoni, kif ikun xieraq, ikunu jistgħu jitkellmu bil-kondizzjoni li l-posizzjoni li jesprimu tkun koerenti mal-politika tal-Komunità u posizzjonijiet preċedenti tal-Komunità, u konformi mal-liġi Komunitarja.

4.6. Matul l-ewwel tliet snin mill-adeżjoni tal-Komunità fil-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius, ir-riżultati tal-laqgħat ta’ kordinazzjoni fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill kompetenti dwar l-eżerċitar tar-responsabbiltajiet fir-rigward ta’ stqarrijiet u votazzjoni ta’ kull suġġett fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Codex Alimentarius, jiġu kkomunikati lis-Segretarjat tal-Codex Alimentarius. Wara l-ewwel perjodu inizjali ta’ sentejn, id-Dikjarazzjoni unika, ġenerali magħmula tiġi kkunsidrata applikabbli, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika biex issir kjarifika minn membru ieħor tal-Codex Alimentarius jew ikun deċiż mod ieħor fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill kompetenti.

4.7. Fil-qafas tal-paragrafu 4.1 jew 4.3, fejn xi Stat Membru jkollu tħassib partikolari importanti fir-rigward ta’ territorju dipendenti, u dan it-tħassib ma jkunx jista’ jiġi ttrattat f’posizzjoni komuni jew Komunitarja, dak l-Istat Membru għandu jżomm id-dritt li jivvota u jitkellem dwar it-territorju dipendenti tiegħu, filwaqt li jżomm f’moħħu l-interessi tal-Komunità.

5. Gruppi li jaħdmu fuq l-abbozzi u gruppi ta’ ħidma

5.1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni huma intitolati li jipparteċipaw volontarjament u jitkellmu fil-gruppi li jaħdmu fuq l-abbozzi u fil-gruppi ta’ ħidma tal-Codex Alimentarius li huma laqgħat tekniċi u informali li għalihom jattendu biss xi membri tal-Codex Alimentarius u fejn ma jittieħdu ebda deċiżjonijiet formali. Ir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni jagħmlu sforz serju biex jilħqu posizzjoni ta’ qbil u biex jiddefenduha waqt id-diskussjonijiet fil-gruppi li jaħdmu fuq l-abbozzi u fil-gruppi ta’ ħidma.

5.2. Il-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ l-Istat Membru li jkunu qed jipparteċipaw fil-gruppi li jaħdmu fuq l-abbozzi u fil-gruppi ta’ ħidma, mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni tal-kompetenza, javżaw lill-Istati Membri l-oħra minnufih bl-abbozzi tar-rapporti kompilati mir-relatur tal-grupp u jikkordinaw ma’ l-Istati Membri l-posizzjoni li trid tittieħed. Fin-nuqqas ta’ kordinazzjoni speċifika fuq l-abbozz tar-rapporti, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jew ta’ l-Istat Membru fuq il-gruppi tat-tfassil u tal-ħidma jużaw bħala orjentazzjoni l-istqarrijiet koordinati u d-diskussjonijiet tal-laqgħa ta’ kordinazzjoni, kif muri fit-taqsima 4.

6. Reviżjoni ta’ l-arranġament

Fuq talba ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni, jiġi rivedut l-arranġament, filwaqt li tkun ikkunsidrata l-esperjenza miksuba mit-tħaddim tiegħu.

--------------------------------------------------

Top