EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002R2244

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2244/2002 tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1622/2000 għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-użu ta’ l-aċidu tartariku fil-prodotti ta’ l-inbid

ĠU L 341, 17.12.2002, p. 27–27 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/06/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2244/oj

32002R2244



Official Journal L 341 , 17/12/2002 P. 0027 - 0027


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2244/2002

tas-16 ta’ Diċembru 2002

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1622/2000 għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-użu ta’ l-aċidu tartariku fil-prodotti ta’ l-inbid

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid [1], kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 2585/2001 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 46 tiegħu,

Billi:

(1) L-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jippermetti ż-żieda ta’ aċidu tartariku fil-prodotti ta’ l-inbid in kwistjoni.

(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1622/2000 ta’ l-24 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid u li jistabbilixxi kodiċi tal-Komunità ta’ prassi u proċessi oenoloġiċi [3], kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 2066/2001 [4], jistabbilixxi, b’mod partikolari, restrizzjonijiet u ħtiġijiet li jappartjenu għall-użu ta’ ċerti sustanzi awtorizzati permezz tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999.

(3) L-aċidu tartariku, imsejjaħ ukoll aċidu L-tartariku, u l-imluħa tiegħu huma l-uniċi sustanzi li huma permessi għall-bżonnijiet ta’ aċidifikazzjoni u de-aċidifikazzjoni tal-prodotti ta’ l-inbid kif iseħħu naturalment fl-għeneb u fl-inbid.

(4) L-Uffiċju Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid adotta, f’Ġunju ta’ l-2000, reżoluzzjoni li taġġorna l-Kodiċi Internazzjonali Oenoloġika l-monograff li tistabbilixxi l-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet ta’ purità ta’ l-aċdu L tartariku li jista’ jkun użat fil-produzzjoni ta’ l-inbid, li jidentifika l-aċidu tartariku bħala "aċidu naturali estratt mill-għeneb". Dawn il-kriterji ta’ purità huma iktar kompluti iżda xorta waħda jikkorrispondu għal dawkimniżżla fid-Direttiva tal-Kummissjoni 96/77/KE tat-2 ta’ Diċembru 1996 li tistabbilixxi l-kriterji speċifiċi ta’ purità fl-addittivi ta’ l-ikel barra minn kuluri u ħlewwiet [5], kif l-aħħar emendat permezz tad-Direttiva 2002/82/KE [6].

(5) Sabiex ikun assigurat grad għoli ta’ kwalità, u b’mod partikolari sabiex tkun ippreservata l-awtentiċità u l-karattru naturali ta’ l-inbid in konformità ma’ prassi tajba oenoloġika, il-ħtieġa li l-aċidu tartariku li jista’ jkun użat fil-produzzjoni ta’ l-inbid għandu jkun ta’ oriġini agrikulturali, li jieħu in konsiderazzjoni l-ispeċifikazzjonijiet tal-Kodiċi Oenoloġiki Internazzjonali ta’ l-Uffiċju Internazzjoni tad-Dielja u l-Inbid, għandu jkun inkorporat fir-Regolament (KE) Nru 1622/2000.

(6) Il-miżuri pprovduti għalihom f’dan ir-Regolament huma in konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Inbid,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Il-paragrafu segwenti huwa miżjud ma’ l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1622/2000:

"Aċidu tartariku, liema użu huwa pprovdut għalih fl-Anness IV(1)(l) u (m) u l-Anness IV(3)(k) u (l) għar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, imsejjaħ ukoll aċidu L-tartariku, għandu jkun ta’ oriġini agrikulturali u estratt speċifikatament minn prodotti ta’ l-inbid. Għandu wkoll jikkonforma mal-kriterji ta’ purità skond id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/77/KE [7]."

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, is-16 ta’ Diċembru 2002.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 179, ta’ l-14.7.1999, p. 1.

[2] ĠU L 345, tad-29.12.2001, p. 10.

[3] ĠU L 194, tal-31.7.2000, p. 1.

[4] ĠU L 278, tat-23.10.2001, p. 9.

[5] ĠU L 339, tat-30.12.1996, p. 1.

[6] ĠU L 292, tat-28.10.2002, p. 1.

[7] ĠU L 339, tat-30.12.1996, p. 1.

--------------------------------------------------

Top